Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Nifirħilkom, intom kuraġġużi, b’dix-xita kollha!  Il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju (cfr Ġw 1,1-18), qed ikellimna dwar Ġesù, il-Verb magħmul bniedem, u qed jgħidilna li “d-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1,5).  Ifisser li qed ifakkarna kemm hi bla qies l-imħabba t’Alla li ma jħalli xejn jegħlbu u li lil hinn mill-ostakli u ċ-ċaħdiet, jibqa’ jiddi u jdawwal il-mixja tagħna.

Naraw dan fil-Milied, meta Iben Alla, magħmul bniedem, jegħleb tant ħitan u tant firdiet.  Jaffronta l-moħħ magħluq u l-qalb iebsa “tal-kbarat” ta’ żmienu li aktar moħħhom biex jiddefendu s-setgħa milli biex ifittxu lill-Mulej (cfr Mt 2,3-18).  Jgħix ħajja umli flimkien ma’ Marija u Ġużeppi li jilqgħuh u jrabbuh bl-imħabba, iżda bil-limitazzjonijiet u l-iskumditajiet ta’ min hu nieqes mill-mezzi: kienu foqra.  Joffri ruħu, fraġli u bla difiża, għal-laqgħa mar-ragħajja (cfr Lq 2,8-18), bnedmin b’qalb immarkata bl-imrar tal-ħajja u d-disprezz tas-soċjetà; imbagħad il-Maġi (cfr Mt 2,1) li, mqanqlin mix-xewqa li jsiru jafuh, jaffrontaw vjaġġ twil u jsibuh ġo dar ta’ nies komuni, f’faqar kbir.

Quddiem din l-isfida, flimken ma’ tant sfidi oħrajn li jidhru kuntradittorji, Alla qatt ma jieqaf – nisimgħuha sewwa din: Alla ma jieqaf qatt – isib elf mod kif jasal għand kulħadd u għand kull wieħed u waħda minna, hemmhekk, fejn inkunu ninsabu, bla kalkoli u bla kundizzjonijiet, u fl-iljieli l-aktar mudlama tal-umanità jiftaħ twieqi ta’ dawl li ebda dlam ma jista’ jostor (cfr Iż 9,1-6).  Hi realtà ta’ faraġ għalina u ttina l-kuraġġ, speċjalment fi żmien bħalma hu tagħna, żmien xejn faċli, fejn hemm tant bżonn ta’ dawl, ta’ tama u ta’ paċi, dinja li fiha l-bnedmin kultant joħolqu sitwazzjonijiet tant kumplikati li donnu jkun diffiċli joħorġu minnhom.  Donnu jkun impossibbli noħorġu minn bosta sitwazzjonijiet, imma llum, il-Kelma t’Alla tgħidilna li mhux hekk!  Anzi, tagħmlilna sejħa biex nimitaw ‘l Alla tal-imħabba, u niftħu xaqq dawl kull fejn possibbli, ma’ kull min niltaqgħu, f’kull sitwazzjoni: familjari, soċjali, internazzjonali.

Tistedinna biex ma nibżgħux immiddu l-ewwel pass.  Din hi l-istedina li jagħmlilna l-Mulej illum: ma nibżgħux immiddu l-ewwel pass: hemm bżonn il-kuraġġ biex nagħmluh dal-pass, imma m’għandniex nibżgħu.  Niftħu beraħ it-twieqi tal-qrubija lejn min qed isofri, tal-maħfra, tal-ħniena, tar-rikonċiljazzjoni: dawn huma kollha “l-ewwel pass” li għandna nagħmlu biex il-mixja ndawluha, nagħmluha aktar żgura u possibbli għal kulħadd.  Din l-istedina tidwi b’mod partikolari fis-Sena tal-Ġublew li għadha kif bdiet, u tixprunana biex inkunu messaġġiera tat-tama b’ħafna “iva” sempliċi imma konkreti fil-ħajja, b’għażliet li jagħtu l-ħajja.  Nagħmlu dan ilkoll kemm aħna: din hi t-triq lejn is-salvazzjoni!

Allura, fil-bidu ta’ sena ġdida nistgħu nsaqsu lilna nfusna: b’liema mod nista’ niftaħ tieqa ta’ dawl fl-ambjent tiegħi u fir-relazzjonijiet tiegħi?  Fejn nista’ nkun xaqq dawl li minnu tgħaddi l-imħabba ta’ Alla?  Liema hu l-ewwel pass li għandi nagħmel illum?

Marija, il-kewkba li tmexxina lejn Ġesù tgħinna nkunu xhieda mdawlin tal-imħabba tal-Missier.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini ġejjin minn bosta pajjiżi.

Insellem b’mod partikolari lill-għalliema tar-reliġjon mill-Arċidjoċesi ta’ Zagreb.  Għeżież, nawguralkom kull ġid fix-xogħol tagħkom, tant importanti għall-formazzjoni kulturali, spiritwali u morali tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Insellem lill-fidili minn Orzinuovi, lill-familji minn Massa Lombarda, lill-ministranti u l-operaturi pastorali minn Postioma u Porcellengo, liż-żgħażagħ tal-“Fraternità Francescana di Betania” lill-adoloxxenti mid-dekanat ta’ Oggiono fil-provinċja ta’ Lecco li qed jagħmlu l-pellegrinaġġ tal-Ġublew.

Inkomplu nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, fis-Sirja, fil-Myanmar, fis-Sudan.  Il-komunità internazzjonali għandha taħdem b’impenn sħiħ biex fil-kunflitti xorta waħda jkun rispettat id-dritt umanitarju.  Ieqfu bbumbardjaw lin-nies ċivili, l-iskejjel, l-isptarijiet, waqqfu l-bumbardamenti fuq il-postijiet tax-xogħol!  Ma ninsewx li l-gwerra dejjem hi telfa, dejjem!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci għal għada!

Maqlub għall-Malti minn Joe Huber