Turin Shroud

Il-Papa Benedittu Sittax għamel żjara pastorali f’Turin fl-Italja u żar l-espożizzjoni tal-Liżar Imqaddes li jinsab għal wiri sat-23 ta’ Mejju li ġej.

Filgħodu huwa ltaqa’ mal-poplu fi Pjazza San Carlo u wara kkonċelebra quddiesa.  Għaliha attendew madwar 25,000 persuna. Fl-omelija, il-Papa saħaq li ħafna għadab, qasmiet u mibgħeda qed jikkontradixxu l-eżistenza tal-bniedem. Hu esprima ruħu li jinsab qrib dak bla xogħol, li jinsabu f’qagħda prekarja, il-familji, l-emarġinati u l-immigranti.  Il-Papa għamel sejħa lill-politiċi biex dejjem jesegwixxu l-ġid komuni, anke meta dan ikun diffiċli.

Wara nofsinhar huwa ppranza mal-Isqfijiet tar-reġjun qabel laqgħa maż-żgħażagħ.  Qabel ma żar il-morda f’Cottolengo; għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar il-Papa Benedittu Sittax żar il-Katidral ta’ San Ġwann fejn hemm il-Liżar Imqaddes.     Huwa rritorna lejn il-Vatikan aktar tard filgħaxija.