Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum fl-Evanġelju tal-Liturġija (cfr Mk 7,1-8.14-15.21-23), Ġesù jitkellem dwar dak li hu safi u dak li moqżież: argument ħafna għal qalb in-nies ta’ żmienu, marbut primarjament mal-osservanza tar-riti u tar-regoli tal-imġieba, biex ikun evitat kull kuntatt ma’ affarijiet u persuni meqjusin imniġġsa, u meta dan isir, ineħħu “t-tebgħa” (cfr Lev 11-15). Kienet kważi ossessjoni ta’ wħud mir-reliġjużi ta’ dak iż-żmien: is-safa u l-impurità. Xi skribi u fariżej, li kienu josservaw dawn in-normi bir-reqqa, jakkużaw lil Ġesù li qed jippermetti lid-dixxipli tiegħu jaqbdu l-ikel bla ma ħaslu jdejhom. U Ġesù japprofitta ruħu minn din iċ-ċanfira tal-fariżej lid-dixxipli tiegħu biex jitkellem dwar it-tifsira “tas-safa”.
Is-safa – jgħid Ġesù – mhix marbuta mar-riti esterni, imma qabel kollox mad-dispożizzjoni interna. Għalhekk, biex bniedem ikun pur mhemmx għalfejn joqgħod jaħsel idejh ħafna drabi, jekk f’qalbu jgħammru sentimenti ħżiena bħalma huma r-regħba, l-għira jew is-suppervja, inkella intenzjonijiet ħżiena bħall-inganni, serq, tradimenti u kalunnji (cfr Mk 7,21-22). Ġesù jwissi biex il-bniedem jitħares mir-ritwaliżmi, li ma jħalluhx jisseddaq fit-tajjeb, anzi, xi drabi jistgħu jwasslu lil dak li jkun biex jittraskura, jew saħansitra jiġġustifika, fih innifsu u fl-oħrajn, għażliet u atteġġjamenti kontra l-karità, li jġerrħu r-ruħ u jagħlqu l-qalb.
Dan, ħuti, huwa importanti għalina wkoll: per eżempju ma nistgħux noħorġu mill-knisja wara l-Quddiesa u fuq iz-zuntier nibdew insesku bla ħniena fuq kollox u fuq kulħadd. Dak it-tqassis li jirvina l-qalb, li jirvina r-ruħ. Le, ma nistgħux! Tmur il-Quddies, imbagħad tagħmel dawn l-affarijiet, ħaġa kerha! Inkella tidher tant devot waqt it-talb imbagħad id-dar tittratta b’indifferenza u distakk lill-familjari tiegħek, jew tittraskura lill-ġenituri anzjani li jeħtieġu għajnuna u kumpanija (cfr Mk 7,10-13). Din ħajja doppja li ma tistax tkun koerenti. Hekk kienu jagħmlu l-fariżej. Is-safa tal-qoxra nieqsa mill-atteġġjamenti tajba, atteġġjamenti ta’ ħniena mal-oħrajn. Jew, aktar, ma nistgħux inkunu korretti ħafna fid-dieher, forsi wkoll nagħmlu xi ftit volontarjat jew xi ġest filantropiku, imbagħad minn ġewwa mimlijin mibegħda għal ħaddieħor, niddisprezzaw lill-foqra u lil tal-aħħar jew inġibu ruħna b’mod diżonest fuq ix-xogħol.
Mim jagħmel hekk ikun qed jibni r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla fuq dak li jidher minn barra, u minn ġewwa jkun isakkar barra l-azzjoni tal-grazzja tiegħu li ssaffi, u jberren ħsibijiet u mġieba neqsin mill-imħabba.
Aħna magħmulin għal xi ħaġa differenti.
Allura nsaqsu: il-fidi tiegħi ngħejxha b’mod koerenti, jiġifieri, dak li nagħmel fil-knisja nipprova nwettqu bl-istess spirtu barra wkoll? Bis-sentimenti, bil-kliem u bl-opri, il-qrubija tiegħi u r-rispett lejn l-aħwa nagħmilhom konkreti biex jaqblu ma’ dak li nkun għidt fit-talb? Nimmeditaw.
U Marija, l-Omm l-aktar safja, tgħinna biex ħajjitna, bl-imħabba li nħossu u li nipprattikaw, nagħmluha sagrifiċċju ħaj li jogħġob lil Alla (cfr Rum 12,1)
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ fi Šaštín, fis-Slovakkja kien beatifikat Ján Havlík, seminarista tal-Kongregazzjoni tal-Missjoni, imwaqqfa minn San Vinċenz de’ Paoli. Dan iż-żgħażugħ kien inqatel fl-1965, waqt il-persekuzzjoni tar-reġim kontra l-Knisja f’dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja. Il-perseveranza tiegħu biex ikun xhud tal-fidi fi Kristu għandha tqawwi l-qalb ta’ kulmin illum għaddej mill-istess provi iebsa. Applaws lill-Beatu l-ġdid!
B’niket sirt naf li s-Sibt 24 ta’ Awwissu, fil-komun ta’ Barsalogho, fil-Burkina Faso, mijiet ta’ persuni, fosthom nisa u tfal, inqatlu, u bosta oħra sfaw feruti f’attakk terroristiku. Jien u nikkundanna dawn l-attentati odjużi kontra l-ħajja umana, nesprimi l-qrubija tiegħi man-Nazzjon kollu u nagħti l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi. Jalla l-Verġni Marija twieżen lill-maħbub poplu tal-Burkina Faso biex jerġa’ jikseb il-paċi u s-sigurtà. Qed nitlob ukoll għall-vittmi tal-inċident li seħħ fis-Santwarju ta’ Nossa Senhora da Conceição, fil-belt ta’ Recife, fil-Brażil. Il-Mulej Irxoxt jagħti l-faraġ lill-feruti u lill-familjari tagħhom.
U jien dejjem qrib il-poplu martri tal-Ukrajna, milqut bl-aħrax bl-attakki fuq l-infrastruttura enerġetika. Minbarra l-mejtin u l-feruti, dawn l-attakki ħallew aktar minn miljun ruħ bla dawl u bla ilma.
Niftakru li l-leħen tal-innoċenti dejjem ikun mismugħ minn Alla, li ma jibqax indifferenti quddiem it-tbatijiet tagħhom!
Mill-ġdid u bi preokkupazzjoni ndawwar ħsiebi lejn il-kunflitt fil-Palestina u Iżrael, għax hemm riskju li jinfirex f’aktar bliet tal-Palestina. Nagħmel appell biex in-negozjati ma jieqfux u biex minnufih jieqaf il-ġlied, jinħelsu l-ostaġġi u tingħata għajnuna lill-popolazzjoni ta’ Gaża, fejn qed jinfirex ukoll ħafna mard, inkluz il-polio. Jalla ssaltan il-paċi fl-Art Imqaddsa, jalla ssaltan il-paċi f’Ġerusalemm! Il-Belt Imqaddsa għandha tkun imkien ta’ laqgħa fejn l-Insara, il-Lhud u l-Musulmani jħossuhom rispettati u milqugħin, u jalla ħadd ma jipprova jimmina l-Istatus Quo fl-imkejjen qaddisa rispetivi.
Illum qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien. Nawgura li kulħadd, istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet, familji u kull persuna, juri impenn konkret fil-ħarsien tad-dar komuni tagħna. Il-karba tal-Art miġrugħa qed issir dejjem aktar allarmenti u titlob attenzjoni deċisiva bla dewmien.
Għada se nibda vjaġġ appostoliku f’xi pajjiżi tal-Asja u tal-Oċeanja. Jekk jogħġobkom itolbu biex dal-vjaġġ iħalli l-frott!
Insellem lilkom, rumani u pellegrini! Insellem partikolarment liż-żgħażagħ minn Lucca akkumpanjati mill-Arċisqof Mons Paolo Giulietti u xi saċerdoti; insellem lill-adoloxxenti bravi tal-Immacolata u lil dawk minn Campocroce di Mirano.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org