Japan disaster

Il-Papa Benedittu XVI ġedded is-solidarjeta spiritwali tiegħu mal-poplu tal-Ġappun quddiem it-traġedja naturali b’terremot b’qawwa ta’ 8.9 fuq l-iskala Ricther li seħħ nhar il-Ġimgħa, u li wassal għal tsunami li ħalla ċ-ċifra ta’ mejta tiżdied, antiċipata li taqbeż l-10,000.

Il-Prim Ministru tal-pajjiż, Naoto Kan, qal fil-mezzi tal-istampa li dan id-diżastru hu l-ikber kriżi li ffaċċja l-pajjiż mit-tieni gwerra dinjija ‘l hawn.

Wara t-talba tal-Angelus mit-tieqa tal-istudju tiegħu fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Benedittu XVI stqarr li d-dinja hi “mheżża bl-immaġni li qed jaslu mill-Ġappun” wara t-terremot qawwi u t-tsunami. Kompla billi ġedded is-solidarjeta spiritwali tiegħu mal-poplu Ġappuniż f’dan il-mument mill-iktar sensittiv biex anki l-isforzi fil-ħidma umanitarja, jiffaċċjahom b’kuraġġ u dinjita. Talab għall-familjari tal-vittmi u nkoraġixxa lil min jista’ joffri l-għajnuna sabiex jagħmel dan fi spirtu ta’ solidarjeta. Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ bis-sħiħ għal iżjed talb, mhux biss għal min sofra telfiet, iżda anki għall-ħaddiema tas-salvataġġ sabiex isibu l-enerġija jibqgħu jirsistu.

Uffiċjali qalu li minbarra l-provvediment tal-ikel u l-kenn lill-vittmi, il-pajjiż hu ffaċċjat bl-isfida ta’ nuqqas ta’ elettriku.