Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd jirrakkonta l-parabbola li nafuha bħala dik tal-iben il-ħali (ara Lq 15:11-32). Din tressaqna lejn il-qalb ta’ Alla, li jaħfer dejjem bil-ħniena u l-ħlewwa, dejjem. Alla jaħfer dejjem, aħna negħjew nitolbu maħfra imma Hu dejjem jaħfer. Tgħidilna li Alla hu Missier, li mhux biss jilqa’ mill-ġdid, imma jifraħ u jagħmel festa lil ibnu, li reġa’ lura d-dar wara li kien berbaq kulma kellu. Dak l-iben hu aħna, u nħossuna nitqanqlu meta niftakru kemm il-Missier iħobbna dejjem u dejjem jistenniena.
Imma fl-istess parabbola hemm ukoll l-iben il-kbir, li jidħol fi kriżi quddiem Missier bħal dan. U li jista’ jdaħħal fi kriżi lilna wkoll. Infatti fina hemm ukoll dan l-iben il-kbir, u jekk mhux għalkollox, għandna t-tentazzjoni li ntuh raġun: dejjem qeda dmiru, ma telaqx mid-dar, għalhekk jixxokkja ruħu meta jara lill-Missier jgħannaq mill-ġdid lil ħuh li kien ġab ruħu ħażin. Jipprotesta u jgħid: “Ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt”, iżda “lil dan ibnek”, saħansitra tagħmillu festa! (vv. 29-30). “Ma nifhmekx”. Hi l-istmerrija tal-iben il-kbir. Minn dal-kliem tinbet il-problema tal-iben il-kbir. Fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier hu jibni kollox fuq l-osservanza stretta tal-amar, fuq is-sens tad-dmir. Din tista’ tkun problema tagħna wkoll, il-problema bejnna u bejn Alla: ninsew li hu Missier u ngħixu reliġjon distanti, magħmula biss minn projbizzjonijiet u dmirijiet. U l-konsegwenza ta’ dan id-distakk hi l-ebusija lejn il-proxxmu, li ma narawhx aktar bħala ħuna. Fil-parabbola, infatti, l-iben il-kbir lill-Missier ma jgħidlux ħija, le, jgħidlu ibnek, qisu qed jgħid: dan mhux ħija. U fl-aħħar mill-aħħar hu propju huwa stess li jirriskja li jibqa’ barra mid-dar. Infatti, it-test jgħidilna, “ma riedx jidħol” (v. 28). Għax kien hemm l-ieħor.
Meta jara dan, il-Missier joħroġ jitolbu bil-ħniena: “Ibni, int dejjem miegħi, kulma hu tiegħi huwa tiegħek” (v. 31). Jipprova jfiehmu li għalih kull iben hu l-ħajja tiegħu kollha. Dan jafuh tajjeb il-ġenituri, li jersqu qrib ħafna lejn il-mod kif iħoss Alla. Sabiħ dak li jgħid missier f’rumanz: “Meta sirt missier, fhimt lil Alla” (H. De Balzac, Il-padre Goirot, Milan, 2004, 112). F’dal-punt tal-parabbola, il-Missier jiftaħ qalbu għall-iben il-kbir u jistqarrlu żewġ ħtiġijiet, li mhumiex kmand, imma ħtieġa għall-qalb: “Kien hemm bżonn nagħmlu festa u nifirħu għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam” (v. 32). Neżaminaw ftit biex naraw jekk fi qlubna hemmx dawn iż-żewġ ħtiġijiet tal-Missier: nagħmlu festa u nifirħu.
Qabelxejn nagħmlu festa, jiġifieri lil min jindem jew jinsab f’mixja, min jinsab fi kriżi jew imbiegħed, nuruh li aħna qribu. Għaliex hemm bżonnu dan? Għax dan jgħin biex tingħeleb il-biża’ u l-iskoraġġiment, li jistgħu jiġu mit-tifkira tad-dnubiet ta’ dak li jkun. Min żbalja, spiss iħossu mċanfar minn qalbu stess; distanza, indifferenza u kliem li jniggeż ma jgħinuhx. Għalhekk, skont il-Missier, hemm bżonn li ntuh merħba ħerqana, li tinkoraġġih jibqa’ miexi ‘l quddiem. “Imma, missier dan qaleb id-dinja! U aħna nagħmlu hekk? Infittxu lil min hu mbiegħed, u nixtiequ nagħmlu festa miegħu? Kemm tista’ tagħmel ġid qalb miftuħa, smigħ veru, tbissima trasparenti; nagħmlu festa mhux lil dak li jkun inġagħluh iħossu skomdu! Il-Missier seta’ qal: tajjeb ibni, erġa’ idħol id-dar, erġa’ ibda aħdem, mur f’kamartek, organizza ruħek, u ibda aħdem! U din kienet tkun maħfra tajba. Iżda le! Alla ma jafx jaħfer bla ma jagħmel festa! U l-missier jagħmel festa, minħabba l-ferħ li jħoss għax ibnu reġa’ lura.
Imbagħad, skont il-Missier, hemm bżonn nifirħu. Min għandu qalbu tħabbat ma’ dik ta’ Alla, meta jara l-indiema ta’ xi persuna, kbar kemm huma kbar l-iżbalji li tkun għamlet, jifraħ. Ma jibqax imaħħaħ fuq l-iżbalji, ma jippontax sebgħu lejn il-ħażin, imma jifraħ bit-tajjeb, għax it-tajjeb tal-ieħor hu wkoll it-tajjeb tiegħi! U aħna għandna ħila nħarsu lejn l-oħrajn b’dal-mod?
Ippermettuli nirrakkonta storja, mhux vera, imma turi x’inhi l-qalb tal-missier. Kien hemm opra pop, tlieta jew erba’ snin ilu, fuq it-tema tal-iben il-ħali, bl-istorja kollha tagħha. U fl-aħħar, meta dak l-iben jaqtagħha li jmur lura għand missieru, jiddiskuti ma’ ħabib u jgħidlu: “Tafx, qed nibża’ li missieri jirrifjutani, li ma jaħfrilix”. U l-ħabib itih parir: “Ibgħat ittra żgħira lil missierek u għidlu: “Missier, indimt, nixtieq nerġa’ lura lejn id-dar, m’iniex żgur li int se tkun kuntent. Jekk trid tilqagħni, jekk jogħġbok, dendel maktur abjad mat-tieqa”. U mbagħad beda t-triq. U meta kien qrib id-dar, fejn il-liwja tat-triq, meta dar l-aħħar kantuniera, tfaċċat id-dar tiegħu quddiemu. U x’ra? Mhux maktur: kienet mimlija mkatar bojod, mat-twieqi kollha! Hekk jilqagħna l-Missier, bil-milja, bil-ferħ. Dan hu Missierna!
Nafu nifirħu minħabba l-oħrajn? Il-Verġni Marija tgħallimna nilqgħu l-ħniena t’Alla, sabiex issir id-dawl li fih għandna nilmħu lill-proxxmu tagħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Għadda aktar minn xahar mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna, mill-bidu ta’ dil-gwerra krudili u bla sens li, bħal kull gwerra oħra, tfisser telfa għal kulħadd, għalina lkoll. Hemm bżonn nirrifjutaw il-gwerra, imkien tal-mewt fejn il-missirijiet u l-ommijiet jidfnu ‘l uliedhom, fejn bnedmin joqtlu lil ħuthom bla ma qatt biss ikunu rawhom, fejn is-setgħanin jiddeċiedu u l-foqra jmutu.
Quddiem il-periklu li teqred lilha nfisha, l-umanità għandha tifhem li wasal iż-żmien li nabolixxu l-gwerra, li nikkanċellawha mill-istorja tal-bniedem qabel ma tkun hi li tikkanċella l-bniedem mill-istorja
Il-gwerra ma tirvinax biss il-preżent, imma wkoll il-ġejjieni ta’ soċjetà. Qrajt li mindu bdiet l-aggressjoni tal-Ukrajna, tifel/tifla minn kull tnejn sfaw itturufnati minn pajjiżhom. Dan ifisser il-qerda tal-ġejjieni, jikkawża trawmi drammatiċi fl-aktar ċkejknin u innoċenti fostna. Din hi l-bestjalità tal-gwerra, att barbaru u ta’ sagrileġġ.
Il-gwerra qatt ma tista’ tkun ħaġa inevitabbli; m’għandniex nidrawha l-gwerra! Minflok, għandna nibdlu l-istmerrija tagħna tal-lum f’impenn għal għada. Għax jekk noħorġu minn dil-ġrajja l-istess bħalma konna qabel, b’xi mod ilkoll kemm aħna nkunu ħatja. Quddiem il-periklu li teqred lilha nfisha, l-umanità għandha tifhem li wasal iż-żmien li nabolixxu l-gwerra, li nikkanċellawha mill-istorja tal-bniedem qabel ma tkun hi li tikkanċella l-bniedem mill-istorja.
Nitlob biex kull politiku responsabbli jirrifletti dwar dan, jimpenja ruħu f’dar-rigward! U aħna u nħarsu lejn l-Ukrajna martirizzata, nifhmu li kull jum ta’ gwerra jgħarraq is-sitwazzjoni għal kulħadd. Għalhekk inġedded l-appell tiegħi: biżżejjed, nieqfu, insikktu l-armi, niddiskutu l-paċi bis-serjetà! Nibqgħu nitolbu bla ma nhedew lir-Reġina tal-Paċi, li lilha kkonsagrajna l-umanità, partikolarment lir-Russja u l-Ukrajna, bis-sehem kbir u magħqud li għalih irrodd ħajr lilkom ilkoll. Nitolbu flimkien. Sliem għalik, Marija…
Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment lill-fidili mill-Messiku, minn Madrid u minn León; lill-istudenti minn Pamplona u minn Huelva u lill-adoloxxenti minn diversi pajjiżi li qattgħu żmien ta’ formazzjoni f’Loppiano. Insellem lill-parruċċani ta’ Nostra Signora di Valme ta’ hawn f’Ruma u lil dawk minn San Giorgio in Bosco, Bassano del Grappa u Gela; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Frascati u lill-grupp ‘Ħbieb ta’ Żakkew’ minn Reggio Emilia; kif ukoll lill-Kumitat promutur tal-mixja Perugia-Assisi għall-Paċi u l-Fraternità, li ġew flimkien mat-tfal tal-iskola biex iġeddu l-impenn għall-edukazzjoni għall-paċi.
Insellem lill-parteċipanti tal-Maratona ta’ Ruma! Dis-sena, bl-inizjattiva ta’ ‘Athletica Vaticana’ bosta atleti ħadu sehem f’inizjattiva ta’ solidarjetà ma’ dawk il-persuni tal-belt li jinsabu fil-bżonn. Nifirħilkom!
Propju sentejn ilu, minn dil-pjazza, għollejna talbna biex tintemm il-pandemija. Illum għamilna l-istess biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Intom u ħerġin mil-pjazza se jingħatalkom ktieb tifkira, li tħejja mill-Kummissjoni Covid-19 tal-Vatikan flimkien mad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni, bħala stedina għat-talb fil-mumenti ta’ diffikultà, bla biża’, bil-fidi ma taqta’ xejn fil-Mulej.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Sors: laikos.org