L-Ittra lill-Filippin li fi kliem il-Papa, hi b’xi mod “l-aħħar testment spiritwali” ta’ San Pawl, kienet it-tema tal-katekeżi tal-Kap tal-Knisja fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa għal din il-ġimgħa fil-Vatikan.
Qal li din l-Ittra kienet iddettata mill-Appostlu tal-Ġentili mill-ħabs, meta kien qed iħoss il-mewt fil-viċin. Minkejja kollox għalqet bi stedina għall-ferħ, żied il-Papa. Qal li “l-ferħ hu karatteristika fundamentali għan-Nisrani”. Staqsa pero, “Kif jista’ wieħed ikun ferħan quddiem il-mewt imminenti tiegħu? Minn fejn jew aħjar minn min San Pawl ġab il-paċi, il-qawwa u l-kuraġġ biex jiffaċċja l-martirju tiegħu?”
Ir-risposta qal li wieħed isibha f’nofs l-Ittra lill-Filippin, f’dak li jissejjaħ l-‘Innu Kristoloġiku’ li jiġbor l-itinerarju uman u divin tal-Iben t’Alla, li jistieden lil kulħadd jimxi fuq l-eżempju ta’ Kristu, kemm permezz tal-ħsieb kif ukoll permezz tal-azzjoni.
San Pawl jissokta bil-kuntest storiku tal-ħajja ta’ Kristu fid-dinja, sakemm kien umiljat bl-għoti tas-salib, li kien il-mewt għall-iskjav. Kien pero permezz tas-salib li l-bniedem kien mifdi!
Benedittu XVI ikompli li “dan l-Innu għandu żewġ indikazzjonijiet importanti. L-ewwel, l-invokazzjoni lill-Mulej indirizzata lil Ġesu Kristu, li minkejja l-ħafna li jfittxu li jirrenjaw, jibqa’ l-Mulej fil-ħajja ta’ kull bniedem. It-tieni, l-qima dovuta lil Alla minn kull ħlejqa b’sens ta’ rikonoxximent li huwa Hu l-Mulej fil-ħajja tagħna”.
Għall-mistoqsija tal-bidu dwar minn fejn San Pawl ħab il-ferħ meta kien imminenti l-martirju tiegħu, il-Papa temm jgħid li “dan kien biss possibbli għax l-Appostlu qatt ma’ qala’ għajnejh minn fuq Kristu”.