Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jistedinna nirriflettu fuq ħarsitna u kliemna. Il-ħarsa u l-kliem.

Qabel xejn, il-ħarsa. Il-Mulej jgħid li għandna r-riskju li nikkonċentraw ħarsitna fuq it-tibna f’għajn ħuna bla ma nindunaw bit-travu li għandna f’tagħna (ara Lq 6:41). Fi kliem ieħor, inkunu attenti ħafna għad-difetti tal-oħrajn, anki ż-żgħar daqs tibna, u bil-kalma kollha ninsew tagħna u ftit intuhom importanza. Hu minnu dak li jgħid Ġesù: dejjem insibu raġuni biex infittxu l-ħtija fl-oħrajn u niġġustifikaw lilna nfusna. U tant drabi nilmentaw minħabba dak li ma jkunx sejjer sew fis-soċjetà, fil-Knisja, fid-dinja, bla ma qabel neżaminaw lilna nfusna u bla ma nimpenjaw ruħna biex qabel kollox nibdlu lilna nfusna. Kull bidla għammiela, pożittiva, għandha tibda minna nfusna. Bil-maqlub ma jkun hemm ebda tibdil.  Imma – jispjega Ġesù – meta nġibu ruħna hekk, ħarsitna tkun għamja. U jekk aħna għomja ma nistgħux nippretendu li nkunu gwidi u mgħallmin għall-oħrajn: infatti l-għama ma jistax imexxi għama ieħor (ara v. 39).

Għeżież ħuti, il-Mulej jistedinna biex innaddfu ħarsitna. Qabel kollox jitlobna nħarsu fina nfusna biex nagħrfu l-miżerji tagħna. Għax jekk ma jkollniex ħila naraw id-difetti tagħna, nibqgħu dejjem moħħna biex nesaġeraw dawk tal-oħrajn. Jekk minflok nagħrfu l-iżbalji tagħna u l-miżerji tagħna, jinfetħilna l-bieb tal-ħniena. U wara li nkunu ħarisna fina nfusna, Ġesù jistedinna nħarsu lejn l-oħrajn bil-mod kif iħares lejhom Hu – dan hu s-sigriet: inħarsu lejn l-oħrajn kif iħares Hu – li qabel kollox ma jarax il-ħażin, imma t-tajjeb. Hekk iħares lejna Alla: fina ma jarax żbalji li ma jistgħux jissewwew, imma fina jara wlied li jaqgħu fl-iżball.  Jibdel il-perspettiva: ma jikkonċentrax fuq l-iżbalji imma fuq uliedu li jiżbaljaw.  Alla dejjem jifred il-persuna mill-iżbalji tagħha. Dejjem isalva lill-persuna. Dejjem jemmen fil-persuna u dejjem lest biex jaħfer l-iżbalji. Nafu li Alla jaħfer dejjem. U jistedinna nagħmlu l-istess: biex fl-oħrajn ma noqogħdux infittxu l-ħażin imma t-tajjeb.

Sfortunatament, però, bi lsienna nistgħu nkebbsu l-preġudizzji, nibnu ħitan, nattakkaw u saħansitra niddistruġġu; bi lsienna nistgħu nkissru lill-aħwa

Wara l-ħarsa llum Ġesù jistedinna nirriflettu fuq kliemna. Il-Mulej jispjega li l-fomm “jistqarr dak kollu li bih mimlija bl-abbundanza l-qalb” (v. 45). Hu minnu li minn kif wieħed jitkellem tinduna minnufih xi jkollu f’qalbu. Il-kliem li nużaw juru x’persuna aħna. Kultant, però, ftit nagħtu kas ta’ kliemna u nużawhom b’mod superfiċjali. Imma l-kliem għandu l-piż, jippermettulna nesprimu ħsibijiet u sentimenti, li nagħtu leħen lill-biżgħat li jkollna u lill-proġetti li jkollna f’moħħna nwettqu, infaħħru ‘l Alla u lill-oħrajn.

Sfortunatament, però, bi lsienna nistgħu nkebbsu l-preġudizzji, nibnu ħitan, nattakkaw u saħansitra niddistruġġu; bi lsienna nistgħu nkissru lill-aħwa: it-tqasqis iġerraħ u l-kalunnja taf tkun taqta’ aktar minn sikkina! Illum, imbagħad, speċjalment fid-dinja diġitali, il-kliem jiġri b’ħeffa; imma ħafna minnu hu mimli rabja u aggressività, ixerred aħbarijiet foloz u japprofitta ruħu mill-biżgħat kollettivi biex iwassal ideat mgħawġin. Diplomatiku, li kien Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u kien rebaħ il-premju Nobel għall-Paċi, qal li “l-abbuż tal-kelma jissarraf f’disprezz lejn il-bniedem” (Dan Hammarskjöld, Traċċi tal-mixja, Mangano BI 1992, 131).

Allura, neżaminaw lilna nfusna dwar liema tip ta’ kliem nużaw: kliem li jesprimi attenzjoni, rispett, fehim, qrubija, kompassjoni, jew kliem li l-għan ewlieni tiegħu jkun li nidhru sbieħ quddiem l-oħrajn? Imbagħad, nitkellmu bil-ħlewwa jew inniġġsu d-dinja bit-tixrid tal-veleni: nikkritikaw, nilmentaw, u nkomplu nsaħħnu l-qiegħa tal-aggressività tant imxerrda?

Il-Madonna, Marija, li Alla ħares lejn l-umiltà tagħha, il-Verġni tas-silenzju li issa se nitolbuha, tgħinna nsaffu ħarsitna u kliemna.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

F’dawn il-jiem konna xxukkjati minħabba xi ħaġa traġika: il-gwerra. Bosta drabi tlabna biex ma tinqabadx dit-triq. U mhux se nehdew nitolbu, anzi, nitolbu bil-ħerqa u b’aktar intensità lil Alla. Għaldaqstant inġedded l-istedina lil kulħadd biex it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tal-Irmied, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fl-Ukrajna. Ġurnata biex inkunu qrib it-tbatijiet tal-poplu Ukren, biex inħossuna lkoll aħwa u nitolbu b’ħeġġa kbira lil Alla biex il-gwerra tintemm.

Min jagħmel il-gwerra, min jipprovoka l-gwerra, ikun qed jinsa l-umanità. Ma jimpurtahx min-nies, mill-ħajja konkreta tal-persuni, imma jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa qabel kollox. Idur lejn il-loġika djabolika u perversa tal-armi, loġika mill-aktar imbiegħda mir-rieda t’Alla. U jinqata’ minn man-nies komuni li trid il-paċi u li f’kull kunflitt tkun il-veru vittma, li tħallas b’ġildha l-ġenn tal-gwerra. Qed niftakar fl-anzjani, f’dawk li f’das-sigħat qed ifittxu kenn, fl-ommijiet maħruba bi wliedhom magħhom… Dawn huma ħutna li hemm bżonn urġenti niftħulhom kurituri umanitarji u li għandhom ikunu milqugħin.

B’qalbi mċarrta minħabba dak li qed jiġri fl-Ukrajna – u ma ninsewx il-gwerer fi nħawi oħra tad-dinja bħall-Yemen, is-Sirja, l-Etjopja… – intenni: ħa jisktu l-armi! Alla jieqaf mal-operaturi tal-paċi mhux ma’ min juża l-vjolenza. Għax min iħobb il-paċi, kif tgħid il-Kostituzzjoni Taljana, “jirrifjuta l-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex isolvi l-kontroversji internazzjonali” (Art. 11).

Min jipprovoka l-gwerra, ikun qed jinsa l-umanità… Idur lejn il-loġika djabolika u perversa tal-armi, loġika mill-aktar imbiegħda mir-rieda t’Alla. U jinqata’ minn man-nies komuni li trid il-paċi u li f’kull kunflitt tkun il-veru vittma, li tħallas b’ġildha l-ġenn tal-gwerra

Ilbieraħ fi Granada, fi Spanja, ġew iddikjarati beati s-saċerdot Gaetano Giménez Martín u ħmistax sħabu martri, maqtulin minħabba odju lejn il-fidi fil-qafas tal-persekuzzjoni reliġjuża tat-tletinijiet tas-seklu li għadda. Jalla x-xhieda ta’ dawn id-dixxipli erojċi ta’ Kristu tqanqal f’kulħadd ix-xewqa li jaqdi l-Evanġelju bil-fedeltà u l-kuraġġ. Applaws lill-beati l-ġodda.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini!

Insellem b’mod partikolari lil “las niñas quinceñeras” mill-Panama; liż-żgħażagħ universitarji mid-djoċesi ta’ Porto, lill-fidili minn Mérida-Badajoz u minn Madrid, fi Spanja; lil dawk minn Pariġi u mill-Polonja; lill-gruppi minn Reggio Calabria, minn Sqallija u mill-Unità Pastorali Alta Langa; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Urgnano u lill-adoloxxenti minn Petosino, djoċesi ta’ Bergamo.

Tislima speċjali li kull min ġie hawn fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Mard Rari, li jaħbat għada: nagħmel kuraġġ lid-diversi Assoċjazzjonijiet tal-Morda u lill-familjari, kif ukoll lir-riċerkaturi f’dal-kamp. Jien qribkom! Insellem lill-popli li hawn preżenti… Qed nara wkoll bosta bnadar tal-Ukrajna! (Bl-ukren) Ikun imfaħħar Ġeù Kristu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org