Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, Solennità tat-Trinità Qaddisa, l-Evanġelju meħud mid-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu (ara Ġw 3:16-18). Nikodemu kien membru tas-Sinedriju, ħerqan bi ħrara kbira għall-misteru ta’ Alla: f’Ġesù jara mgħallem divin u, bil-moħbi, billejl, imur ikellmu. Ġesù jisimgħu, jifhem li dan bniedem qed ifittex u għalhekk l-ewwel iħallih mistgħaġeb meta jwieġbu li biex wieħed jidħol fis-Saltna t’Alla hemm bżonn jitwieled mill-ġdid; imbagħad jikxiflu l-misteru u jgħidlu li Alla tant ħabb lill-umanità li bagħat lil Ibnu fid-dinja. Għalhekk, Ġesù, l-Iben, ikellimna dwar il-Missier u dwar l-imħabba bla qies tiegħu.
Missier u Iben. Hu kwadru familjari li, jekk naħsbu sew, iżarma l-idea li għandna dwar Alla. Infatti, l-istess kelma “Alla”, turina realtà singolari, maestuża u distanti, u fl-istess ħin, meta nisimgħu lil min jitkellem dwar Missier u dwar Iben, ħsiebna jdur lejn id-dar. Iva, nistgħu nimmaġinaw lil Alla, hekk, permezz tat-tixbiha ma’ familja miġbura madwar mejda, fejn kulħadd jaqsam ħajtu mal-oħrajn. Min-naħa l-oħra, dik il-mejda, li fl-istess ħin hi artal, hi simbolu li bih ċerti ikoni jirrappreżentaw lit-Trinità. Hi tixbiha li tkellimna dwar Alla komunjoni. Missier, Iben u Spirtu s-Santu: komunjoni.
Iżda mhijiex biss tixbiha, hi realtà! Hi realtà għax l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li l-Missier permezz ta’ Ġesù sawwab fi qlubna (ara Gal 4:6), iddewwaqna, itina t-togħma tal-preżenza ta’ Alla: preżenza dejjem qrib, mimlija kumpassjoni u tenera. L-Ispirtu s-Santu magħna jagħmel dak li għamel Ġesù ma’ Nikodemu: idaħħalna fil-misteru tat-twelid ġdid – it-twelid tal-fidi, tal-ħajja Nisranija – jikxfilna l-qalb tal-Missier u jtina sehem mill-istess ħajja ta’ Alla.
Nistgħu ngħidu, li l-istedina li jagħmilna hi li nibqgħu madwar il-mejda ma’ Alla biex miegħu naqsmu mħabbtu. Din hi t-tixbiha. Dan jiġri f’kull quddiesa, fuq l-artal tal-mejda ewkaristika, fejn Ġesù joffri ruħu lill-Missier u jbati għalina. Iva, hekk hu, għeżież ħuti, Alla tagħna hu komunjoni ta’ mħabba: hekk irrivelahulna Ġesù. U tafu x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu niftakruh? Bl-iktar ġest sempliċi, li tgħallimna meta konna tfal: is-sinjal tas-salib. Aħna u nimmarkaw ġisimna bis-salib niftakru kemm Alla ħabbna, sa ta ħajtu għalina; u ntennu lilna nfusna li mħabbtu tfisqina kompletament, minn fuq s’isfel, mix-xellug għal-lemin, qisha tgħanniqa li ma tabbandunana qatt. U, fl-istess ħin, aħna nimpenjaw ruħna biex inkunu xhieda ta’ dan Alla-mħabba, billi noħolqu l-komunjoni f’ismu. Forsi, issa, kull wieħed u waħda minna, u lkoll flimkien, nistgħu rroddu s-salib (irodd is-salib).
Allura llum nistgħu nsaqsu lilna nfusna: aħna xhieda ta’ Alla-mħabba? Jew Alla-mħabba, sar għalina kunċett, xi ħaġa li diġà smajnieha, li ma ċċaqlaqx u ma tipprovokax aktar il-ħajja? Ladarba Alla hu mħabba, il-komunitajiet tagħna jixhduh dan? Jafu jħobbu? Il-komunitajiet tagħna jafu jħobbu? U l-familja tagħna, nafu nħobbu fi ħdan il-familja tagħna? Inżommu dejjem il-bieb miftuħ, nagħrfu nilqgħu lil kulħadd, nisħaq, lil kulħadd, bħala ħutna? Noffru lil kulħadd l-ikel tal-maħfra ta’ Alla u l-ferħ tal-Evanġelju Hemm arja ta’ dar, jew aktar nixbhu uffiċċju jew xi mkien riservat fejn jidħlu biss il-magħżulin? Alla hu mħabba, Alla hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu u ta ħajtu għalina, dik hi r-raġuni għala rrodduh is-salib.
U Marija tgħinna ngħixu fil-Knisja qisha dik id-dar li fiha hemm imħabba familjari, għall-glorja ta’ Alla l-Missier, Iben u Spirtu s-Santu.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Naċċertakom li qed nitlob għall-għadd kbir ta’ vittmi tal-inċident tal-ferrovija li seħħ jumejn ilu fl-Indja. Jien qrib il-feruti u l-qraba. Il-Missier ċelesti jilqa’ fis-saltna tiegħu l-erwieħ tal-mejta.
Insellmilkom, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lill-fidili ġejjin minn Villa Alemana (Ċilì) u lill-adoloxxenti tal-griżma minn Cork (l-Irlanda). Insellem lill-gruppi minn Poggiomarino, Roccapriora, Macerata, Recanati, Aragona u Mestrino; kif ukoll lill-adoloxxenti tal-griżma minn Santa Giustina in Colle.
Tislima speċjali lir-rappreżentanti tal-Carabinieri, u rroddilhom ħajr għall-qrubija li ta’ kuljum juru mal-popolazzjoni; il-Virgo Fidelis, il-patruna tagħkom tħares lilkom u lill-familji tagħkom. Lilha, Omm li tieħu ħsiebna, nafda l-popolazzjonijiet imkissrin bil-flaġell tal-gwerra, speċjalment l-għażiża martri Ukrajna.
Insellem lil kulħadd, liż-żgħażagħ tal-Immacolata wkoll, li huma bravi, u nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi, l-ikla t-tajba u arrivederci!