Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jipprietka fid-deżert” (Mt 3,1). L-Evanġelju ta’ San Mattew jagħti titlu lil dan iben ta’ Zakkarija u Eliżabetta, jgħidlu: ‘il-Battista’. Dan l-isem jingħata għaliex hu beda dan ir-rit tal-magħmudija ta’ ndiema, u kellu wkoll il-missjoni li jinawgura l-ħidma ta’ Ġesù, meta Ġesù mar għandu biex jitgħammed fl-ilma tal-Ġordan. Interessanti kif San Mattew mill-ewwel jgħidilna liema Ġwanni hu – Ġwanni l-Għammiedi, il-Battista. Nafu mill-Evanġelju ta’ San Luqa li ismu huwa magħżul minn Alla, u fih innifsu huwa programm ta’ ħidma, missjoni speċjali; għaliex l-isem Ġwanni jfisser ‘Alla jħenn’, Yohanan – Alla ħniena. 

Imma din il-ħniena ta’ Alla mhijiex maġija. Taħdem fil-qalb tagħna mingħajr ma tneħħi l-libertà tagħna. U għalhekk il-messaġġ ta’ Ġwanni, li huwa messaġġ ta’ ħniena, huwa stedina għall-indiema. “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 3,2). “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mt 3,3). 

Din l-aħbar kienet tissejjaħ aħbar tajba, meta r-Re kien jibgħat quddiemu messaġġier jgħajjat: Ħejju t-triq, iddrittaw il-mogħdijiet, ġej is-Sultan. Ġwanni juża l-istess aħbar biex javżana li ġej il-Mulej, li ġej Ġesù. “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mt 3,3), iftħu beraħ il-qalb tagħkom, tibżgħux; imma ifhmu li għandkom responsabbiltà kbira. Alla ma jneħħix il-libertà tagħna, imma jħabbat fuq il-qalb tagħna. Tant iħobbna, li mhux se jisfurzana biex nagħmlu xi ħaġa kontra r-rieda tagħna; imma dak li jgħidilna huwa ta’ veru ġid għalina. Kull min hu missier, kull min hu omm, jifhem x’qed ngħid. Lil uliedek, inti twissihom għax tħobbhom. Tgħidilhom kelma ta’ ġid,  kultant anke jekk iddarrsilhom xufftejhom, għax tħobbhom, għax tixtiqilhom il-ġid. Hekk jagħmel magħna l-Mulej.

Ħin minnhom, Ġwanni għandu kliem iebes għal dawk li jippretendu li jgħaddu mir-rit tal-magħmudija, imma donnu l-qalb tagħhom għadha ma rtabitx biżżejjed. Aħna llum noqogħdu attenti qabel ma ngħidu lil xi grupp “nisel il-lifgħat” (Mt 3,7), bħalma jagħmel Ġwanni lill-Fariżej u lis-Sadduċej. Imma ċ-ċanfira tiegħu tibqa’ stedina li trid il-ġid tassew. “Agħmlu frott xieraq tal-indiema. Taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham’” (Mt 3 8-9). Tistriħux fuq il-kukkardi tagħkom, it-titli tagħkom, l-appartenenza tagħkom; ir-responsabbiltà rridu nġorruha personalment, kull wieħed u kull waħda minna. U meta niġu quddiem dak li titlob minna l-kuxjenza tagħna, il-Mulej jagħtina dawl biex nagħżlu tajjeb, biex nagħmlu għażliet tajba. 

Ġwanni jammetti li dan ir-rit tal-magħmudija għalih huwa messaġġ, li jużah biex iħejji l-poplu ħalli jilqa’ l-Kelma ta’ Ġesù, u jagħmel distinzjoni: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Mt 3,11). Dan huwa Ġesù, dak li jimliena bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu.

L-Ewwel Qari li smajna llum, din il-profezija sabiħa minn Isaija, proprju titkellem dwar din ir-rimja mill-fergħa ta’ Ġesse. Ġesse kien missier David. “Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej” (Is 11,2-3). Ġesù stess, meta jibda l-ħidma tiegħu fis-Sinagoga ta’ Nazzaret, juża profezija oħra ta’ Isaija; imma li tibda: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (Is 61,1). Ejjew nippreparaw għall-miġja tal-Mulej fostna, mhux biss esternament, li hija ħaġa sabiħa u tferraħna lkoll; imma billi nagħmlu eżami tal-kuxjenza tagħna, tal-qalb tagħna. Aħna, minflok kuxjenza fil-lingwi semitiċi, nippreferu l-qalb. Ngħidu: ‘Dak taf kemm għandu qalbu tajba’. Ħa nikkwota dak li ngħidu għall-pożittiv, għax aħna, biex imbagħad ngħidu lil xi ħadd ‘kiefer’, nużaw il-qalb, imma dawk ma nsemmuhomx. 

Il-qalb tal-bniedem hija l-personalità tiegħek, l-għażliet tiegħek; għandhom bżonn il-qawwa tal-Ispirtu ta’ Ġesù, li huwa Spirtu ta’ għerf veru, Spirtu ta’ fehma, ta’ dehen, ta’ għaqal, ta’ qawwa, u l-biża’ tal-Mulej. Il-biża’ tal-Mulej mhuwiex li jiena nitwerwer mill-Mulej. Jien nixtieq nitlob maħfra f’isem il-Knisja, ta’ kemm-il darba werwirna n-nies bl-infern; imma nkun qed nonqos jekk ma nfakkarx lili nnifsi l-ewwel wieħed, u kull wieħed u kull waħda minna, bir-responsabbiltà li għandna. Alla huwa ħanin, imma ma taħrablux id-deċiżjoni tal-qalb tagħna. Hu li għamilni nara, mhux għami, Hu li għamilni nisma’, mhux trux. Alla, li jifhem qalb il-bniedem, jaf ukoll jiżinha. Il-Mulej jagħtina d-dawl biex nagħmlu għażliet tajba. 

Għażiż Fr Daniel, inti u tibda din il-missjoni ġdida, il-Mulej qiegħed jafdalek permezz tal-kelma tal-Isqof. Nitlob fuqek biex inti tkun xhud ta’ dan l-ispirtu: l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, spirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej (Is 11,2). Jalla l-ħajja rżina tiegħek, is-simpatija li tattira, ma jressqux in-nies lejk – Daniel Cardona; imma lejn il-qaddej ta’ Ġesù, li inti inti. Il-Mulej jagħtik li tkun strument tal-ħniena tiegħu, tal-imħabba tiegħu, tal-faraġ tiegħu; għaliex Hu ġej biex ifarraġ il-poplu tiegħu. “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skont Kristu Ġesù” (Rum 15,5). Kemm tkun grazzja kbira din, li l-kelma tal-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani, ngħixuha, li Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtina l-grazzja li nkunu fehma waħda bejnietna skont Kristu Ġesù; “biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda nfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” (Rum 15,6).

Aħna nitkellmu ħafna dwar Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja. Knisja li tagħmel outreach, li toħroġ lil hinn mill-knisja, fit-toroq; li tkun preżenza ta’ solidarjetà; li tieħu ħsieb lil kulħadd, l-iżjed lil dawk vulnerabbli, li m’għandhomx leħen. “Ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għall-glorja ta’ Alla” (Rum 15,7).  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 30:19-21,23-26
Salm: 146 (147):1-2,3-4,5-6
L-Evanġelju: Mt 9:35 – 10:1,6-8

Aktar ritratti