Waqt iż-żjara statali li qed jagħmel fil-Ġermanja, l-Papa Benedittu XVI ilbieraħ iltaqa’ mal-vittmi Ġermaniżi ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti. Mill-ġdid huwa esprima sogħba għat-tbatija li sofrew il-vittmi u wera kompassjoni magħhom. Fit-tieni jum minn erbgħa taż-żjara statali tiegħu fil-Ġermanja, għal nofs siegħa, Papa Ratsinger iltaqa’ ma’ ħames vittmi, żewġ nisa u tliet irġiel. Stqarrija maħruġa mill-Vatikan ftit wara li ntemmet il-laqgħa,qalet li l-Papa ħassu kommoss u assigura lill-vittmi li quddiem tali każi ta’ abbuż, l-uffiċjali tal-Knisja kienu mħassba serjament. Żied li l-Knisja kienet impenjata għall-promozzjoni ta’ miżuri effettivi għall-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Mexxejja tal-Knisja fil-Ġermanja esprimew it-tama li l-laqgħa tal-Papa mal-vittmi tal-abbużi li allegatament seħħew meta l-individwi kienu għadhom minuri, tagħti spinta ‘l quddiem lill-fidi fil-Knisja Kattolika Rumana fil-pajjiż, li ħadet daqqa ‘l isfel minn meta bdew ikunu żvelati każi ta’ abbuż sesswali mis-sena li għaddiet ‘l hawn. Jingħad li kienu mijiet dawk li allegaw li sfaw abbużati lura bejn is-snin 50 u 80. Statistikament, fil-Ġermanja, s’issa saru allegazzjonijiet ta’ abbużi fi 18 minn 27 djoċesi tal-Knisja Kattolika.
Laqgħat simili għal dik li l-Papa għamel mal-vittmi fil-Ġermanja lbieraħ, saru minnu stess ma’ vittmi simili fl-Istati Uniti tal-Amerika, fl-Awstralja, fir-Renju Unit u f’Malta.
SPARATURA – ‘INSINIFIKANTI. EBDA TFIXKIL FIL-PROGRAMM TAL-PAPA’
Id-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, ikkonferma ma’ dan is-sit elettroniku li l-isparatura b’senter tal-kaċċa rrappurtata fil-periferija taż-żona tas-sigurta iżjed minn siegħa qabel il-quddiesa ċċelebrata mill-Papa, hi biss inċident li qed jitqies mill-entourage tal-Papa bħala wieħed “insinifikanti u ta’ ebda gravita partikulari”.
Aktar kmieni, aġenziji tal-aħbarijiet online irrappurtaw li xi ħadd spara tiri fl-inħawi fejn il-Kap tal-Kattoliċi kellu jiċċelebra l-quddiesa llum, bħala parti miż-żjara statali li qed jagħmel fil-Ġermanja.
Patri Federico Lombardi, il-kelliem għall-Vatikan, ikkummenta ma’ dan is-sit elettroniku li l-inċident, li fi kliemu “ma kellu ebda effett fuq il-programm taż-żjara tal-Papa”, ħalla uffiċjal privat tas-sigurta midrub ħafif.
Hu mifhum li l-pulizija Ġermaniża qed iżżomm persuna, li mhix eskluż li hu l-istess raġel li spara, għal iktar stħarriġ.