Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum itina xena domestika vivaċi b’Marta u Marija, żewġ aħwa li jilqgħu lil Ġesù bħala mistieden fid-dar tagħhom (ara Lq 10:38-42). Marta minnufih tmidd idejha biex tilqa’ lill-mistednin, filwaqt li Marija tintefa’ bilqiegħda f’riġlejn Ġesù biex toqgħod tisimgħu. Allura Marta ddur lejn l-Imgħallem u titolbu jgħid lil Marija biex tgħinha. It-tgemgima ta’ Marta ma tidhirx barra minn lokha; anzi nħossu li nistgħu ntuha raġun. Madankollu Ġesù jweġibha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex” (Lq 10:41-43). Tweġiba li tissorprendi. Imma bosta drabi Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq il-mod ta’ kif naħsbu aħna. Nistaqsu lilna nfusna għaliex il-Mulej, minkejja li apprezza l-premura ġeneruża ta’ Marta, jafferma li l-imġiba ta’ Marija hi aħjar.
“Il-filosofija” ta’ Marta donnha tidher li hi: l-ewwel id-dmir, imbagħad il-pjaċir. Fil-fatt, l-ospitalità mhix magħmula minn kliem sabiħ, imma tesiġi li bniedem jibda jsajjar, imidd idejh għal kull ma jeħtieġ biex il-mistieden iħossu milqgħuh kif jixraq.
Ġesù dan jafu tajjeb ħafna. Infatti Hu jagħraf l-impenn ta’ Marta. Imma jrid ifehemha li hemm ordni ta’ prijoritajiet ġdida, differenti minn dak li hi kienet timxi fuqu sa dak il-ħin. Marija kienet fehmet li hemm “sehem aħjar” li jrid jingħatalu l-ewwel post. Il-bqija kollu jiġi wara, qisu xmara li tnixxi mill-għajn. U għalhekk nistaqsu lilna nfusna: x’inhu dan “l-aħjar sehem?” Hu s-smigħ tal-kelma ta’ Ġesù. L-Evanġelju jgħid: “Marija, niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisma’ x’kien qiegħed jgħid (v. 39). Ninnutaw: ma kinitx qed tisimgħu bilwieqfa, hi u tagħmel xi ħaġ’oħra, imma niżlet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù. Fehmet li hu ma kienx mistieden bħall-oħrajn. Mad-daqqa t’għajn jidher li kien ġie biex jieħu xi ħaġa, għax kellu bżonn l-ikel jew fejn jistrieħ, imma fir-realtà, l-Imgħallem ġie biex itina r-rigal tiegħu nnifsu permezz ta’ kelmtu.
Il-kelma ta’ Ġesù mhix astratta, hi tagħlim li jmiss u jifforma l-ħajja, tibdilha, teħlisha mit-tidnis tal-ħażen, taħji u tnissel hena li ma tgħaddix: il-kelma ta’ Ġesù hi l-aħjar sehem, dak li għażlet Marija. Għaldaqstant hi ttiha l-ewwel post: tieqaf u tisma’
Il-kelma ta’ Ġesù mhix astratta, hi tagħlim li jmiss u jifforma l-ħajja, tibdilha, teħlisha mit-tidnis tal-ħażen, taħji u tnissel hena li ma tgħaddix: il-kelma ta’ Ġesù hi l-aħjar sehem, dak li għażlet Marija. Għaldaqstant hi ttiha l-ewwel post: tieqaf u tisma’. Il-bqija jiġi wara. Dan xejn ma jnaqqas mill-valur tal-impenn prattiku, iżda dan m’għandux jiġi qabel, imma għandu jnixxi mis-smigħ tal-kelma ta’ Ġesù, għandu jkun imqanqal mill-Ispirtu tiegħu. Inkella jispiċċa jsir affann u inkwiet għal ħafna affarijiet, jispiċċa jsir attiviżmu ħawli.
Ħuti, napprofittaw ruħna minn daż-żmien ta’ vaganzi biex nieqfu u noqogħdu nisimgħu lil Ġesù. Illum dejjem qed issir aktar bi tqila biex insibu mumenti liberi biex nimmeditaw. Għal ħafna nies ir-ritmi tax-xogħol iħalluk bla nifs, għajjien mejjet. Iż-żmien tas-sajf jista’ jkun prezzjuż ukoll biex niftħu l-Evanġelju u naqrawh bil-mod, bla għaġla, pass kuljum, pass ċkejken mill-Evanġelju. U dan idaħħalna f’did-dinamika ta’ Ġesù. Inħallu dawk il-paġni jagħmlulna mistoqsijiet, nistaqsu lilna nfusna kif sejra ħajjitna, ħajti, taqbilx ma’ dak li jgħid Ġesù jew mhux tant. Nistaqsu lilna nfusna, b’mod partikolari: meta nibda l-ġurnata nintefa’ b’ruħi u ġismi dritt fuq dak li għandi x’nagħmel, jew l-ewwel infittex ispirazzjoni mill-Kelma t’Alla? Kultant nibdew il-ġurnata awtomatikament, dritt għal dak li għandna x’nagħmlu… bħat-tiġieġ. Le. Il-ġurnata għandna nibdewha qabel kollox billi nħarsu lejn il-Mulej, nieħdu kelmtu, silta qasira, imma din għandha tkun l-ispirazzjoni tal-ġurnata. Jekk filgħodu noħorġu mid-dar b’kelma ta’ Ġesù ddur f’moħħna, żgur li l-ġurnata tikseb togħma ta’ dik il-kelma, li għandha s-setgħa torjenta l-azzjonijiet tagħna skont dak li jrid il-Mulej.
Jalla l-Verġni Marija tgħallimna nagħżlu l-aħjar sehem, li qatt ma jitteħdilna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ f’Ellwangen (il-Ġermanja) saret il-beatifikazzjoni ta’ Giovanni Filippo Jeningen, saċerdot tal-Kumpanija ta’ Ġesù, li għex fil-Ġermanja fit-tieni nofs tas-seklu 17. Qeda l-ministeru tiegħu qalb il-popolazzjonijiet tal-kampanja fid-Dukat ta’ Württemberg. Ħabbar bla heda l-Evanġelju u ħadem ma’ persuni ta’ kull klassi soċjali, imqanqal minn spirtu appostoliku qawwi u devozzjoni marjana speċjali. L-eżempju u l-interċessjoni ta’ das-saċerdot jalla jkunu ta’ għajnuna għalina biex inħossu l-ferħ u naqsmu l-Evanġelju ma’ ħutna. Applaws lill-beatu l-ġdid!
Nesprimi mill-ġdid il-qrubija tiegħi lejn il-poplu tas-Sri Lanka. Għeżież ħuti, ningħaqad magħkom fit-talb u nħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ifittxu soluzzjoni paċifika għall-kriżi ta’ bħalissa, favur, u b’mod partikolari, l-aktar foqra, b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd. Ningħaqad mal-mexxejja reliġjużi biex minn qalbi nitlob lil kulħadd iżommm lura mill-użu ta’ kull għamla ta’ vjolenza u biex jibdew proċess ta’ djalogu għall-ġid komuni.
U jien dejjem qrib ukoll il-popolazzjoni martirizzata tal-Ukrajna, li ta’ kuljum hi milquta minn xita ta’ missili. Kif jista’ jkun li ma nifhmux li l-gwerra toħloq biss qerda u mwiet, tbiegħed lill-popli, toqtol il-verità u d-djalogu? Nitlob u nittama li l-atturi internazzjonali kollha jimpenjaw ruħhom bis-serjetà biex jerġgħu jibdew in-negozjati u mhux biex ikebbsu l-gwerra bla sens.
Il-Ħadd li ġej, jekk il-Bambin irid, se nitlaq lejn il-Kanada; għaldaqstant minn issa nixtieq nindirizza lill-abitanti kollha ta’ dak il-pajjiż. Għeżież ħuti tal-Kanada, kif tafu se niġi fostkom, fuq kollox, f’isem Ġesù biex niltaqa’ u nħaddan lill-popolazzjonijiet indiġeni. Sfortunatament, fil-Kanada ħafna Nsara, fosthom xi membri ta’ istituti reliġjużi taw sehemhom fil-politika tal-assimilazzjoni kulturali li fl-imgħoddi għamlet ħsara bla qies b’diversi modi lill-komunitajiet nattivi. Kien għalhekk li ftit ilu lqajt fil-Vatikan xi gruppi rappreżentanti tal-popli indiġeni u esprimejtilhom in-niket tiegħi u s-solidarjetà għall-ħsara li ġarrbu. U issa se nibda pellegrinaġġ penitenzjali li nittama, bil-grazzja t’Alla, ikun kontribut għall-mixja ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni li diġà bdiet. Irroddilkom ħajr minn issa għax-xogħol kollu ta’ tħejjija u għall-laqgħa li se ttuni. Grazzi lil kulħadd! U nitlobkom biex jekk jogħġobkom takkumpanjawni bit-talb.
U issa nsellem lilkom, għeżież Rumani u pellegrini, partikolarment lis-Sorijiet tar-Riżurrezzjoni u l-Missjunarji nisa tal-Qalb ta’ Ġesù, li bħalissa għandhom il-Kapitlu Ġenerali hawn f’Ruma. Insellem lill-fidili minn Hermandad de la Virgen de las Nieves, minn Los Palacios y Villafranca (Sevilla), u liż-żgħażagħ li qed jagħmlu l-kors ta’ formazzjoni tal-moviment Regnum Christi. Jinstemgħu sew dawn iż-żgħażagħ!
Għandi pjaċir irrodd lura t-tislima li tawni ż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-Giffoni Film Festival, li dis-sena hu ddedikat “lill-inviżibbli”, il-persuni li jingħataw il-ġenb u jisfaw imwarbin mill-ħajja soċjali. Grazzi u awguri! U nsellem ukoll lill-adoloxxenti tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org