Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fil-Liturġija tal-lum l-Evanġelju jirrakkonta l-ewwel predikazzjoni ta’ Ġesù fir-raħal fejn trabba, Nazaret. It-tmiem hu qares: minflok kunsens Ġesù jsib lil min ma jifhmux u wkoll l-ostilità (ara Lq 4:21-30). In-nies tar-raħal, aktar milli kelma ta’ verità, riedu l-mirakli, sinjali prodiġjużi. Il-Mulej dan ma jagħmlux u huma jirrifjutawh għax jgħidu li ilhom jafuh minn mindu tfal, hu bin Ġużeppi (ara v. 22), u ħwejjeġ bħal dawn. Għalhekk Ġesù jlissen sentenza li saret proverbjali: “Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu” (v. 24).
Dal-kliem juri li xi ftit jew wisq Ġesù kien qed jistenna li jkollu dal-falliment. Hu kien jafhom lil tiegħu, kien jaf qalbhom, kien jaf bir-riskju li kien qed jieħu, kien jistennieha ċ-ċaħda. Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: imma ladarba dik kienet is-sitwazzjoni, la kien qed jistenna l-falliment, għaliex mar pajjiżu xorta waħda? Għalfejn tagħmel il-ġid lil nies li mhux lesti jilqgħuk? Hi mistoqsija li spiss nagħmluha aħna wkoll. Imma hi mistoqsija li tgħinna nifhmu lil Alla aħjar. Quddiem l-għeluq tagħna, hu ma jinġibidx lura: imħabbtu ma jagħmlilhiex brejkijiet. Quddiem l-għeluq tagħna hu jibqa’ miexi. Rifless ta’ dan narawh f’dawk il-ġenituri li jagħrfu l-ingratitudni ta’ wliedhom, imma b’daqshekk ma jiqfux iħobbuhom u jagħmlulhom il-ġid. Hekk hu Alla, imma fuq livell ferm aktar għoli. U llum jistedinna wkoll biex nemmnu fil-ġid, biex nagħmlu minn kollox biex inkunu ta’ ġid.
Iżda f’dak li jiġri f’Nazaret insibu aktar: l-ostilità għal Ġesù min-naħa ta’ niesu tipprovokana: huma ma jilqgħuhx, u aħna? Biex ikollna mudell naraw il-mudelli li qed jipproponilna Ġesù, illum, lil niesu u lilna. Huma żewġ barranin: armla minn Sarefta ta’ Sidon u Naman tas-Sirja. It-tnejn li huma laqgħu l-profeti: tal-ewwel lil Elija, it-tieni lil Eliżew. Iżda ma kinitx laqgħa faċli, għaddiet minn diversi provi. L-armla tat kenn lil Elija minkejja l-karestija u minkejja li l-profeta kien persegwitat (ara 1 Re 17:7-16), kien persegwitat minħabba raġunijiet politiċi/reliġjużi. Imma Naman, minkejja li kien persunaġġ ta’ livell għoli ħafna, laqa’ l-istedina tal-profeta Eliżew, li ġagħlitu jumilja ruħu, u jogħdos seba’ darbiet fix-xmara (ara 2 Re 5:1-14), qisu xi tifel żgħir bla skola. Insomma, l-armla u Naman laqgħu għax kienu disposti u umli. Il-mod kif nilqgħu lil Alla hu dejjem li nkunu disposti, nilqgħuh u nkunu umli. Minn hawn tgħaddi l-fidi: disponibbiltà u umiltà. L-armla u Naman ma rrifjutawx it-toroq ta’ Alla u tal-profeti tiegħu: kienu doċli, ma kinux ibsin u magħluqin.
Ħuti, Ġesù wkoll jimxi fit-triq tal-profeti: jippreżenta ruħu b’mod li ma nkunux qed nistennewh. Mhux se jsibu min ifittex il-mirakli – jekk infittxu l-mirakli m’aħniex se nsibu lil Ġesù, min ifittex sensazzjonijiet ġodda, esperjenzi intimi, affarijiet strambi; min ifittex fidi msejsa fuq is-setgħa u sinjali li jidhru. Le, mhux se jsibu. Minflok, isibu biss min jaċċetta triqatu u l-isfidi tiegħu, bla tgemgim, bla suspetti, mingħajr kritika u gdiedem. Fi kliem ieħor, Ġesù jitolbok tilqgħu fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum; fil-Knisja tal-lum, kif inhi; f’min jinsab qribek kuljum; fil-konkretezza ta’ min jinsab fil-bżonn, fil-problemi tal-familja tiegħek, fil-ġenituri, fl-ulied, fin-nanniet, lil Alla hemmhekk nilqgħuh. Hu hemmhekk jinsab, jitolbok tilqgħu fir-realtà. Hemmhekk hemm Hu li jistedinna nissaffew fix-xmara tad-disponibbiltà u f’tant ibħra ta’ umiltà fejjieda. Hemm bżon l-umiltà biex nitaqgħu ma’ Alla, biex inħalluh jiltaqa’ magħna.
U aħna akkoljenti, jew nixbhu lil niesu, li kien jidhrilhom li jafu kollox dwaru? “Jien studjajt it-teoloġija, għamilt dak il-kors ta’ katekeżi… Jien naf kollox dwar Ġesù!” Iva, imma nkun qisni iblah! Tkunx iblah, lil Ġesù int ma tafux. Forsi, wara bosta snin li ilna nemmnu, jidhrilna li lill-Mulej nafuh tajjeb, ħafna drabi bl-ideat u l-ġudizzji tagħna. Ir-riskju hu li għalina ssir drawwa, nidraw lil Ġesù. U kif issir drawwa għalina? Bl-għeluq, meta ningħalqu għan-novitajiet tiegħu, għall-waqt meta hu jħabbat fuq biebek u jgħidlek xi ħaġa ġdida, ikun irid jgħammar għandek. Hemm bżonn ninqatgħu minn din l-idea li nibqgħu mwaħħlin mal-pożizzjonijiet tagħna. Il-Mulej jitlob minna moħħ miftuħ u qalb sempliċi. U meta persuna jkollha moħħ miftuħ, qalb sempliċi, issib il-ħila li tissorprendi ruħha, tistagħġeb. Il-Mulej jissoprendina dejjem u dan hu s-sabiħ tal-laqgħa ma’ Ġesù. Il-Madonna, mudell tal-umiltà u d-disponibbiltà turina t-triq biex nilqgħu li Ġesù.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra. Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dawk li jbatu minn dil-marda u nawgura li qatt ma jonqsuhom is-sapport spiritwali u l-għajnuna sanitarja. Jeħtieġ naħdmu flimkien biex nintegraw kompletament lil dawn il-persuni, u negħlbu kull diskriminazzjoni marbuta ma’ din il-marda, li sfortunatament għadha tolqot illum ukoll, tolqot lil ħafna speċjalment f’sitwazzjonijiet soċjali foqra għall-aħħar.
Pitgħada, l-1 ta Frar, fil-Lvant imbiegħed kollu, kif ukoll f’inħawi oħra tad-dinja se tkun iċċelebrata l-ewwel tas-sena lunari. F’diċ-ċirkostanza, insellem b’għożża u nawgura li fis-sena l-ġdida kulħadd ikun jista’ jgawdi l-paċi, is-saħħa u ħajja hienja u mħarsa. Kemm hu sabiħ meta l-familji jsibu okkażjoni biex jinġabru u flimkien iqattgħu mumenti ta’ mħabba u ferħ! Sfortunatament, bosta familji mhux se jirnexxilhom jiltaqgħu dis-sena minħabba l-pandemija. Nittama li ma ndumux ma noħorġu minn din il-prova. Fl-aħħar, nawgura li bis-saħħa tar-rieda tajba ta’ persuni individwali u bis-solidarjetà bejn il-popli, il-famlija umana kollha kemm hi, b’dinamiżmu mġedded, tkun tista’ tilħaq għanijiet ta’ prosperità materjali u spiritwali.
Lejlet il-festa ta’ San Ġwann Bosco, nixtieq insellem lis-Salesjani rġiel u nisa li tant jagħmlu ġid fil-Knisja. Segwejt il-quddiesa mis-Santwarju tal-Madonna Għajnuna tal-Insara (f’Turin), ċelebrata mir-Rettur ewlieni Ángel Fernández Artime, u tlabt għal kulħadd miegħu. Niftakru f’dal-qaddis kbir, missier u għalliem taż-żgħażagħ. Ma nagħlaqx fis-sagristija, ma baqax idur mal-affarijiet tiegħu. Ħareġ fit-triq ifittex liż-żgħażagħ b’dil-kreattività karatteristika tiegħu. Awguri kbar lis-Salesjani kollha, irġiel u nisa!
Insellem likom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi nħawi tad-dinja. Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Torrejón de Ardoz, fi Spanja, lill-istudenti minn Murça, fil-Portugall.
B’għożża nsellem liż-żgħażagħ ġuvintur u xebbiet tal-Azzjoni Kattolika mid-Djoċesi ta’ Ruma. Hawn grupp minnhom. Għeżież żgħażagħ, dis-sena wkoll, flimkien mal-ġenituri, l-edukaturi u s-saċerdoti assistenti, ġejtu – fi grupp żgħir, minħabba l-pandemija – fi tmiem il-Karwana tal-Paċi. Is-slogan tagħkom hu “Ninsġu l-paċi mill-ġdid”. Slogan sabiħ! Importanti! Hemm ħtieġa kbira li ‘ninsġu mill-ġdid’ u nibdew mir-relazzjonijiet personali sar-relazzjonijiet bejn l-istati. Irroddilkom ħajr! Ibqgħu aħdmu! U issa itilqu l-bżieżaq tagħkom lejn is-sema bħala sinjal ta’ tama… Hekk hu! Hu sinjal ta’ tama dan li qed iġibulna ż-żgħaħagħ ta’ Ruma llum, dil-‘karwana tal-paċi’.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.