Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jagħtina talba sabiħa ħafna ta’ Ġesù, li jdur lejn il-Missier u jgħidlu: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11,25). Imma għalxiex qiegħed jirreferi kliem Ġesù? U wkoll, min huma dawn iċ-ċkejknin li dawn il-ħwejjeġ ikunu rivelati lilhom? Nieqfu fuq dan: fuq l-affarijiet li minħabba fihom Ġesù jfaħħar lill-Missier u fuq iċ-ċkejknin li jafu jilqgħuhom.
L-affarijiet li Ġesù jfaħħar lill-Missier minħabba fihom. Ftit qabel Ġesù kien fakkar xi wħud mill-opri tiegħu: “L-għomja jaraw (…) il-lebbrużi jfiqu, (…), l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11,5), u spjega wkoll it-tifsira, meta qal li dawn huma sinjali tal-aġir ta’ Alla fid-dinja. Allura l-messaġġ hu ċar: Alla juri lilu nnifsu billi jeħles u jfejjaq lill-bniedem – ma ninsewhx dan: Alla juri lilu nnifsu billi jeħles u jfejjaq lill-bniedem – u jagħmel dan b’imħabba gratwita, imħabba li ssalva. Għal dan ifaħħar lill-Missier, għax il-kobor tiegħu jinsab fl-imħabba u qatt ma jaġixxi ‘l barra mill-imħabba. Imma din l-imħabba kbira ma jifhimhiex min jimmaġina li hu xi ħaġa u jfassal alla skont kif jaqbel lilu: setgħan, inflessibbli, vendikattiv. Fi kliem ieħor dawn il-prużuntużi ma jirnexxilhomx jilqgħu lil Alla bħala Missier; min hu mimli bih innifsu, imkabbar, moħħu biss fl-interessi tiegħu – dawn huma l-prużuntużi -.konvint li m’għandu bżonn ħadd. Rigward dan Ġesù jsemmi lill-abitanti ta’ tliet ibliet għonja ta’ żmienu, Korażajn, Betsajda, u Kafarnahum, fejn kien fejjaq ħafna, imma fejn l-abitanti baqgħu indifferenti lejn il-predikazzjoni tiegħu. Għalihom il-mirakli kienu biss ġrajjiet spettakolari, utli biss biex ikunu aħbar u jżoqqu t-tqassis: meta l-interess tal-mument għadda, tefgħuhom fl-arkivju, forsi wkoll biex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq xi novità oħra tal-mument. Ma għarfux jilqgħu il-ħwejjeġ kbar ta’ Alla.
Iċ-ċkejknin, iżda, jafu jilqgħuhom u Ġesù jfaħħar lill-Missier minħabba fihom: “Infaħħrek – jgħid – għax is-Saltna tas-Smewwiet urejta liċ-ċkejknin. Ifaħħru minħabba min hu sempliċi, għandu qalbu ħielsa mill-prużunzjoni u l-amor propju. Iċ-ċkejknin huma dawk li, bħat-tfal, iħossu li huma fil-bżonn, mhumiex awtosuffiċjenti, miftuħin għal Alla u jistgħaġbu bl-opri tiegħu. Huma jafu jaqraw is-sinjali tiegħu, jistgħaġbu bil-mirakli ta’ mħabbtu! Nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom, u lili nnifsi wkoll: nafu nistgħaġbu b’dak li jagħmel Alla jew inqisuh bħala ħaġa li tgħaddi mar-riħ?
Ħuti, jekk naħsbu sew, ħajjitna mimlija mirakli: mimlija ġesti ta’ mħabba, sinjali tat-tjubija ta’ Alla. Quddiem dan kollu però, qalbna wkoll tista’ tkun indifferenti u għaliha kollox isir drawwa, kurżità bla ħila li tistgħaġeb, li “timpressjona ruħha”. Qalb magħluqa, qalb iebsa, u din m’għandhiex ħila tistgħaġeb. Il-verb “impressjona” jġibilna f’moħħna t-tertuqa ta’ fotografu. Dan hu l-atteġġjament quddiem l-opri ta’ Alla: f’moħħna nieħdu ritratt tal-opri tiegħu ħalli dawn nistampawhom f’qalbna biex imbagħad niżviluppawhom fil-ħajja permezz ta’ bosta ġesti ta’ tjieba, biex hekk “ir-ritratt” ta’ Alla-mħabba, jikseb dawl dejjem aktar qawwi fina u permezz tagħna.
U issa kull wieħed u waħda minna nistaqsu: fil-baħar ta’ aħbarijiet li jordmuna, jien, kif jurina Ġesù llum, naf nieqaf biex nara l-opri kbar ta’ Alla, dawk li Alla jwettaq? Nistgħaġeb bħat-tfal, bit-tajjeb, li fis-skiet jibdel id-dinja, jew inkella tlift il-ħila li nistgħaġeb? U nbierek lil Alla ta’ kuljum għall-opri tiegħu? Marija, li tfaħħret fil-kobor tal-Mulej, tagħtina l-ħila li nistgħaġbu b’imħabbtu u nfaħħruh bis-sempliċità.
Sors: laikos.org