Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!
Illum qed niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin Kollha. Fid-dawl ta’ din il-festa, nieqfu ftit biex nirriflettu dwar il-qdusija, partikolarment iż-żewġ karatteristiċi tal-qdusija vera: hi don – hi rigal, li ma jistax jinxtara – u fl-istess ħin hi mixja.
Qabel xejn don. Il-qdusija hi don ta’ Alla li rċevejna bil-Magħmudija: jekk inħalluh jikber jista’ jibdlilna ħajjitna għal kollox (cfr Eż. app. Gaudete et Exsultate, 15). Il-qaddisin mhumiex eroj li ma nistgħux nimitawhom jew imbiegħedin, imma huma persuni bħalna, huma ħbiebna, li l-punt tat-tluq tagħhom hu l-istess wieħed li rċevejna aħna wkoll: il-Magħmudija. Anzi, jekk naħsbu sew, żgur li ltqajna ma’ xi wieħed jew waħda minnhom, xi qaddis tal-ħajja ta’ kuljum, xi persuna ġusta, xi persuna li tgħix ħajja nisranija bis-serjetà, bis-sempliċità… huma dawk li jien inħobb insejħilhom “il-qaddisin tal-bieb ta’ ħdejna”, li jgħixu ħajja normali fostna. Il-qdusija hi don offrut lil kulħadd biex jgħix ħajja hienja.
U, wara kollox, meta nirċievu rigal, xi tkun l-ewwel reazzjoni tagħna? Propju hi li nħossuna ferħana għax ikun ifisser li aħna għeżież għal xi ħadd; u d-don tal-qdusija jhennina għax aħna għeżież għal Alla. Imma kull rigal irid ikun milqugħ u miegħu jġib ir-responsabbiltà ta’ tweġiba, “grazzi”. Imma kif ngħiduha dil-grazzi? Hi stedina biex inkunu impenjati ħalli (id-don) ma jisfax moħli.
L-imgħammdin kollha kemm aħna kellna l-istess sejħa biex “b’ħajjitna nindukraw u nipperfezzjonaw il-qdusija li rċevejna” (Lumen gentium, 40). U hekk – naslu għat-tieni punt – il-qdusija hi wkoll mixja, mixja li rridu nagħmlu flimkien, magħqudin ma’ dik il-kumpanija mill-isbaħ, dak il-grupp ta’ Qaddisin.
Huma ħutna, ħutna l-kbar li nistgħu norbtu fuqhom dejjem: il-qaddisin jgħinuna u meta niżbaljaw it-triq tul il-mixja tagħna, bil-preżenza silenzjuża tagħhom qatt ma jhedew jikkoreġuna; huma ħbieb sinċieri li nistgħu nafdawhom għax huma jridulna l-ġid. Fil-ħajja tagħhom naraw eżempju, fit-talb tagħhom nirċievu għajnuna u ħbiberija, u magħhom aħna nitħaddnu b’rabta ta’ mħabba fraterna.
Il-qdusija hi mixja, hi don. Allura nistgħu nsaqsu: niftakar, konxju, li rċevejt id-don tal-Ispirtu s-Santu, li jsejjaħli għall-qdusija u jgħinni biex nilħaq dan l-għan? Niżżi ħajr lill-Ispirtu s-Santu ta’ dan, għad-don tal-qdusija? Il-Qaddisin inħosshom qribi, nitkellem magħhom, indur lejhom? Naf l-istorja ta’ xi wħud minnhom? Jagħmlilna tajjeb inkunu nafu l-ħajjiet tal-qaddisin u nħallu l-eżempju tagħhom imexxina. U jagħmlilna tajjeb ħafna li nduru lejhom bit-talb.
Marija, Reġina tal-Qaddisin kollha, tgħinna nħossu l-ferħ tad-don li rċevejna u tkattar fina x-xewqa tal-ħajja eterna.
Sors: laikos.org