Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum itina x-xena li biha tibda l-ħajja pubblika ta’ Ġesù: Hu li hu Iben Alla u l-Messija, imur fuq ix-xatt tax-Xmara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni l-Battista. Wara madwar 30 sena mgħixa kważi fil-moħbi, Ġesù ma jippreżentax ruħu b’xi miraklu jew minn fuq xi kattedra biex jgħallem. Joqgħod fil-kju flimkien mal-poplu li kien imur biex jitgħammed minn Ġwanni. L-innu liturġiku tal-lum jgħid li l-poplu kien imur biex jitgħammed bl-ispirtu u saqajh għerja, bl-umiltà. Atteġġjament sabiħ, bl-ispirtu u s-saqajn għerja. U Ġesù jaqsam dan id-destin flimkien magħna l-midinbin, jinżel lejna: jinżel fix-xmara bħalma jinżel fl-istorja miġruħa tal-umanità, jogħdos fl-istess ilmijiet tagħna biex ifejjaqhom, jogħdos flimkien magħna, jogħdos fostna. Ma jitlax fuq rasna, imma jinżel lejna, bi spirtu għeri, b’saqajh għerja bħalma kien il-poplu. Ma jmurx waħdu u lanqas ma’ xi grupp ta’ privileġġjati, le, imur flimkien mal-poplu. Hu sehem minn dak il-poplu u jmur jitgħammed flimkien mal-poplu, ma’ dak il-poplu umli.
Nieqfu fuq punt importanti: filwaqt li fih Ġesù kien qed jirċievi l-Magħmudija, it-test jgħidilna li kien “qiegħed jitlob” (Lq 3:21). Jagħmlilna tajjeb nikkuntemplaw dan: Ġesù jitlob. Imma kif? Hu, li hu l-Mulej, Iben Alla, jitlob bħalna? Iva, Ġesù – itennuh kemm-il darba l-Vanġeli – iqatta’ ħafna ħin jitlob: fil-bidu ta’ kull ġurnata, spiss billejl, qabel ma jieħu deċiżjonijiet importanti… It-talb tiegħu hu djalogu, relazzjoni mal-Missier. Hekk, fil-Vanġelu tal-lum nistgħu naraw “żewġ movimenti” tal-ħajja ta’ Ġesù: min-naħa jinżel lejna, fl-ilmijiet tal-Ġordan; mill-oħra jerfa’ ħarstu u qalbu fit-talb lill-Missier.
It-talb hu l-mod kif inħallu lil Alla jaħdem fina, biex nifhmu dak li jrid iwasslilna anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, nitolbu biex ikollna l-forza li nibqgħu mexjin
Hi tagħlima kbira għalina lkoll: aħna lkoll mgħaddsin fil-problemi tal-ħajja u f’tant sitwazzjonijiet kumplikati, imsejħin biex naffrontaw mumenti u għażliet diffiċli li jniżżluna ‘l isfel. Imma jekk ma rridux nibgħqu mgħattnin, hemm bżonn noffru kollox ‘il fuq. U t-talb jagħmel eżatt dan, mhux ħarba, it-talb mux rit maġiku jew ripetizzjoni ta’ kantalieni li nkunu tgħallimna bl-amment. Le. It-talb hu l-mod kif inħallu lil Alla jaħdem fina, biex nifhmu dak li jrid iwasslilna anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, nitolbu biex ikollna l-forza li nibqgħu mexjin. Ħafna nies iħossu li ma jirnexxilhomx jitolbu: “Mulej, tini l-qawwa biex nibqa’ miexi ‘l quddiem”. Aħna wkoll għamilna dan bosta drabi. It-talb jgħinna għax jgħaqqadna ma’ Alla, jiftaħna għal-laqgħa miegħu. Iva, it-talb hu l-muftieħ li jiftħilna qlubna għall-Mulej. Hu djalogu ma’ Alla, smigħ tal-Kelma tiegħu, hu qima: tibqa’ fis-skiet u tafda f’idejh il-ġrajjiet kollha ta’ ħajtek. U kultant hi wkoll għajjat bħalma għamel Ġob, niżvugaw miegħu. Ngħajtu bħal Ġob. Hu Missier, jifhimna tajjeb. Hu qatt ma jinkorla għalina. U Ġesù jitlob.
It-talb – biex nużaw tixbiha sabiħa tal-Vanġelu tal-lum – “jiftaħ is-sema” (cfr v. 21). It-talb jiftaħ is-sema: jagħti l-ossiġnu lill-ħajja, jagħti n-nifs anki waqt il-qtigħ il-qalb u jurina s-sitwazzjonjiet f’dawl aktar wiesa’. Fuq kollox, jippermettilna ngħaddu mill-istess esperjenza ta’ Ġesù fil-Ġordan: inħossuna wlied maħbubin tal-Missier. Lilna wkoll, meta nitolbu, il-Missier jgħidilna, kif qal lil Ġesù fil-Vanġelu: “Int ibni l-maħbub” (cfr v. 22). Il-fatt li aħna wlied beda fil-jum tal-magħmudija, li waħħditna ma’ Kristu u għamlitna membri tal-poplu t’Alla, għamlitna wlied maħbubin tal-Missier. Ma ninsewhiex id-data tal-magħmudija tagħna! Kieku issa kelli nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: liema hi d-data tal-magħmudija tiegħek? Forsi xi wħud ma jiftakruhiex. Din hi ħaġa sabiħa: li niftakru d-data tal-magħmudija, għax hi t-twelid ġdid tagħna, il-waqt li fih sirna wlied Alla ma’ Ġesù. U meta terġgħu lura d-dar – jekk ma tafuhiex – staqsu lil ommkom, liz-zija, lin-nanniet: “Meta għammduni?”, u tgħallmu meta hi dik il-festa biex tiċċelebrawha, biex tiżżu ħajr lill-Mulej. U llum, f’dal-ħin, nistaqsu lilna nfusna: kif inhu t-talb tiegħi? Nitlob bi drawwa, nitlob kontra qalbi, billi nirrepeti xi frażi ritwali, jew it-talb tiegħi hu l-laqgħa tiegħi ma’ Alla? Jien, midneb, dejjem sehem mill-poplu t’Alla, qatt iżolat? Nikkultiva l-intimità ma’ Alla, niddjaloga miegħu, nismagħha Kelmtu? Fost il-ħafna affarijiet li nagħmlu matul il-ġurnata, qatt m’għandna nittraskuraw it-talb: nagħtu ħin għalih, nużaw invokazzjonijiet qosra u ntennuhom spiss, naqraw il-Vanġelu kuljum. It-talb jiftħilna s-sema.
U issa nduru lejn il-Madonna, Verġni tat-talb, li ħajjitha għamlitha għanja ta’ tifħir lil Alla.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Sirt naf b’niket kbir li kien hemm xi vittmi waqt il-protesti li faqqgħu fil-jiem li għaddew fil-Każakistan. Nitlob għalihom u għall-familjari tagħhom, u nittama li bla telf ta’ żmien terġa’ ssaltan l-armonija soċjali bit-tfittxija tad-djalogu, tal-ġustizzja u tal-ġid komuni. Nafda l-poplu tal-Każakistan taħt il-protezzjoni tal-Madonna, Reġina tal-Paċi ta’ Oziornoje.
U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini Taljani u minn pajjiżi oħra. Insellem partikolarment lill-grupp minn Frattamaggiore, qrib Napli.
Dalgħodu, kif inhi d-drawwa fil-Ħadd tal-Magħmudija tal-Mulej, għammidt xi tfal, ulied impjegati tal-Vatikan. Issa nixtieq inwassal talbi u l-barka tiegħi lit-trabi kollha li rċevew jew se jirċievu l-magħmudija f’dal-perjodu. Il-Mulej iberikhom u l-Madonna tipproteġihom.
U lilkom ilkoll, nirrakkomandalkom: tgħallmu d-data tal-magħmudija tagħkom. Meta għammduni? Dan qatt m’għandkom tinsewh, u tfakkru dak il-jum qisu jum ta’ festa.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Sors: laikos.org