Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum hemm espressjoni ta’ Ġesù li tolqotna u ġġagħalna naħsbu. Waqt li miexi mad-dixxipli tiegħu, hu jgħid: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!” (Lq 12:49). Dwar liema nar qed jitkellem? U xi jfisser dal-kliem għalina llum, dan-nar li qed iġib Ġesù?
Kif nafu, Ġesù ġie biex iġib l-Evanġelju fid-dinja, jiġifieri l-Bxara t-Tajba tal-imħabba t’Alla għal kull wieħed u waħda minna. Għalhekk qed jgħidilna li l-Evanġelju hu bħan-nar, jaħraq id-drawwiet qodma tal-għejxien, jisfidana biex negħlbu l-egoiżmu, jisfidana ngħaddu mill-jasar tad-dnub u tal-mewt għall-ħajja ġdida fl-Irxoxt, f’Ġesù rxuxtat. Jiġifieri l-Evanġelju ma jħallix l-affarijiet kif inhuma; meta jgħaddi l-Evanġelju, u jkun mismugħ u milqugħ, l-affarijiet ma jibqgħux kif ikunu. L-Evanġelju jisfidana biex ninbidlu u jistedinna nikkonvertu. Ma jqassamx paċi interjuri falza, imma jixgħel fina ansjetà biex nibdew nimxu, jimbuttana biex ninfetħu għal Alla u għal ħutna. Hu eżattament bħan-nar: filwaqt li jsaħħanna bl-imħabba t’Alla, irid jaħraq l-egoiżmi tagħna, idawwal l-aspetti mudlama tal-ħajja – ilkoll għandna minnhom dawn – jikkonsma l-idoli foloz li jagħmluna lsiera.
Fuq il-passi tal-profeti bibliċi – niftakru, pereżempju, f’Elija u f’Ġeremija – Ġesù hu mħeġġeġ min-nar tal-imħabba t’Alla, u biex ikebbsu fid-dinja, jagħti lilu nnifsu, billi baqa’ jħobb sal-aħħar, jiġifieri sal-mewt u l-mewt tas-salib (ara Fil 2:8). Hu mimli bl-Ispirtu s-Santu, li hu mqabbel man-nar, u bid-dawl tiegħu u l-qawwa tiegħu jurina l-wiċċ ħanin ta’ Alla jagħti l-milja lil dawk meqjusa bħala mitlufin, ikisser il-ħitan tal-emarġinazzjoni, ifejjaq il-ġrieħi tal-ġisem u tar-ruħ, iġedded ir-reliġjożità mistqarra biss bħala prattika esterjuri. Għalhekk hu nar: jibdel, isaffi.
Allura xi tfisser għalina, għal kull wieħed u waħda minna – għalija, għalikom, għalik – xi tfisser għalina dil-kelma ta’ Ġesù, in-nar? Tistedinna nerġgħu nixegħlu l-fjamma tal-fidi, ħalli din ma ssirx realtà sekondarja jew mezz ta’ risq individwali, li jġagħalna naħarbu mill-isfidi tal-ħajja jew mill-impenn tagħna fil-Knisja u fis-soċjetà. Infatti – kien qal wieħed teologu – il-fidi f’Alla “hi sikurezza għalina, imma mhux kif irriduha aħna: jiġifieri mhux biex ittina xi illużjoni li tipparalizzana jew xi sodisfazzjon serafika, imma biex tixprunana ħalli naħdmu” (De Lubac, Fit-toroq tal-Mulej, Milan 2008, 184). Insomma, il-fidi mhix xi ‘taħnina’ (lullaby) li tbenninna biex norqdu. Il-veru fidi hi nar, nar jaqbad biex iżommna mqajmin u produttivi billejl ukoll!
L-Evanġelju jisfidana biex ninbidlu u jistedinna nikkonvertu. Ma jqassamx paċi interjuri falza, imma jixgħel fina ansjetà biex nibdew nimxu, jimbuttana biex ninfetħu għal Alla u għal ħutna
Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien ħerqan għall-Evanġelju? Inġorru miegħi? Il-fidi li nistqarr u li niċċelebra, tħallini f’xi kalma beatifika jew tixgħel fija n-nar tat-testimonjanza? Nistgħu nagħmlu dil-mistoqsija anki bħala Knisja: fil-komunitajiet tagħna hemm imkebbes in-nar tal-Ispirtu, il-ħerqa għall-karità, il-ferħ tal-fidi, jew kuljum nitkaxkru fl-għejja u fid-drawwiet, b’wiċċna sfajjar u t-tgergir fuq fommna? Ħuti, neżaminaw lilna nfusna dwar dan, b’hekk aħna wkoll inkunu nistgħu ngħidu flimkien ma’ Ġesù: aħna mixgħulin bin-nar tal-imħabba t’Alla u rridu “nkebbsuh” fid-dinja, inwassluh lil kulħadd, sabiex kulħadd jiskopri t-tenerezza tal-Missier u jġarrab il-ferħ ta’ Ġesù, il-ferħ li jwessa’ l-qlub – għax Ġesù jiftaħ il-qalb u jsebbaħ il-ħajja. Nitolbu għal dan lill-Verġni Mqaddsa: hi li laqgħet in-nar tal-Ispirtu s-Santu, tinterċedi għalina.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar il-kriżi umanitarja gravi li qed tolqot lis-Somalja u xi nħawi tal-pajjiżi ġirien. Il-popolazzjonijiet ta’ dar-reġjun, li diġà jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji ħafna, issa jinsabu f’periklu mortali minħabba n-nixfa. Nawgura li s-solidarjetà internazzjonali tagħraf twieġeb b’mod effikaċi għal din l-emerġenza. Sfortunatament il-gwerra tisirqilna l-attenzjoni u r-riżorsi, imma dawn huma l-għanijiet li jesiġu minna impenn sħiħ: il-ġlieda kontra l-ġuħ, is-saħħa, l-edukazzjoni.
Insellmilkom minn qalbi fidili u pellegrini minn Ruma u minn pajjiżi oħra. Qed nara bnadar Pollakki, Ukreni, Franċiżi, Taljani, Arġentini! Tant pellegrini. Insellem b’mod partikolari lill-edukaturi u l-katekisti tal-unità pastorali ta’ Codevigo (Padova), lill-universitarji tal-Moviment Ġovanili Sależjan mit-Trisveneto u liż-żgħażagħ tal-unità pastorali minn Villafranca (Verona).
U ħsieb speċjali jmur lejn l-għadd kbir ta’ pellegrini li llum iltaqgħu fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fi Carcovia, fejn 20 sena ilu, San Ġwanni Pawlu II, kien għamel l-Att ta’ Konsagrazzjoni tad-dinja lill-Ħniena Divina. Illum, daqs qatt qabel, nifhmu s-sens ta’ dak il-ġest, li rridu nġeddu bit-talb u bix-xhieda tal-ħajja. Il-ħniena hi t-triq tas-salvazzjoni għal kull wieħed u waħda minna u għad-dinja kollha. U lill-Mulej nitolbuh ħniena speċjali, ħniena u pjetà għall-poplu martirizzat tal-Ukrajna.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci, liż-żgħażagħ tal-Immacolata wkoll.
Sors: laikos.org