Il‑mewt qasir il‑għomor ta’ Miriam Pace mhix l‑unika waħda li seħħet minħabba prattiċi abbużivi fl‑industrija tal‑bini. Huwa ta’ qsim il‑qalb tara residenti li tilfu djarhom, oħrajn li ndarbu, jew saħansitra li spiċċaw mirduma taħt it‑terrapien, imma wkoll ħaddiema, fosthom ħafna barranin, li x’aktarx ma jkollhomx għażla ħlief li jagħmlu kull tip ta’ xogħol li joffrulhom, u li b’xorti ħażina niftakru fihom biss meta xi ħadd minnhom imut fuq il‑lant tax‑xogħol.
Iż‑żmien jgħaddi, l‑aħbar kerha ma tibqax tixxokkjana, tiġi proposta xi “soluzzjoni” biex twieġeb għall‑urġenza li tkun tinħass u li ma tħarisx ’il bogħod… u bil‑mod il mod jintesa kollox. Ejjew inkunu onesti: min minna jibqa’ jaħseb kuljum f’dawk il‑persuni li sfaw vittma u saħansitra li jkunu mietu bla ħtija, jekk mhux l‑għeżież tagħhom? F’pajjiżna bħal donnu kollox jindara, kollox isir xejn mhu xejn u saħansitra jkun hemm min jaċċetta anke dak li mhux normalment aċċettabbli – l‑aqwa li r‑rota ekonomika tibqa’ ddur.
Fis‑sottomissjonijet tagħha fil‑konsultazzjoni pubblika dwar ir‑Regolamenti marbuta ma’ Prattiċi ta’ Skavar u Kostruzzjoni, fl‑2019, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) esprimiet it‑tama li r‑regolamenti li kienu qed jiġu proposti ma jkunux attentat populista biex il‑pubbliku jiġi impressjonat li kienet qed issir xi ħaġa. Il‑KA tqis bħala skandlu kbir il‑fatt li l‑Building Regulation Office għażel li jabdika mir‑responsabbiltà tiegħu li jżomm hu stess reġistru tal‑kuntratturi, li permezz tiegħu wieħed seta’ jserraħ rasu li l‑kuntratturi huma kwalifikati, mħarrġa u ċertifikati li jagħmlu x‑xogħol li jidħlu għalih, u minflok, serraħ fuq reġistru li bdiet iżżomm il‑Malta Developers Association. Għal żmien twil, l‑awtoritajiet semgħu biss mill‑kuntratturi u l‑hekk imsejħa “żviluppaturi”. L‑awtoritajiet u l‑kuntratturi/żviluppaturi saru qishom il‑kelliema ta’ xulxin, filwaqt li d‑drittijiet u l‑opinjonijiet ta’ stakeholders oħra ġew injorati.
Issa donnha saret prattika komuni li sottomissjonijiet dwar liġijiet, regolamenti, policies u applikazzjonijiet għal żvilupp li jsiru minn stakeholders, li mhumiex ħaġa waħda mal‑lobby tal‑bini, ftit li xejn jingħataw attenzjoni. Il‑Gvern għandu jagħmel riforma sħiħa fil‑proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika. Kull bidla proposta f’regolamenti li għandhom x’jaqsmu mal‑bini, ippjanar u l‑ambjent għandhom ikunu ġustifikati bil‑miktub fid‑dokument li joħroġ għall‑konsultazzjoni pubblika.
It‑telf kontinwu fil‑valur tal‑kwalità tal‑ħajja f’żoni urbani u tal‑ambjent naturali huma frott ta’ sistema politika li spiċċa żmienha. Kultant l‑awtoritajiet infushom flimkien mal‑iżvilupppaturi jwarrbu fil‑ġenb l‑ilmenti ta’ familji, komunitajiet u kunsilli lokali li jirrappreżentaw lil dawn il‑komunitajiet. Il‑KA tħoss li l‑influwenza li l‑industrija tal‑bini għandha fuq il‑partiti politiċi u fuq il‑politiċi nfushom jeħtieġ tkun imrażżna. Il‑kwistjonijiet tal‑finanzjament tal‑partiti politiċi u s‑salarji tal‑membri tal‑Parlament għandhom ikunu fuq l‑aġenda nazzjonali.
Il‑KA ilha żmien, stqarrija wara l‑oħra, twissi lill‑awtoritajiet ta’ amministrazzjonijiet diversi dwar il‑ħtieġa li l‑ġid u l‑benesseri komuni jingħataw l‑ogħla prijorità biex pajjiżna jgawdi żvilupp tassew sostenibbli. Iżda l‑frażi “żvilupp sostenibbli” issa forsi saret l‑iktar frażi abbużata fil‑lingwaġġ politiku, l‑aktar fejn jidħol l‑ippjanar tal‑iżvilupp.
L‑iżvilupp sostenibbli jistrieħ fuq tliet pilastri: dak ambjentali, dak soċjali u dak ekonomiku. B’enfasi esaġerata fuq il‑pilastru ekonomiku, il‑pilastri soċjali u ambjentali jiġu abbużati u jikkrollaw. Jekk wieħed ma jikkunsidrax bil‑għaqal it‑tliet pilastri flimkien meta jittieħdu deċiżjonijiet, allura ma jinħoloqx ġid li jgawdi minnu kulħadd, inklużi l‑ġenerazzjonijiet ta’ għada. Matul is‑snin, bil‑ħsieb li tkun pro‑business u mhux pro‑person, u minkejja l‑assikurazzjonijiet li tat, l‑industrija tal‑bini wriet biċ‑ċar li la hi kapaċi tiġġenera prodott li hu sostenibbli u lanqas hi kapaċi tirregola lilha nnifisha.
Hemm ħtieġa ta’ konverżjoni fil‑qalb u fil‑ħsieb ta’ kull min għandu sehem fl‑industrija. Il‑KA tappella lill‑kuntratturi onesti biex isemmgħu leħinhom u jinfluwenzaw it‑tibdil tant meħtieġ fl‑industrija. Is‑sidien tal‑art ukoll għandhom sehem importanti fil‑ġenn ta’ żvilupp li ħakem lil pajjiżna fl‑aħħar snin. Dawk li jbigħu l‑art għandhom jirriflettu fuq l‑azzjonijiet tagħhom għax imbagħad, wara li jkunu biegħu, għalxejn iħossuhom ixxukkjati u skandalizzati bil‑bini li jitla’ fuq l‑art, jew flok il‑bini, li jkunu biegħu. Għandhom ikunu konxji li l‑profitti sostanzjali li jkunu għamlu jkunu sewwasew minħabba l‑istrutturi koroh li jkunu ħallew li jsiru bil‑bejgħ tal‑propjetà tagħhom. Dan l‑appell japplika għas‑sidien kollha ta’ artijiet żgħar jew kbar, individwi u kumpaniji, Gvern, entitajiet tal‑Knisja u ordnijiet reliġjużi. Il‑KA tħoss li wasal iż‑żmien li l‑awtoritajiet juru biċ‑ċar fejn huma l‑prijoritajiet tagħhom u, b’kuraġġ, jieħdu d‑deċiżjonijiet diffiċli li messhom ilhom li ttieħdu. Minkejja li jistgħu jkunu skomdi għal xi wħud, dawn id‑deċiżjonijiet jagħmlu ġieħ lill‑maġġoranza assoluta tal‑popolazzjoni. Il‑memorja ta’ Miriam Pace, u ta’ dawk kollha li b’xi mod spiċċaw vittma tal‑industrija tal‑bini ma jixirqilhomx inqas minn hekk.
L-Opinion Paper tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent