L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Marija ta’ Magdala tersaq lejn il-qabar” skont ir-rakkont li jagħtina Ġwanni, “filgħodu kmieni meta kien għadu d-dlam” (Ġw 20:1). Kien għadda s-sibt u għalhekk setgħet tersaq lejn il-qabar bit-tama li tkun tista’ tkompli d-dilka fuq il-ġisem għażiż ta’ Ġesù.

Ippretendiet li tara l-blata li għadha qiegħda tagħlaq il-bokka ta’ dan il-qabar u ppretendiet li wara dik il-ġebla jkun hemm katavru, għażiż kemm tridu, imma katavru imgeżwer fil-liżar bil-maktur jgħatti wkoll il-wiċċ għażiż ta’ Ġesù mejjet. L-Evanġelju bi ftit kliem jgħidilna s-sorpriża kbira ta’ din il-mara li kienet tant tħobb lil Ġesù u li minnha Ġesù kien keċċa seba’ xjaten, u jispjegalna li telqet tiġri għand il-kap, għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù.

L-għażla li tagħmel b’xi mod tesprimi wkoll ir-realtà tal-Knisja. Marija ta’ Magdala kienet taf li Pietru ma kienx ħdejn is-salib ta’ Ġesù, kienet taf għax hi kienet hemm. Kienet taf li d-dixxiplu l-maħbub kien ħdejn is-salib tal-Imgħallem u ngħata l-missjoni u l-mandat minn Ġesù stess biex jieħu ħsieb lil omm Ġesù, lil Marija. Imma xorta tmur għand Xmun Pietru, tmur għand dan id-dixxiplu li sa dak il-mument fil-curriculum vitae tiegħu, almenu għall-aħħar sigħat, kellu t-tradiment u kellu l-bikja tal-indiema. Imma xorta tmur għandu, anzi telqet tiġri għand Xmun Pietru.

L-Evanġelju ma jsemmihx biss bl-isem li tawh missieru u ommu fiċ-ċirkonċiżjoni tiegħu: Xmun, Xemon, Barjona, imma jsejjaħlu wkoll bl-isem li għażillu Ġesù: Xmun Pietru. Għalkemm midneb, għalkemm traditur li ċaħad lill-Mulej, xorta l-kelma tal-Imgħallem – li sa dak il-ħin huwa sempliċement katavru li qalgħuh mill-qabar – il-kelma tal-Imgħallem għal Marija Maddalena għada tgħodd. Forsi b’garanzija tmur ukoll għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, li hi kienet taf li fl-aħħar sigħat kien dak li wera fedeltà kbira anke quddiem is-siegħa tal-ikbar umiljazzjoni tal-Mulej Ġesù.

U x’tgħidlhom? “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh” (Ġw 20:2). Hawnhekk jidħol dettall importanti li jinsisti fuqu l-Evanġelju ta’ San Ġwann: il-fatt li dawn it-tnejn, kemm Xmun Pietru u kemm Ġwanni d-dixxiplu l-maħbub, jitilqu jiġru lejn il-qabar. Ġwanni x’aktarx l-iżjed wieħed żgħażugħ jasal qabel, u hawnhekk naraw din il-ħeffa, il-ħeffa ta’ Marija Maddalena biex tgħidilhom li ma sabitx il-katavru ta’ Ġesù, huma li jiġru lejn il-qabar. U xi jsibu? Isibu l-faxex tal-għażel, u l-maktur li kien madwar rasu “mitwi u mqiegħed f’post għalih” (Ġw 20:7).

Dan li jibqa’. Il-qabar mhuwiex vojt għalkollox għaliex għad hemm il-liżar, jew il-faxex u l-maktur. U b’dan id-dettall Ġwanni jgħidilna li l-ewwel impressjoni ta’ Marija Maddalena kienet dik żbaljata għax min jieħu katavru mhux se joqgħod iħollu l-faxex u jneħħilu l-maktur, jaqbad u jieħu kollox.

U meta aħna, bħalma kellna l-opportunità lbieraħ nieqfu u nitolbu quddiem il-liżar li kebbeb il-ġisem għażiż ta’ Ġesù, li aħna nqimu f’Torin, is-Sindone jew il-liżar għażiż ta’ Kristu, nifhmu li dak huwa li ħallielna bħala tifkira tal-qawwa kbira tal-ħniena ta’ Alla. Ġesù mhuwiex katavru imma huwa ħaj. Id-dixxiplu li kien iħobb jidħol fil-qabar vojt, jara u jemmen (Ġw 20:8). X’jara? Jara qabar vojt, jara l-liżar jew il-faxex u l-maktur imqiegħed f’post għalih u mitwi. U jemmen il-kelma ta’ Ġesù.

San Pawl l-Appostlu Missierna, li ltaqa’ mal-irxoxt fit-triq ta’ Damasku u li sema’ l-kelma għażiża tiegħu, meta jaħseb fil-Mulej, juża l-kelma li juża għal Ġesù, Ġwanni l-Battista: dan hu l-ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U San Pawl meta jikteb lill-Korintin fl-Ewwel Ittra kapitlu 5, hekk isejjaħ lil Ġesù: “Il-Ħaruf tal-Għid tagħna li hu Kristu, hu maqtul” (1Kor 5:7).

Għall-komunità Lhudija, għalkemm qed jikteb anke lill-Korintin, b’kultura Griega, din l-espressjoni tfisser ħafna. Fil-velja qaddisa tal-Għid aħna qrajna r-rakkont tal-Għid tal-Lhud li permezz tiegħu jeħilsu mill-iskjavitù. Il-Mulej jordna li joqtlu u jsajru u jieklu ħaruf, ħaruf bla tebgħa. U dak l-ewwel Għid jibqa’ jimmarka dan il-jum qaddis anke għalina l-Insara bħala l-Jum tal-Ħelsien. U għalhekk l-Appostlu Missierna San Pawl lil Ġesù jsejjaħlu ‘il-ħaruf tal-Għid’ għaliex huwa s-sagrifiċċju tal-ħelsien tagħna, “il-Ħaruf tal-Għid tagħna li hu Kristu, hu maqtul”.

“Nagħmlu festa” (1Kor 5:8) jgħid San Pawl għaliex din hija l-festa tal-ħelsien tagħna u jirreferi għall-fatt li waqt l-ikla tal-Għid, peress li ma kellhomx ċans li jħallu l-ħmira togħla u hekk l-għaġna tkun tajba biex tagħmel il-ħobż kif nafuh aħna, u kellhom jagħmlu ftajjar ażżmi mingħajr ħmira, jagħti l-immaġini tal-ħmira. Il-ħobż bla ħmira huwa element ieħor mill-ikla tal-Għid li għall-poplu Lhudi, għall-poplu ta’ Alla kien ifisser il-passaġġ mill-iskjavitù għall-ħelsien. Pasqua hekk tfisser: dan it-transitu, din il-mogħdija, il-mogħdija mill-jasar għall-ħelsien.

U Pawlu juża espressjoni li kien uża wkoll Ġesù għax dawn iż-żewġ espressjonijiet insibuhom ukoll fl-Evanġelji. Ġwanni sejjaħ lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla imma Ġesù stess ħin minnhom fuq id-dgħajsa lill-appostli jsemmilhom il-ħmira ta’ Erodi u l-ħmira tal-Fariżej. U jgħidilhom: “Oqgħodu attenti mill-ħmira ta’ Erodu u mill-ħmira tal-Fariżej”. L-evanġelisti jgħidulna li ma fehmuhx x’ried jgħid. Illum l-Appostlu Missierna jgħidilna: “Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida kif intom bla ħmira” (1Kor 5:7). Proprju din l-immaġini tal-ħobż ażżmu fil-fatt aħna l-Kattoliċi, il-Latini, il-ħobż għall-Ewkaristija nagħmluh bla ħmira. U din il-kelma ta’ Pawlu hija antiċipazzjoni wkoll tal-Ewkaristija li qsamna għall-ewwel darba fl-Għid il-Kbir ilbieraħ u li qed inkomplu f’dan il-jum li huwa tmint ijiem twil.

Dan il-ħobż bla ħmira li aħna noffru fl-Ewkaristija u li nirċevuh trasformat fil-misteru tal-Ewkaristija fil-ġisem ħaj ta’ Ġesù, huwa s-sinjal tat-tiġdid tagħna. Il-ħmira l-qadima li Pawlu isejħilha “il-ħmira tal-qerq u tal-ħażen” (1Kor 5:8), mhix il-ħmira tal-Għid il-Kbir imma Pawlu jgħidilna li l-ħobż tal-Għid huwa “l-ħobż bla ħmira tas-safa’ u tas-sewwa”.

Aħna u nifirħu fl-Għid tal-Mulej, ejjew nilqgħu f’dan il-kliem tal-Appostlu Missierna bħala kliem programmatiku. Il-Mulej qed isejħilna biex nagħfsu dik ir-reset button, dik il-buttuna li terġa’ ġġib kollox kif kien mill-bidu, u jistedinna biex ħajjitna tkun safa’ u sewwa. Jekk inti trid tifhem eżattament xi jrid jgħid San Pawl, ifhem li hu qed jikkontradiċi l-ħmira tal-qerq u tal-ħażen. Jalla b’dawn iċ-ċirkostanzi attwali, aħna nilqgħu l-istedina tal-Mulej li nwarrbu kull ħmira qadima u li nitrejqu “bil-ħobż bla ħmira tas-safa’ u tas-sewwa”.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 10, 34a.37-43
Salm: 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23
Qari II: 1 Kor 5, 6b-8
Evanġelju: Ġw 20, 1-9

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti