Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum ukoll ma nistax naqra kollox: sejjer għall-aħjar imma l-vuċi għadha mhix ittini. Se jaqra l-katekeżi Mons. Braida.
Illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, fl-Evanġelju qasir li ttina l-Liturġija (cfr Mk 13,33-37), għal tliet darbiet Ġesù jħeġġiġna b’eżortazzjoni sempliċi u diretta “Ishru” (vv. 33.35.37).
Għalhekk is-suġġett huwa s-sahra. Kif nistgħu nifhmuha? Kultant naħsbu li dil-virtù hi atteġġjament imqanqal mill-biża’ ta’ xi kastig imminenti, qisu li xi metejora se taqa’ mis-sema u theddidna, u jekk ma niskansawhiex fil-ħin se tordomna. Imma ċertament dan mhux is-sens tas-sahra nisranija!
Ġesù jispjegahielna permezz ta’ parabbola. Ikellimna dwar sid li se jerġa’ jiġi u dwar il-qaddejja tiegħu li qed jistennewh (cfr v. 34). Fil-Bibbja, il-qaddej hu “persuna ta’ fiduċja” għas-sid, li miegħu spiss hemm kollaborazzjoni u għożża. Niftakru per eżempju, li qaddej t’Alla hu Mosè (cfr Numri 12,7) u wkoll Marija li dwarha nnifisha tgħid: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej” Lq 1,38). Għalhekk, is-sahra tal-qaddejja mhix iddominata mill-biża’ iżda hi xewqa bl-istennija li se jmorru jiltaqgħu mas-sid li ġej. Huma lesti għall-miġja tiegħu għax iħobbuh, għax l-għan tagħhom hu li meta jiġi jsib dar li tilqgħu u fl-ordni: huma henjin li jerġgħu jarawh, sal-punt li huma ħerqana biex jiġi lura qishom qed jistennew xi festa għall-familja kbira kollha li jiffurmaw parti minnha.
U b’din l-istennija mimlija għożża aħna wkoll għandna nitħejjew biex nilqgħu lil Ġesù: fil-Milied li se niċċelebraw ftit ġimgħat oħra; fl-aħħar taż-żminijiet, meta jerġa’ jiġi fil-glorja; kuljum, meta Hu jiġi jiltaqa’ magħna fl-Ewkaristija, bil-Kelma tiegħu, f’ħutna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.
Allura, b’mod speċjali tul dawn il-ġimgħat, inħejju bir-reqqa d-dar ta’ qalbna, ħalli tkun fl-ordni u ospitali. Li tishar, infatti, jfisser li l-qalb tkun dejjem lesta. Hu l-atteġġjament tal-kustodju li tul il-lejl ma jħallix l-għejja tgħelbu, imma jibqa’ mqajjem jistenna d-dawl li ġej. Il-Mulej hu d-dawl tagħna u huwa sabih li qalbna tkun imħejjija biex tilqgħu bit-talb u biex ittih merħba bil-karità, iż-żewġ tħejjijiet li, biex ngħidu hekk, jppermettulu jħossu komdu. Dwar dan jingħad li San Martin ta’ Tours, bniedem ta’ talb, wara li kien ta nofs il-mantell tiegħu lil wieħed fqir ħolom li qed jara lil Ġesù liebes propju dak in-nofs tal-mantell li hu kien ta lill-fqir. Dan hu programm sabiħ għall-Avvent: il-laqgħa ma’ Ġesù f’kull wieħed u waħda minn ħutna li għandhom bżonna biex naqsmu magħhom kulma nistgħu: smigħ, żmien, u għajnuna konkreta.
Għeżież, jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu kif qalbna se tkun akkoljenti għall-Mulej. Nistgħu nagħmlu dan billi nersqu lejn il-Maħfra tiegħu, lejn Kelmtu, lejn il-Mejda tiegħu, insibu ħin għat-talb, nilqgħuh f’dawk li huma fil-bżonn. Nikkultivaw l-istennija tiegħu bla ma nħallu dak li hu inutli jaljenana, bla ma noqgħodu ngemgmu l-ħin kollu, imma billi nżommu qalbna tishar, jiġifieri mxennqa għalih, tishar u lesta, bla sabar biex niltaqgħu miegħu.
Il-Verġni Marija, il-Mara tal-istennija, tgħinna nirċievu lil Binha li ġej.
Sors: laikos.org