Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum, l-ewwel Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jippreżentalna lil Ġesù waqt it-tentazzjonijiet fid-deżert (cfr Mk 1,12-15. It-test jgħidilna: “U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan”. Fir-Randan aħna wkoll mistednin “nidħlu fid-deżert”, jiġifieri fis-silenzju, fid-dinja interjuri tagħna, biex nisimgħu lil qalbna, f’kuntatt mal-verità. L-Evanġelju jżid li Kristu “Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi u kienu jaqduh l-anġli” (v. 13). Bhejjem selvaġġi u anġli kienu l-kumpanija tiegħu. Iżda f’sens simboliku huma wkoll kumpanija għalina: meta nidħlu fid-deżert interjuri, infatti, hemmhekk nistgħu niltaqgħu ma’ bhejjem selvaġġi u mal-anġli.
Bhejjem selvaġġi. F’liema sens? Fis-sens li fil-ħajja spiritwali nistgħu nimmaġinaw li huma l-passjonijiet diżordinati li jċarrtu l-qalb, jippruvaw jaħkmuha. Jaffaxxinawna, donnhom isaħħruna iżda jekk ma noqgħodux attenti hemm ir-riskju li jiddivorawna. Dawn il-bhejjem selvaġġi tar-ruħ nistgħu nagħtuhom isem: il-vizzjijiet varji, il-kilba għall-għana li jassar kemm fil-kalkolu u wkoll fin-nuqqas ta’ sodisfazzjoni, il-vanità tal-edoniżmu li jikkundanna lil dak li jkun għall-ansjetà u s-solitudni, u wkoll ir-rebgħa għall-fama, li ġġib magħha insikurezza u l-ħtieġa bla tmiem ta’ approvazzjoni u protagoniżmu – ma ninswehomx dawn l-affarijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom ġewwa fina: regħba, vanità u kilba. Huma l-bhejjem “selvaġġi” li hemm bżonn inrażżnuhom u niġġieldulhom: inkella jisirqulna l-libertà kollha. Ir-Randan jgħinna nidħlu fid-deżert ta’ ruħna biex dawn l-affarijiet nikkoreġuhom.
Imbagħad hemm id-deżert tal-anġli. Huma l-messaġġiera ta’ Alla li jgħinuna, u jagħmlulna l-ġid, infatti l-karatteristika tagħhom skont l-Evanġelju hi l-qadi (cfr v. 13): eżattament il-kuntrarju tal-pussess, tipiku tal-passjonijiet. Servizz kontra l-pussess. L-ispirti anġeliċi ifakkruna fis-sentimenti t-tajbin li jissuġġerielna l-Ispirtu s-Santu. Filwaqt li t-tentazzjonijiet iqattgħuna, l-aspirazzjonijiet divini jgħaqduna u jdaħħluna f’armonija: jikkalmaw il-qalb, jiżirgħu fina t-togħma ta’ Kristu, “idewquna s-Sema”. U biex nilqgħu l-ispirazzjoni ta’ Alla, hemm bżonn nidħlu fis-silenzju u t-talb. Ir-Randan hu żmien biex nagħmlu dan.
Nistgħu nistaqsu: l-ewwel, liema huma l-passjonijiet diżordinati, “bhejjem selvaġġi” li jitturmentawli qalbi? It-tieni: biex inħalli l-leħen Alla jkellem lil qalbi u nindukraha sewwa, qed naħseb biex nidħol ftit “fid-deżert”, infittex li niddedika xi ftit ħin għal dan matul il-ġurnata?
Il-Verġni Mqaddsa, li ħarset il-Kelma u li t-tentazzjonijet tal-malinn mank missewha, tgħinna fil-mixja tul dan ir-Randan.
Sors: laikos.org