Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, il-ħames Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jtina l-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru (ara Ġw 11, 1-45). Huwa l-aħħar miraklu ta’ Ġesù li nsibu rakkuntat qabel l-Għid: il-qawmien mill-mewt ta’ ħabibu Lazzru. Lazzru hu ħabib tal-qalb ta’ Ġesu, li jaf li wasal biex imut; jibda miexi, iżda jasal fid-dar ta’ Lazzru erbgħat ijiem wara li difnuh, meta kull tama kienet mitlufa. Il-preżenza tiegħu, però terġa’ tkebbes xi ftit tal-fiduċja f’qalb ħutu Marta u Marija (ara vv. 22.27) Huma, minkejja n-niket, jiggranfaw ma’ dan id-dawl, ma’ din it-tama ċkejkna. Ġesù jistedinhom biex ikollhom il-fidi u jitlob li jinfetaħ il-qabar. Imbagħad jitlob lill-Missier, u lil Lażżru jordnalu: “Oħroġ!” U dan jibda jgħix mill-ġdid u joħroġ. Dan hu l-miraklu, hekk, sempliċiment.
Il-messaġġ hu ċar: Ġesù jagħti l-ħajja wkoll meta donnha tkun intilfet kull tama. Kultant jiġri li nħossuna bla tama – kulħadd jgħaddi minnha din – inkella tiltaqa’ ma’ xi persuni li waqfu jittamaw, mimlijin imrar għax għaddew minn esperjenzi koroħ, b’qalb miġrugħa li ma tistax tittama. Minħabba l-weġgħa ta’ xi telfa, marda, bin-nigża ta’ xi delużjoni, xi tort jew tradiment imġarrab, xi żball gravi li jkunu għamlu… ikunu waqfu jittamaw. Kultant nisimgħu lil xi ħadd jgħid: “m’hemm xejn aktar x’nagħmel!”, u jagħlaq il-bieb għal kull tama. Huma waqtiet li fihom il-ħajja tixbaħ qabar magħluq: kollox dlam, madwar hemm biss tbatija u disperazzjoni. Il-miraklu tal-lum jurina li l-affarijiet huma xort’oħra, it-tmiem mhux dan, li f’dawn il-waqtiet m’aħniex waħedna, anzi, propju f’dawn il-mumenti Hu jersaq lejna daqs qatt qabel biex jerġa’ jtina l-ħajja. Ġesù jibki: L-Evanġelju jgħidilna li quddiem il-qabar ta’ Lazzru Ġesù beka, u llum Ġesù jibki magħna, kif seta’ jibki lil Lazzru: l-Evanġelju darbtejn jgħidilna li Ġesù ħassu mqanqal (ara vv. 33.38) u jisħaq li Ġesù nfaqa’ jibki (ara v. 35). U fl-istess waqt Ġesù jistedinna biex ma nieqfux nemmenu u nittamaw, jgħidilna, biex ma nħallux is-sentimenti negattivi, li jisiltulna d-dmugħ, jgħaffġuna. Jersaq lejn l-oqbra tagħna u jgħidilna, bħal dakinhar: “neħħu l-blata” (v. 39). F’waqtiet bħal dawn aħna qisu jkollna blata ġewwa fina u l-uniku li għandu ħila jneħħiha hu Ġesù, bil-kelma tiegħu: “Neħħu l-blata”.
Ġesù jgħid dan lilna wkoll. Neħħu l-blata: in-niket, l-iżbalji, il-fallimenti wkoll, taħbuhomx ġewwa fikom, f’xi kamra mudlama u solitarja, magħluqa. Neħħu l-blata: berrħu dak kollu lil hemm ġo fikom. “Ah! Iġagħalni nistħi”. Itfgħuh quddiemi bil-fiduċja, jgħid il-Mulej, jien ma niħux skandlu; itfgħuh fija bla biża’ għax jiena magħkom, inħobbkom u nixtiequ li terġgħu tibdew tgħixu. U, bħalma qal lil Lazzru, jirrepeti lil kull wieħed u waħda minna: “Oħroġ!” Qum mill-ġdid, erġa’ ibda miexi, ikseb il-kuraġġ mill-ġdid! Kemm drabi fil-ħajja sibna ruħna hekk, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx baqgħalna saħħa nerġgħu nqumu. U Ġesù: “Ibqa’ miexi, ibqa’ miexi ‘l quddiem! Jien miegħek”. Naqbdek minn idek, jgħid Ġesù, bħal meta kont żgħir u kont titgħallem tmidd l-ewwel passi. Għażiż ħija, għażiża oħti, neħħi l-faxex li qed jorbtuk (ara v. 45); jekk jogħġobkom iċċedux quddiem il-pessimiżmu li jiddemoralizzakom, iċċedux għall-biża’ li jiżolakom, iċċedux quddiem l-iskoraġġiment intom u tiftakru esperjenzi koroh, iċċedux quddiem il-biża’ li jipparalizzakom. Ġesù jgħidilna: “Jien irridek ħieles, irridek ħaj, ma nabbandunakx u jien miegħek! Kollox dlam imma jien ninsab miegħek! Tħallix l-uġigħ ijassrek, tħallix it-tama tmut. Ħija, oħti, erġa’ ibda għix!” – “U kif nagħmel? – “Aqbadni minn idejja”, u Hu jmexxina minn idejna. Ħallih jiġbdek ‘il barra: Hu għandu ħila jagħmel dan, waqt dawn il-waqtiet koroh li ngħaddu minnhom ilkoll.
Għeżież ħuti, dis-silta mill-kapitlu 11 tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, li jagħmlilkom tajjeb ħafna jekk taqrawh, huwa innu lill-ħajja, u qed jitħabbar meta l-Għid hu qrib. Forsi aħna wkoll, f’dal-mument, għandna xi piż itaqqal qlubna jew xi tbatija, li donnhom qed jgħaffġuna; xi ħaġa kerha, xi dnub antik li ma jirnexxilniex nistqarruh, xi żball taż-żgħożija, qatt ma tista’ tkun taf. Dawn l-affarijiet koroh għandhom joħorġu. U Ġesù jgħid: “Oħroġ!” Dak ikun il-mument li nneħħu l-blata u li noħorġu niltaqgħu ma’ Ġesù li hu qrib. Jirnexxielna niftħulu qalbna u nafdawlu l-preokkupazzjonijiet tagħna? Nagħmluh dan? Jirnexxielna niftħu l-qabar tal-problemi, għandna ħila, u nħarsu lil hinn mill-għatba, lejn id-dawl tiegħu, jew nibżgħu minnu dan? U min-naħa tagħna, bħala mirja żgħar tal-imħabba t’Alla, jirnexxielna ndawlu l-ambjenti li ngħixu fihom bi kliem u ġesti tal-ħajja? Aħna xhieda tat-tama u l-glorja ta’ Ġesù? Aħna, midinbin, ilkoll? U rrid ngħid ukoll kelma lill-konfessuri: għeżież ħuti, tinsewx li inthom ukoll midinbin, u tkunu fil-konfessinarju mhux biex tittorturaw imma biex taħfru, u taħfru kollox, bħalma l-Mulej jaħfer kollox.
Jalla Marija, Omm it-Tama, ġġdedded fina l-ferħ li ma nħossuniex waħedna u s-sejħa biex inwasslu d-dawal fid-dlam li mdawrin bih.
Sors: laikos.org