Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Ġw 1, 29-34) itina x-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista dwar Ġesù, wara li kien għammdu fix-xmara Ġordan. Jgħid hekk: “Dan hu li għalih għidtilkom: warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli” (vv. 29-30)
Din id-dikjarazzjoni, din it-testimonjanza, tikxef l-ispirtu ta’ servizz ta’ Ġwanni. Hu kien mistieden iħejji t-triq għall-Messija u għamel dan bis-saħħa tiegħu kollha. Umanament nistgħu nirraġunaw li għandu dritt għal xi “premju”, post ta’ importanza fil-ħajja pubblika ta’ Ġesù. Imma le. Wara li qeda l-missjoni tiegħu, Ġwanni jagħraf iwarrab, jgħib mix-xena biex jagħmel wisgħa għal Ġesù. Ra l-Ispirtu jinżel fuqu (cfr vv. 33-34), urieh bħala l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja u issa, min-naħa tiegħu jibda jisma’ bl-umiltà. Minn profeta jsir dixxiplu. Kien ipprietka lill-poplu, ġabar id-dixxipli u tagħhom formazzjoni għal ħafna żmien. Madankollu ma jorbot lil ħadd miegħu. Din hi ħaġa diffiċli imma hi s-sinjal tal-edukatur veru: ma jorbotx lill-persuna miegħu. Hekk jagħmel Ġwanni: lid-dixxipli tiegħu iqegħedhom fuq il-passi ta’ Ġesù. M’għandux interess li jkollu l-grupp tiegħu, li jikseb il-prestiġju u s-suċċess, imma li jagħti xhieda imbagħad imidd pass lura, ħalli l-ħafna jkollhom il-ferħ li jiltaqgħu ma’ Ġesù. Nistgħu ngħidu: fetaħ il-bieb u telaq.
B’dan l-ispirtu ta’ servizz, b’din il-ħila li jagħmel wisgħa għal Ġesù, Ġwanni l-Battista jgħallimna ħaġa importanti: il-ħelsien mir-rabtiet. Iva, għax ħaġa ħafifa nintrabtu ma’ xi rwol jew pożizzjoni, mal-ħtieġa li nkunu stmati, magħrufin u ppremjati. U dan, minkejja li hu naturali, mhux ħaġa tajba għax is-servizz minnu nnifsu hu gratwità, li wieħed jieħu ħsieb l-ieħor bla ma jkollu xi vantaġġ personali, mingħajr ebda għan ulterjuri, mingħajr ma jistenna xi ħaġa lura. Jagħmlilna tajjeb lilna wkoll li bħal Ġwanni nikkultivaw il-virtù li nwarrbu fil-ħin propizju, u nkunu xhieda li ħajjitna ddur biss madwar Ġesù. Inwarrbu fil-ġenb, nitgħallmu nsellmu u nitilqu: wettaqt dil-missjoni, kelli din il-laqgħa, issa nwarrab fil-ġenb biex nagħmel wisa’ għall-Mulej. Nitgħallmu nwarrbu fil-ġenb, ma nieħdu xejn qisu hu xi ħlas lura.
Naħsbu ftit kemm hu importanti dan għas-saċerdot li hu msejjaħ biex jipprietka u jiċċelebra mhux bil-protagoniżmu jew għall-interess, imma biex jakkumpanja lill-oħrajn lejn Ġesù. Naħsbu kemm hu importanti dan għall-ġenituri, li jrabbu lil uliedhom b’tant sagrifiċċji, imma mbagħad iħalluhom ħielsa biex jaqbdu triqthom fix-xogħol, fiż-żwieġ, fil-ħajja. Hu sabiħ u ġust li l-ġenituri jibqgħu jkunu preżenti u lil uliedhom jgħidulhom: “Mhux se nħallik waħdek”, imma bid-diskrezzjoni, mingħajr indħil. Il-libertà li wieħed jikber. U dan jgħodd ukoll f’ambjenti oħra bħalma hi l-ħbiberija, il-ħajja tal-koppja, il-ħajja komunitarja. Li ninħelsu mill-irbit magħna nfusna u nagħrfu kif nibqgħu fil-ġenb fiha prezz, iżda hi importanti ħafna: hu l-pass deċisiv biex nikbru fi spirtu ta’ servizz, mingħajr ma nistennew ħlas lura.
Ħuti nippruvaw insaqsu lilna nfusna: għandna ħila nagħmlu l-wisgħa għall-oħrajn? Nisimgħuhom, inħalluhom ħielsa, ma norbtuhomx magħna u nippretendu rikonoxximent? U nħalluhom jitkellmu xi kultant. Ma ngħidulhomx: “int ma taf xejn!” Inħalluhom jitkellmu, nagħmlu l-wisgħa għall-oħrajn. Aħna niġbdu lill-oħrajn lejn Ġesù jew lejna nfusna? U aktar, fuq l-eżempju ta’ Ġwanni: nafu nifirħu għall-fatt li dak li jkun qabad triqtu u mexa skont is-sejħa li kellu, anki jekk dan ifisser li dak li jkun jitbiegħed xi ftit minna? Nifirħu li l-laħqu l-għanijiet tagħhom, bis-sinċerità, mingħajr għira? Dan hu l-mod kif lill-oħrajn inħalluhom jikbru.
Marija, il-qaddejja tal-Mulej, tgħinna nkunu ħielsa mill-irbit, biex inċedu postna għall-Mulej u nħallu l-wisa’ għall-oħrajn.
Sors: laikos.org