Morru … stiednu għall-festa lil kull min issibu (ara Mt 22:9)
Għeżież ħuti!
It-tema li għażilt għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija ta’ din is-sena hija meħuda mill-parabbola tal-festa tat-tieġ li nsibu fl-Evanġelju (ara Mt 22:1-14). Wara li l-mistiedna rrifjutaw l-istedina tiegħu, is-sultan, il-karattru prinċipali tal-istorja, jgħid lill-qaddejja tiegħu: “Mela morru fit-toroq, u stiednu għall-festa lil kull min issibu” (v. 9). Meta nirriflettu fuq din is-silta ewlenija fil-kuntest tal-parabbola kif ukoll fil-ħajja ta’ Ġesù stess, nistgħu nagħrfu diversi aspetti importanti tal-evanġelizzazzjoni. Dawn huma kelmiet li huma tabilħaqq attwali għalina lkoll, bħala dixxipli missjunarji ta’ Kristu, matul din l-aħħar tappa tal-vjaġġ sinodali li għandu l-motto “Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni”, vjaġġ sinodali li qed ifittex li jgħin lill-Knisja biex tiffoka mill-ġdid fuq il-ħidma ewlenija tagħha, li hi l-predikazzjoni tal-Evanġelju fid-dinja tal-lum.
1. “Morru u stiednu!” Il-Missjoni hi li noħorġu bla heda biex nistiednu lill-oħrajn għall-ikla tal-Mulej.
Fil-kmand tas-sultan lill-qaddejja tiegħu nsibu żewġ kelmiet li jesprimu l-qalba tal-missjoni: il-verbi “morru” u “stiednu”.
Rigward l-ewwel verb, jeħtieġ niftakru li l-qaddejja kienu diġà ntbagħtu qabel biex iwasslu l-istedina tas-sultan lill-mistednin (ara vv. 3-4). Naraw li l-missjoni hija li toħroġ il-ħin kollu lejn in-nies kollha, sabiex tistedinhom jiltaqgħu ma’ Alla u jidħlu f’komunjoni miegħu. Bla heda! Alla, kbir fl-imħabba u għani fil-ħniena, joħroġ kontinwament biex jiltaqa’ man-nies kollha, u jsejħilhom għall-hena tas-saltna tiegħu, u dan anke quddiem l-indifferenza jew ir-rifjut tagħhom. Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb u l-messaġġier tal-Missier, ħareġ ifittex in-nagħaġ mitlufa tal-poplu ta’ Iżrael u xtaq imur aktar ‘il bogħod, biex jilħaq anke lin-nagħaġ l-aktar imbiegħda (ara Ġw 10,16). Kemm qabel kif ukoll wara l-qawmien tiegħu, qal lid-dixxipli tiegħu, “Morru!”, u b’hekk seħibhom fil-missjoni tiegħu stess (ara Lq 10,3; Mk 16,15). Il-Knisja, min-naħa tagħha, b’fedeltà lejn il-missjoni li rċeviet mingħand il-Mulej, tibqa’ tmur sa truf l-art, biex terġa’ toħroġ, bla qatt ma tiddejjaq jew taqta’ qalbha quddiem id-diffikultajiet u l-ostakli.
Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk il-missjunarji kollha li, bi tweġiba għas-sejħa ta’ Kristu, ħallew kollox biex imorru ’l bogħod minn art twelidhom u jwasslu l-Bxara t-Tajba f’postijiet fejn in-nies għadhom ma laqgħuhiex, jew laqgħuha biss dan l-aħħar. Għeżież ħbieb, id-dedikazzjoni tagħkom b’ġenerożità hija espressjoni li tmissha b’idejk tal-impenn tagħkom għall-missjoni ad gentes li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28,19). Inkomplu nitolbu u nirringrazzjaw lil Alla għall-vokazzjonijiet missjunarji ġodda f’għadd kbir għall-ħidma tal-evanġelizzazzjoni sa truf l-art.
Ma ninsewx li kull Nisrani huwa msejjaħ sabiex jieħu sehem f’din il-missjoni universali billi jkun xhud tal-Evanġelju f’kull ambjent, biex b’hekk il-Knisja kollha tkun tista’ kontinwament toħroġ mal-Mulej u l-Imgħallem tagħha fit-toroq tad-dinja tal-lum. Iva, “Il-qagħda tal-Knisja llum hija li Ġesù jibqa’ jħabbat il-bibien, imma jħabbat minn ġewwa, biex aħna nistgħu niftħulu u nħalluh joħroġ barra! Spiss nispiċċaw inkunu Knisja ‘ta’ ħabs’ li ma tħallix lill-Mulej joħroġ barra, imma żżommu ‘għaliha’, filwaqt li l-Mulej ġie b’missjoni u jridna nkunu missjunarji” (Diskors lill-Parteċipanti fil-Konferenza organizzata mill- Dikasterju għal-Lajċi, Familja u Ħajja, 18 ta’ Frar 2023). Jalla lkoll, l-imgħammdin, inkunu lesti li nerġgħu nibdew, kull wieħed skont l-istat tiegħu fil-ħajja, sabiex inniedu moviment missjunarju ġdid, bħalma kien ġara fil-bidu tal-Kristjaneżmu!
Biex nerġgħu lura għall-kmand tas-sultan fil-parabbola, lill-qaddejja jgħidilhom mhux biss biex “imorru”, iżda wkoll biex “jistiednu”: “Ejjew għall-festa!” (Mt 22:4). Hawnhekk nistgħu naraw aspett ieħor, mhux inqas importanti, tal-missjoni fdata minn Alla. Kif nistgħu nimmaġinaw, il-qaddejja wasslu l-istedina tas-sultan b’urġenza imma wkoll b’rispett kbir u b’ġentilezza. Bl-istess mod, il-missjoni li jwassal l-Evanġelju lil kull maħluq bilfors trid timita l-istess “stil” ta’ Dak li qed jiġi pprietkat. Meta aħna nxandru lid-dinja “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta” (Evangelii Gaudium, 36), id-dixxipli missjunarji għandhom jagħmlu dan b’ferħ, b’ġenerożità, u b’rieda tajba, li huma frott l-Ispirtu s-Santu li hemm fihom (ara Gal 5:22). Mhux jimponu, jisfurzaw jew bi proselitiżmu, imma bi qrubija, mogħdrija u tenerezza, u b’dan il-mod ikunu qed jirriflettu l-mod kif iġib ruħu Alla nnifsu.
2. “Għall-festa tat-tieġ”. Id-dimensjoni eskatoloġika u Ewkaristika tal-missjoni ta’ Kristu u tal-Knisja.
Fil-parabbola, is-sultan jitlob lill-qaddejja biex imorru jwasslu l-istedina għall-ikla tat-tieġ taʼ ibnu. Dik l-ikla hija xbieha tal-ikla eskatoloġika. Hija xbieha tas-salvazzjoni aħħarija fis-Saltna ta’ Alla, imwettqa sa minn issa bil-miġja ta’ Ġesù, il-Messija u l-Iben ta’ Alla, li tana l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10,10), imxebbħa mal-mejda mħejjija b’ikel mill-aħjar u b’inbejjed fini, meta Alla jeqred il-mewt għal dejjem (ara Is 25:6-8).
Il-missjoni ta’ Kristu għandha x’taqsam mal-milja taż-żmien, kif ħabbar sa mill-bidu tal-predikazzjoni tiegħu: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-saltna ta’ Alla waslet” (Mk 1:15). Id-dixxipli ta’ Kristu huma msejħin biex ikomplu din il-missjoni tal-Mulej u l-Imgħallem tagħhom. Hawnhekk naħsbu fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar il-karattru eskatoloġiku tal-ħidma missjunarja tal-Knisja: “ż-żmien tal-ħidma missjunarja jaħbat bejn l-ewwel u t-tieni miġja tal-Mulej…, għax qabel ma jerġa’ jiġi l-Mulej jeħtieġ li l-Evanġelju jkun tħabbar lill-ġnus kollha (ara Mk 13:10)” (Ad gentes, 9).
Aħna nafu li fost l-ewwel Insara ż-żelu missjunarju kellu xejra eskatoloġika qawwija. Kienu jħossu l-urġenza tal-predikazzjoni tal-Evanġelju. Illum ukoll jeħtieġ li nżommu din il-perspettiva, peress li tgħinna nevanġelizzaw bil-ferħ ta’ min jaf li “l-Mulej hu fil-qrib” u bit-tama ta’ min qed jimxi ‘l quddiem lejn dan il-għan, meta lkoll kemm aħna nkunu ma’ Kristu fil-festa tat-tieġ tiegħu fis-saltna ta’ Alla. Filwaqt li d-dinja tpoġġi quddiemna d-diversi “ikliet” tal-konsumiżmu, tal-kumdità żejda, tal-ħażna tal-ġid u tal-individwaliżmu, l-Evanġelju jsejjaħ lil kulħadd għall-ikla divina, li fiha jidher il-ferħ, il-qsim tal-ġid bejnietna, il-ġustizzja u l-fraternità f’komunjoni ma’ Alla u mal-oħrajn.
Din il-milja tal-ħajja, li hija d-don ta’ Kristu, nistgħu nduquha sa minn issa stess fl-ikla tal-Ewkaristija, li l-Knisja tiċċelebra fuq kmand tal-Mulej b’tifkira tiegħu. L-istedina għall-ikla eskatoloġika li aħna nwasslu lil kulħadd fil-missjoni tagħna ta’ evanġelizzazzjoni, hija marbuta bis-sħiħ mal-istedina għall-mejda Ewkaristika, fejn il-Mulej jitmagħna bil-kelma tiegħu u bil-Ġisem u d-Demmu tiegħu. Kif għallem il-Papa Benedittu XVI: “Kull ċelebrazzjoni Ewkaristika twettaq b’mod sagramentali l-ġabra eskatoloġika tal-Poplu ta’ Alla. Għalina, fl-ikla Ewkaristika aħna nkunu qed induqu minn issa dik l-ikla tal-aħħar imħabbra mill-profeti (ara Iż 25:6-9) u li t-Testment il-Ġdid isejħilha ‘l-festa tat-tieġ tal-Ħaruf’ (Apok 19,9) , li tiġi ċelebrata fil-ferħ tal-komunjoni tal-qaddisin” (Sacramentum Caritatis, 31).
Għaldaqstant, ilkoll kemm aħna msejħin biex ngħixu b’mod qawwi kull Ewkaristija, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u partikolarment id-dimensjonijiet eskatoloġiċi u missjunarji tagħha. F’dan ir-rigward, intenni li “ma nistgħux nersqu lejn il-mejda Ewkaristika mingħajr ma ninġibdu lejn il-missjoni li, tibda fil-qalb ta’ Alla nnifsu, u li trid tilħaq lin-nies kollha” (ibid., 84). It-tiġdid Ewkaristiku li ħafna Knejjes lokali qed jippromwovu fiż-żmien ta’ wara l-Covid, u għal dan ħaqqhom kull tifħir, hu meħtieġ ukoll biex jerġa’ jqajjem l-ispirtu missjunarju f’kull membru tal-knisja. Kemm għandna nistqarru b’iktar fidi u b’entużjażmu mill-qalb il-kliem li ngħidu f’kull Quddiesa: “Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, u nistennewk sa ma tiġi fil-glorja”!
F’din is-sena dedikata għat-talb bi tħejjija għall-Ġublew tal-2025, nixtieq nagħmel il-qalb lil kulħadd biex isaħħaħ l-impenn tiegħu fuq kollox biex jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u biex jitlob għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni fil-Knisja. B’ubbidjenza għall-kmand tas-Salvatur tagħna, il-Knisja ma tieqafx titlob, f’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika u liturġika it-talba tal-“Missierna”, li fiha nitolbu “Tiġi saltnatek”. B’dan il-mod it-talb ta’ kuljum, u l-Ewkaristija b’mod partikolari, jagħmluna pellegrini u missjunarji ta’ tama, mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem f’Alla, lejn il-festa tat-tieġ li Alla ħejja għal uliedu kollha.
3. “Lil kull min issibu”. Il-missjoni universali tad-dixxipli ta’ Kristu fi Knisja sinodali u missjunarja.
It-tielet u l-aħħar riflessjoni hi dwar dawk li jilqgħu l-istedina tas-sultan, u din l-istedina hi għal kulħadd: “lil kull min issibu”. Kif kont għidt darb’oħra, “Din hi l-qalba tal-missjoni: ‘kull min issibu – kulħadd’. Ma jeskludi lil ħadd. Għalhekk kull missjoni tagħna titwieled mill-qalb ta’ Kristu sabiex ikun jista’ jiġbed lil kulħadd lejh” (Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, 3 ta’ Ġunju 2023). Illum, f’dinja maqsuma minn firdiet u ġlied, l-Evanġelju ta’ Kristu jibqa’ dak il-leħen ġentili iżda sod li jsejjaħ lill-bnedmin biex jiltaqgħu ma’ xulxin, biex jagħrfu li huma aħwa ta’ xulxin, u biex jifirħu fl-armonija fost id-diversità. “Alla s-Salvatur tagħna jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2:4). Ma ninsew qatt, mela, li fil-ħidma missjunarja tagħna aħna mitluba nxandru l-Evanġelju lil kulħadd: “L-Insara huma fid-dmir li jxandru l-Evanġelju mingħajr ma jħallu lil ħadd barra, mhux qishom xi ħadd li qed jimponi obbligu ġdid, imma bħal min irid jaqsam ma’ ħaddieħor bil-ferħ, jurih xefaq sabiħ, joffrilu ikla mixtieqa” (Evangelii Gaudium, 14).
Id-dixxipli missjunarji ta’ Kristu dejjem kellhom għal qalbhom lill-bnedmin kollha, ikun xi jkun l-istat soċjali jew anke morali tagħhom. Il-parabbola tal-ikla tgħidilna li, fuq ordni tas-sultan, il-qaddejja ġabru “lil kull min sabu, tajbin u ħżiena” (Mt 22:10). Barra minn hekk, “il-foqra, il-magħtuba, l-għomja u z-zopop” (Lq 14:21), f’kelma oħra, l-iżgħar minn ħutna, dawk emarġinati mis-soċjetà, dawn huma l-mistednin speċjali tas-sultan. Il-festa tat-tieġ ta’ Ibnu li Alla ħejja tibqa’ dejjem miftuħa għal kulħadd, peress li l-imħabba tiegħu għal kull persuna hija bla tarf u bla kundizzjoni. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Kulħadd, kull raġel u kull mara, huwa mistieden minn Alla biex jieħu sehem mill-grazzja tiegħu, li tibdilna u ssalvana. Kulma rridu nagħmlu huwa li sempliċement ngħidu “iva” għal dan id-don divin li jingħatalna bla ħlas, naċċettawh u nħalluh jibdilna, u nilbsuh bħal ma wieħed jilbes “il-libsa tat-tieġ” (ara Mt 22,12).
Il-missjoni għal kulħadd teħtieġ l-impenn ta’ kulħadd. Irridu nkomplu l-mixja tagħna lejn Knisja li tkun kollha kemm hi sinodali u missjunarja fis-servizz tal-Evanġelju. Is-sinodalità hija minnha nnifisha missjunarja u, anke bil-kontra, il-missjoni hija dejjem sinodali. Għaldaqstant, il-koperazzjoni missjunarja llum hija aktar u aktar urġenti u meħtieġa, kemm fil-Knisja universali kif ukoll fil-Knejjes lokali. Fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II u tal-Predeċessuri tiegħi, nirrakkomanda lid-djoċesijiet kollha madwar id-dinja s-servizz li joffru l-Opri Missjunarji Pontifiċji li jikkostitwixxu l-mezzi primarji “kemm biex irawmu fil-Kattoliċi, sa minn età żgħira, spirtu tassew universali u missjunarju, kif ukoll biex jinkoraġġixxu ġabra adegwata ta’ sussidji għall-ġid tal-missjonijiet kollha u skont il-bżonnijiet ta’ kull missjoni” (Ad Gentes, 38). ). Għal dan il-għan, il-ġabra li ssir fil-Knejjes kollha lokali fil-Ġurnata Missjunarja, tmur għall-fond universali ta’ solidarjetà li l-Opra Pontifiċja għat-Tixrid tal-Fidi mbagħad tqassam f’isem il-Papa għall-ħtiġijiet tal-missjonijiet kollha tal-Knisja. Ejjew nitolbu biex il-Mulej imexxina u jgħinna nkunu Knisja aktar sinodali u aktar missjunarja (ara Omelija għall-Quddiesa tal-Għeluq tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 29 ta’ Ottubru 2023).
Fl-aħħar nett, ejjew nitfgħu l-ħarsa tagħna lejn Marija, li talbet lil Ġesù jagħmel l-ewwel miraklu tiegħu sewwasew waqt festa ta’ tieġ, f’Kana tal-Galilija (ara Ġw 2:1-12). Il-Mulej offra lill-miżżewġin ġodda u lill-mistednin kollha abbundanza ta’ nbid ġdid, bħala sinjal minn qabel tal-festa tat-tieġ li Alla qed iħejji għal kulħadd fl-aħħar taż-żmien. Ejjew nitolbu l-interċessjoni tagħha bħala omm, għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tad-dixxipli ta’ Kristu fi żmienna. Nitolbuha li bit-talb tagħha ta’ omm tgħinna biex il-Knisja ssir dar għal ħafna, omm għall-ġnus kollha, u tagħmel possibbli t-twelid ta’ dinja ġdida. (ara Evangelii Gaudium, 288) Ejjew noħorġu biex inwasslu lil kulħadd l-istedina tas-Sultan, is-Salvatur tagħna.
Qaddisa Marija, Kewkba tal-Evanġelizzazzjoni, itlob għalina!
Sors: laikos.org