Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn kull min, fil-ġranet li fihom kont rikoverat fil-Policlinico Gemelli, urieni għożża, interess u ħbiberija, u żgurani li kien qed jgħinni bit-talb. Din il-qrubija umana u spiritwali, kienet għalija għajnuna kbira u faraġ. Grazzi lil kulħadd, grazzi lilkom, grazzi minn qalbi!
Illum, fl-Evanġelju, Ġesù jsejjaħ bl-isem – isejjaħ bl-isem – u jibgħat lit-tnax l-Appostlu. Meta jibgħathom jistedinhom iħabbru ħaġa waħda: “Intom u sejrin ħabbru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet (Mt 10,7). Hi l-istess aħbar li biha Ġesù beda l-predikazzjoni tiegħu: is-Saltna t’Alla, jiġifieri s-sinjorija ta’ mħabbtu, qorbot lejna, ġiet fostna. U din mhix aħbar bħall-oħrajn, iżda r-realtà fundamentali tal-ħajja: il-qrubija ta’ Alla, il-qrubija ta’ Ġesù.
Infatti, jekk Alla tas-smewwiet hu qrib, aħna m’aħniex waħdena fid-dinja u anki waqt id-diffikultajiet ma nitilfux il-fiduċja. Din hi l-ewwel ħaġa li għandha tingħad lin-nies: Alla mhux imbiegħed, iżda hu Missier. Alla mhux ‘il bogħod: hu Missier, jafek u jħobbok; irid iżommok minn idejk, anki meta tkun tilgħeġ fi tlajja wieqfa ħafna u mimlijin ostakli, anki meta taqa’ u ssibha diffiċli biex tqum u terġa’ tibda miexi; Hu, il-Mulej, qiegħed hemm, miegħek. Anzi, ta’ spiss, fil-mumenti li fihom int tkun l-aktar dgħajjef tista’ tħoss il-preżenza tiegħu ferm aktar qrib. Hu jaf it-triq, Hu jinsab miegħek, Hu Missierek! Hu Missieri! Hu Missierna lkoll!
Nieqfu fuq din l-istampa, għax it-tħabbira li Alla hu qrib tfisser stedina biex nidħlu fil-mentalità ta’ tifel, li jimxi mqabbad ma’ id missieru: kollox ikun jidher differenti. Id-dinja, kbira u misterjuża, issir familjari u żgura, għax it-tifel jaf li hu mħares. Ma jibqax jibża’ u jitgħallem jinfetaħ, jiltaqa’ ma’ persuni oħra, isib ħbieb ġodda, jitgħallem bil-ferħ affarijiet li ma kienx jafhom, imbagħad imur lura d-dar u jirrakkonta dak kollu li jkun ra, filwaqt li fih tikber ix-xewqa li jsir adult u jibda jagħmel dak li kien jara jagħmel missieru. Din hi r-raġuni għala Ġesù jibda’ minn hawn, din hi r-raġuni għala l-qrubija ta’ Alla hi l-ewwel aħbar: meta nkunu qrib Alla ngħelbu l-biża’, ninfetħu għall-imħabba, nissaħħu fit-tajjeb u nħossu l-bżonn u l-ferħ li nħabbru.
Jekk irridu nkunu appostli tajbin, irridu nkunu bħat-tfal: noqgħodu “bilqiegħda f’ħoġor Alla” u minn hemm inħarsu lejn id-dinja bil-fiduċja u bl-imħabba biex nagħtu xhieda li Alla hu Missier, li Hu biss jibdlilna qlubna mill-qiegħ u jtina dak il-ferħ u dik il-paċi li aħna ma nistgħux niksbu bil-ħila tagħna waħedna.
Inħabbru li Alla hu qrib. Imma kif nagħmluh dan? Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jirrakkomanda biex noqgħodux nitkellmu żejjed, imma nagħmlu ġesti ta’ mħabba u tama f’isem il-Mulej; ma rreddnux wisq, imma nagħmlu l-ġesti: “Fejqu lill-morda – jgħid – qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,8). Dan hu l-qofol tal-aħbar: it-testimonjanza gratwita, is-servizz. Ngħidilkom ħaġa: inħossni mistgħaġeb b’dawk li jgħidu ħafna (parolai), għax jitkellmu ħafna bla ma jagħmlu xejn.
Issa ejjew nagħmlu ftit mistoqsijiet: aħna, li nemmnu f’Alla qrib, nafdaw fih? Nafu nħarsu ‘l quddiem bil-fiduċja, bħat-tifel li jaf li missieru qed iġorru fuq dirgħajh? Nafu noqgħodu f’ħoġor il-Missier bit-talb, bis-smigħ tal-Kelma, billi nersqu lejn is-Sagramenti? U fl-aħħar, magħqudin miegħu, nafu nagħmlu l-kuraġġ lill-oħrajn, inkunu qrib min qed ibati, min hu mbiegħed u wkoll min hu ostili? Din hi l-konkretezza tal-fidi, dan hu dak li jiswa.
U issa nitolbu lil Marija biex tgħinna nħossuna maħbubin u biex issaħħilna l-qrubija u l-fiduċja.
Sors: laikos.org