Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu biex iserrħilhom moħħhom minn kull biża’ u jistedinhom jishru. L-eżortazzjonijiet fundamentali li jindirizzalhom huma tnejn: l-ewwel waħda hi:” tibżgħu xejn, merħla ċkejkna” (Lq 12, 32); it-tieni “kunu lesti” (v.35).  “Tibżgħux” u “kunu dejjem lesti”. Dawn huma żewġ kelmiet fundamentali biex negħlbu l-biżgħat li xi minn daqqiet jipparalizzawna, u biex negħlbu t-tentazzjoni ta’ ħajja passiva, mitruħa. “Tibżgħux” u “kunu lesti”: ejjew nieqfu fuq dawn iż-żewġ stediniet.

Tibżgħux. L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hi li jagħmel kuraġġ lid-dixxipli. Għadu kif temm ikellimhom dwar il-kura mimlija mħabba u l-għajnuna divina tal-Missier, li jieħu ħsieb il-ġilji tal-għelieqi u l-għasafar, u għalhekk, aktar u aktar ta’ wliedu. Għaldaqstant m’hemmx bżonn ninkwetaw u nitħarbtu: l-istorja tagħna tinsab sfiq f’idejn Alla. Tqawwilna qalbna l-istedina ta’ Ġesù biex ma nibżgħux.

Kultant, infatti, inħossuna priġunieri ta’ sentiment ta’ sfiduċja u dieqa ta’ qalb: din hi l-biża’ li mhux se jirnexxilna, li mhux se ningħarfu u nkunu maħbubin, il-biża’ li mhux se jirnexxilna nwettqu l-proġetti tagħna, li qatt mhu se nkunu hienja, u aktar. U allura ninkwetaw, niġru b’nifisna maqtugħ biex infittxu s-soluzzjonijiet, biex naħżnu l-ġid u r-rikkezzi, biex niksbu s-sigurtà; u kif nispiċċaw? Nispiċċċaw ngħaddu ħajjitna inkwetati u dejjem imħassbin. Iżda Ġesù jserrħilna moħħna: tibżgħux! Afdaw fil-Missier, li jixtieq itikom dak kollu li teħtieġu verament. Diġà tana lil Ibnu, Saltnatu, u dejjem jakkumpanjakom bil-providenza tiegħu, u jieħu ħsiebkom ta’ kuljum. Tibżgħux: din hi ċ-ċertezza li l-qalb għandha tintrabat magħha!  Tibżgħux: qalb imwaħħda ma’ din iċ-ċertezza. Tibżgħux. Iżda l-fatt li nafu li l-Mulej jishar fuqna bl-imħabba, ma jtiniex id-dritt li nogħnosu, li nintelqu għall-għażż! Bil-maqlub, għandna nkunu dejjem imqajmin, nishru. Infatti li tħobb ifisser li nkunu attenti għall-ieħor, nindunaw x’għandu bżonn, inkunu disponibbli biex nisimgħu u nilqgħu, inkunu lesti.

It-tieni kelma: “Kunu lesti”. Hi t-tieni stedina tal-lum. Hi l-għerf Nisrani. Ġesù jtenni din l-istedina diversi drabi u llum jgħamel dan bi tliet parabboli qosra, ibbażati fuq sid id-dar li, fl-ewwel waħda, jasal lura mit-tieġ, fit-tieni ma jridx li l-ħallelin jaħsduh, u fit-tielet jerġa’ lura minn vjaġġ twil. Fihom kollha dan hu l-messaġġ: hemm bżonn nishru, ma norqdux, jiġifieri ma nkunux aljenati, ma nċedux għall-għażż ġewwieni, għax anki f’sitwazzjonijiet fejn lanqas inkunu nistennewh, jasal il-Mulej. Ikollna din l-attenzjoni lejn il-Mulej, ma nitħeddlux. Hemm bżonn nibqgħu mqajmin.

Li tħobb ifisser li nkunu attenti għall-ieħor, nindunaw x’għandu bżonn, inkunu disponibbli biex nisimgħu u nilqgħu, inkunu lesti

U fi tmien ħajjitna jitlobna kont tal-ġid li jkun fdalna f’idejna; għalhekk is-sahra tfisser ukoll li nkunu responsabbli, jiġifieri li nħarsu u namministraw dak il-ġid bil-fedeltà. Irċevejna ħafna: il-ħajja, il-fidi, il-familja, ir-relazzjonijiet, ix-xogħol, imma wkoll il-postijiet fejn ngħixu, beltna, il-maħluq. Irċevejna ħafna. Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: aħna nħarsu dal-patrimonju li ħallielna l-Mulej? Inħarsu sbuħitu jew nużawh biss għalina u għall-konvenjenzi tal-mument?  Għandna naħsbu ftit dwar dan: aħna ħarriesa ta’ dak kollu li ngħatajna?

Ħuti, nimxu mingħajr biża’, għax ċerti li l-Mulej magħna dejjem.  U nibqgħu nishru ħalli ma jiġrilniex li jgħaddi l-Mulej u jsibna reqdin. Santu Wistin kien jgħid: “Nibża’ li jgħaddi l-Mulej u jien ma nindunax bih”; li nkun rieqed u ma nindunax li l-Mulej għaddej. Ibqgħu mqajmin! Tgħinna l-Verġni Marija li laqgħet iż-żjara tal-Mulej u minnufih u bil-ġenerożità qalet “’l hawn jien” tagħha.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nixtieq insellem b’sodisfazzjon it-tluq mill-portijiet tal-Ukrajna tal-ewwel vapuri mgħobbijin biċ-ċereali. Dal-pass juri li d-djalogu hu possibbli u jwassal għal riżultati konkreti, li jaħju lil kulħadd. Għaldaqstant, ġrajja bħal din titqies ukoll bħala sinjal ta’ tama, u nawgura minn qalbi, li permezz ta’ dit-triq, jieqaf il-ġlied u naslu għall-paċi ġusta u dejjiema.

Smajt b’niket l-aħbar tal-inċident stradali li seħħ ilbieraħ fil-Kroazja: xi pellegrini Pollakki li kien sejrin Medjugorje tilfu ħajjithom u oħrajn ġarrbu l-ġrieħi. Jalla l-Madonna tinterċedi għalihom ilkoll u għall-familjari tagħhom.

Illum hi l-ġurnata li fiha jilħaq il-qofol tiegħu l-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ f’Santiago de Compostela, li kellu jsir is-sena li għaddiet, sena tal-Ġublew ta’ Compostela. Bil-ferħ inbierek minn qalbi lil kull żgħażugħ u żgħażugħa li ħadu sehem, u nbierek ukoll lil kull min ħadem biex jorganizza u jakkumpanja dan l-avveniment. Jalla ħajjitkom tkun dejjem mixja: mixja ma’ Ġesù Kristu, mixja lejn Alla u lejn ħutna, mixja ta’ servizz u ta’ ferħ!

U issa nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lill-fidili minn Malta. Insellem lill-grupp minn Crevalcore, lill-adolexxenti mid-djoċesi ta’ Verona u lil dawk tal-Oratorju Don Bosco minn Tolmezzo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!