Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jippreżentalna lil Ġesù jfejjaq persuna truxa u muta. Fir-rakkont jolqtok il-mod kif il-Mulej jagħmel dan is-sinjal tal-għaġeb. U jagħmlu hekk: jiġbed lir-raġel trux u mutu ‘l barra mill-folla, idaħħallu sebgħu f’widnejh u bir-riq imisslu lsienu, imbagħad jerfa’ ħarstu lejn is-sema, jitniehed u jgħid: “Effata”, jiġifieri “Infetaħ” (cfr Mk 7, 33-34). Meta għamel fejqan ieħor għal mard serju daqs dak, bħalma huma l-paraliżi u l-lebbra, Ġesù ma jagħmilx l-istess ammont ta’ ġesti. Għaliex qed jagħmel dan kollu issa, minkejja li kulma talbuh kien biex iqiegħed idejh fuq il-marid? (cfr v. 32). Forsi għax il-kundizzjoni ta’ dik il-persuna għandha tifsira simbolika partikolari. Li tkun trux u mutu hi marda, imma hija wkoll simbolu. U dan is-simbolu għandu xi ħaġa x’jgħid lilna lkoll. U x’inhu dan? Dan hu n-nuqqas ta’ smigħ. Dak ir-raġel ma kienx jista’ jitkellem għax ma setax jisma’. Infatti, biex ifejjaq il-kawża tal-marda, qabel xejn iqegħedlu sebgħu f’widnejh, imbagħad ħalqu, imma l-ewwel widnejh.
Ilkoll għandna l-widnejn, imma ħafna drabi ma jirnexxilniex nisimgħu. Għaliex? Ħuti, fil-fatt hemm nuqqas ta’ smigħ interjuri, li llum nistgħu nitolbu lil Ġesù jmissulna biex ifejjaqna. U dak in-nuqqas ta’ smigħ interjuri hu agħar min dak fiżiku għax hu n-nuqqas ta’ smigħ tal-qalb. Aħna dejjem mgħaġġlin, maħkumin mill-elf ħaġa li għandna ngħidu u nagħmlu, ma nsibux ħin biex nieqfu ħalli nisimgħu lil min ikun jitkellem. Nirriskjaw li nsiru ‘waterproof’ għal kollox u ma nagħtux wisa’ lil min ikun ikellimna. Nirriskjaw li nsiru ‘waterproof’ għal kollox u ma nħallux wisa’ għal min għandu bżonn min jisimgħu: qed niftakar fit-tfal, fiż-żgħażagħ, fl-anzjani, fil-bosta li m’għandhomx wisq bżonn ta’ kliem u prietki, imma lil min jismagħhom. Nistaqsu lilna nfusna: kif jien fis-smigħ? Inħalli l-ħajja tal-oħrajn tmissni, naf niddedika ħin lil min jinsab ħdejja biex nisma’? Dan jgħodd għalina lkoll, imma b’mod speċjali għall-qassisin, għas-saċerdoti. Is-saċerdot għandu jisma’ lin-nies, mhux bit-tferfix, jisma’…, u jara kif jista’ jgħin, imma wara li jkun sama’. U lkoll kemm aħna: l-ewwel nisimgħu, imbagħad inwieġbu. Niftakru fil-ħajja fil-familja: kemm drabi jsir diskors bla ma nkunu smajna qabel, dejjem intennu l-istess kantaliena, dejjem l-istess! Bla ħila li nisimgħu, dejjem intennu l-kliem tas-soltu, jew mank inħallu lill-ieħor jispiċċa jitkellem, jesprimi ruħu, u aħna ninterrompuh. Biex jerġa’ jkun hemm djalogu aħjar, mhux il-kliem jgħodd, imma s-skiet, li ma nwebbsux rasna, li bil-paċenzja nerġgħu nibdew nisimgħu lill-ieħor, nisimgħu it-toqol tiegħu, dak li jħoss ġewwa fih. Il-fejqan tal-qalb jibda mis-smigħ. Nisimgħu. U dan ifejjaq il-qalb. “Imma, padre, hemm nies tedjużi, dejjem jgħidu l-istess affarijiet……”. Ismagħhom. U meta jieqfu jitkellmu, għid tiegħek, imma isma’ kollox.
U dan jgħodd ukoll għal mal-Mulej. Tajjeb nagħmlu li nfawruh bit-talb għal dak li nixtiequ imma qabel kollox ikun aħjar jekk nagħtuh widen. Dan jitolbu minna Ġesù. Meta fl-Evanġelju jistaqsuh liema hu l-akbar kmandament, iwieġeb: “Isma’, Iżrael”. Imbagħad iżid l-ewwel kmandament: “Ħobb lill-Mulej Alla b’qalbek kollha (…..) u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Mk 12, 28-31). Iżda qabel kollox: “Isma’, Iżrael”. Inti isma’. Niftakru li għandna nagħtu widen lill-Mulej? Aħna nsara imma forsi, fost l-eluf ta’ kliem li nisimgħu kuljum, ma nsibux imqar sekonda biex jidwu fina ftit kliem tal-Evanġelju. Ġesù huwa l-Kelma: jekk ma nieqfux biex nisimugħ, jibqa’ għaddej. Santu Wistin kien jgħid: “Nibża’ mill-Mulej meta jgħaddi”. U l-biża’ kien li jħallih għaddej bla ma jisimgħu. Imma jekk inħallu ftit ħin għall-Evanġelju, insibu s-sigriet għas-saħħa spiritwali tagħna. Din hi l-mediċina: Ftit silenzju u ftit smigħ ta’ kuljum, xi kelma żejda anqas, u xi Kelma ta’ Alla aktar. Dejjem bil-Vanġelu fil-but, għax jgħin ħafna. Illum nisimgħu, bħal dakinhar tal-Magħmudija tagħna, il-kelma ta’ Ġesù: “Effata, infetaħ!” Iftaħ widnejk. Ġesù nixtieq nifetaħ għall-kelma tiegħek; ninfetaħ biex nisimgħek; Ġesù fejjaqli qalbi mill-għeluq, fejjaqli qalbi mill-għaġla, fejjaqli qalbi min-nuqqas ta’ paċenzja.
Il-Verġni Marija, dejjem miftuħa biex tisma’ l-Kelma li saret laħam ġewwa fiha, tgħinna kuljum biex nisimgħu lil Binha fl-Evanġelju u lil ħutna b’qalb ħelwa, b’qalb mimija paċenzja u b’qalb attenta.
Wara l-Angelus
Ilbieraħ, f’Catamarca (l-Arġentina), saret il-beatifikazzjoni ta’ Mamerto Esquiú, Franġiskan minuri u Isqof ta’ Cordoba. Fl-aħħar, beatu arġentin! Kien ħabrieki għall-aħħar biex iħabbar il-Kelma t’Alla, biex jibni l-komunità ekkleżjali u wkoll dik ċivili. Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna ngħaqqdu dejjem it-talb mal-appostolat, u biex inkunu qaddejja tal-paċi u l-fraternità. Applaws lill-Beatu l-ġdid.
F’dawn il-waqtiet ta’ konfużjoni li fihom qed naraw lin-nies tal-Afghanistan ifittxu kenn, nitlob għal dawk li huma l-aktar dgħajfa fosthom. Nitlob biex ħafna pajjiżi jilqgħu li min qed ifittex ħajja ġdida. Nitlob ukoll għall-itturufnati interni, sabiex isibu l-għajnuna u l-protezzjoni li jeħtieġu. Jalla ż-żgħażagħ tal-Afghanistan jirċievu l-edukazzjoni, ġid essenzjali għall-iżvilupp uman. U jalla n-nies kollha tal-Afghanistan, kemm dawk li jinsabu fil-patrija, dawk li qed jitilqu, dawk li jinsabu fil-pajjiżi li laqgħuhom, jgħixu bid-dinjità, fil-paċi u l-fraternità mal-ġirien tagħhom.
Niżgura t-talb tiegħi għall-popolazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika li dawn l-aħħar jiem intlaqtu minn uragan qawwi. Il-Mulej jilqa’ l-erwieħ tal-mejtin u jwieżen lil kull min qed ibati minħabba din it-traġedja.
Fil-jiem li ġejjin jaħbat l-ewwel tas-sena tal-Għebrej Rosh Hashanah. Imbagħad iż-żewġ festi Yom Kippur u Sukkot. Minn qalbi nagħtu l-awguri tiegħi lil ħutna kollha tar-reliġjon Għebrajka: jalla s-sena l-ġdida tkun għanja bil-frott tal-paċi u l-ġid għal kull min jimxi fedelment mal-Liġi tal-Mulej.
Il-Ħadd li ġej se mmur Budapest għat-tmiem tal-Kungress Ewkaristku Internazzjonali. Il-pellegrinaġġ tiegħi imbagħad ikompli, wara l-quddiesa, għal xi jiem fis-Slovakkja u jintemm l-Erbgħa ta’ wara biċ-ċelebrazzjoni kbira u popolari tal-Verġni Addolorata, patruna ta’ dak il-pajjiż. Għalhekk dawk se jkunu jiem ta’ adorazzjoni u talb fil-qalba tal-Ewropa. Filwaqt li nsellem b’għozza lil dawk li ħejjew dal-vjaġġ – u rrodilhom ħajr – u lil dawk kollha li qed jistennewni u li jien nixtieq minn qalbi niltaqa’ magħhom, nitlobkom takkumpanjawni bit-talb, u nqiegħed din iż-żjara taħt l-interċessjoni ta’ tant nies erojiċi li stqarrew l-fidi, li kienu xhieda tal-Evanġelju f’dawk l-inħawi minkejja l-ostilità u l-persekuzzjoni. Jalla huma jgħinu lill-Ewropa biex illum ukoll tagħti xhieda, mhux tant bil-kliem, imma fuq kollox bil-fatti, b’opri tal-ħniena u ta’ akkoljenza, l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej li jħobbna u jsalvana. Grazzi!
U issa nsellem lilkom, għeżież rumani u pellegrini! B’mod partikolari nagħti l-awguri tiegħi lil-Leġjun ta’ Marija li qed jiċċelebra l-mitt sena tiegħu: Alla jberikkom u l-Verġni tħariskom! Insellem liż-żgħażagħ tal-‘Opera della Chiesa’, lill-adoloxxenti minn Faenza u li dawk minn Castenedolo li għamlu l-Griżma u l-Ewwel Tqarbina, lill-grupp minn Arte Terme u lill-fidili pollakki u litwani akkumpanjati mill-ħbieb mill-Abruzzo.
Illum hi t-tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta, Madre Tereża kif jafha kulħadd. Applaws sabih! Insellem lill-Missjinarji tal-Karità kollha kemm huma, impenjati madwar id-dinja kollha f’servizz erojku, qed niftakar b’mod partikolari fis-sorijiet ta’ ‘Dono di Maria’ li hawn fil-Vatikan.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos