-
-
Aktar minn 3,600 persuna żaru l-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta, waqt il-Valletta Green Festival, organizzat mill-Fundazzjoni Valletta 2018, bejn it-28 u t-30 ta’ April 2017.
Il-viżitaturi ngħataw l-opportunità unika li jżuru l-parti sotterranja u jammiraw il-ġnien pittoresk tal-Palazz, bil-funtana tiegħu tmur lura għas-seklu 17. Id-dħul għall-Palazz tal-Arċisqof kien bla ħlas, bil-ġurnata tal-Ħadd kienet l-aktar impenjattiva, hekk kif marru jżuruh aktar minn 1,000 persuna.
L-Open Days ġew inawgurati mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, li kien akkumpanjat mis-Segretarju Ammnistrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross.
Is-Sur Pace Ross qal li l-Arċidjoċesi tgħin u ssostni inizjattivi bħal dawn hekk kif l-Arċisqof jemmen li l-patrimonju ekklesjastiku, li jagħmel parti importanti mill-wirt kulturali Malti, għandu jiġi mħares u apprezzat. “Aħna gwardjani iktar milli proprjetarji, u inizjattivi bħal dawn jgħinu jqajmu kuxjenza dwar il-patrimonju tal-Knisja u x’jinvolvi biex jinżammu fi stat tajjeb.”
L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippjana biex is-sena d-dieħla terġa’ tiftaħ għall-pubbliku l-Palazz tal-Arċisqof, bħala parti mill-attivitajiet tal-Belt Valletta, bħala l-Kapitali tal-Kultura.
-
-
Ritratti: Ian Noel Pace