Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta l-vokazzjoni tal-ewwel dixxipli (ara Mk 1:14-20). Waħda mill-affarijiet li jagħmel Ġesù fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu hi, li jsejjaħ oħrajn biex jingħaqdu miegħu fil-missjoni: jersaq lejn xi sajjieda żgħażagħ u jistedinhom imorru warajh biex isiru “sajjieda tal-bnedmin” (v.17). Dan hu messaġġ importanti għalina: il-Mulej iħobb jinvolvina fl-opra tiegħu tas-salvazzjoni, iridna attivi flimkien miegħu, iridna nkunu responsabbli u protagonisti. Nisrani li mhux attiv, li mhux responsabbli fl-opra tat-tħabbir tal-Mulej u mhux protagonista tal-fidi tiegħu, mhux Nisrani, jew, kif kienet tgħid nannti, hu Nisrani tal-isem.
Fih innifsu Alla m’għandux bżonna, imma jridna miegħu, minkejja li minħabba f’hekk ikollu jġorr fuqu il-bosta limitazzjonijiet tagħna: ilkoll għandna l-limitazzjonijiet tagħna, anzi lkoll midinbin, u Hu jitgħabba b’dawn id-dgħufijiet tagħna. Naraw, pereżempju kemm ħa paċenzja bid-dixxipli: spiss ma kinux jifhmu kliemu (ara Lq9:51-56), kultant lanqas kienu jaqblu bejniethom (ara Mk 10:41), għal ħafna żmien ma kienx irnexxielhom jilqgħu aspetti essenzjali tal-predikazzjoni tiegħu, pereżempju s-servizz (ara Lq 22:27). Madankollu Ġesù għażilhom u kompla juri fiduċja fihom. Dan importanti, il-Mulej għażilna biex inkunu Nsara. U aħna midinbin, nagħmlu waħda wara l-oħra, imma l-Mulej jibqa’ jemmen fina. Din ħaġa meraviljuża.
Fil-fatt, l-akbar element li jhenni lil Ġesù hu li jkompli jġibilna s-salvazzjoni, il-missjoni tiegħu, is-sens tal-eżistenza tiegħu (ara Ġw 6:38) jew, kif jgħid Hu, l-ikel tiegħu (ara Ġw 4:34). U f’kull kelma u azzjoni li bihom ningħaqdu miegħu, fl-avventura mill-isbaħ li nagħtu l-imħabba, id-dawl u l-ferħ jitkattru (ara Iż 9:2): mhux biss madwarna iżda wkoll fina. Għaldaqstant, it-tħabbir tal-Evanġelju mhux ħin mitluf: hu hena akbar għax inkunu qed ngħinu oħrajn biex iħossu l-ferħ huma wkoll; hu li ninħelsu minna nfusna aħna u ngħinu lill-oħrajn ikunu ħielsa; hu li aħna nsiru aħjar u ngħinu lil ħaddieħor jitjieb!
Allura nistaqsu lilna nfusna: jien xi kultant nieqaf ftit inġedded il-memorja li tkattret fija u madwari meta lqajt is-sejħa biex insir naf u nagħti xhieda ta’ Ġesù? U meta nitlob, niżżi ħajr lill-Mulej li sejjaħli biex nhenni lill-oħrajn? Fl-aħħar: nixtieq li bix-xhieda tiegħi ndewwaq il-ferħ tiegħi lil ħaddieħor, indewqu s-sbuħija tal-imħabba lejn Ġesù?
Il-Verġni Marija tgħinna nduqu l-ferħ tal-Evanġelju.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ix-xhur li ġejjin se jwassluna għall-ftuħ tal-Porta Santa li bih se nibdew il-Ġublew. Nitlobkom titolbu b’ħeġġa akbar biex nitħejjew ħalli dil-ġrajja ta’ grazzja ngħixuha sew u tulha nġarrbu l-qawwa tat-tama t’Alla. Għaldaqstant, illum qed nibdew Is-sena ta’ talb, jiġifieri sena dedikata biex mill-ġdid niskopru l-valur kbir u assolut tat-talb fil-ħajja personali tagħna, fil-ħajja tal-Knisja u tad-dinja. Ikollna wkoll l-għajnuna li d-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni se jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħna.
Matul dal-ġranet nitolbu speċjalment għall-għaqda fost l-Insara u ma nhedew qatt ninvokaw il-Mulej biex jagħti l-paċi lill-Ukrajna, lil Iżrael u lill-Palestina, u lil tant inħawi oħra tad-dinja: l-aktar li jbatu minn dan-nuqqqasijiet huma l-aktar dgħajfa. Qed niftakar fit-tfal, il-bosta tfal feruti u maqtulin, f’dawk li ma baqgħalhomx min jgħożżhom u li tilfu kull ħolma għall-ġejjieni. Ejjew inħossuna responsabbli li għandna nitolbu u li nibnu l-paċi għalihom!
Smajt b’għafsa ta’ qalb l-aħbar li f’Haiti nħataf grupp ta’ persuni fosthom sitt reliġjużi nisa: waqt li minn qiegħ qalbi nitlob li jinħelsu, nitlob biex fil-pajjiż ikun hemm armonija soċjali u nistieden lil kulħadd biex jieqaf mill-vjolenza li ġġib tant tbatija lil dik il-popolazzjoni għażiża.
Insellem lilkom ilkoll li ġejtu Ruma mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja: partikolarment lill-pellegrini mill-Polonja, mill-Albanija, mill-Kolombja, lill-istudenti tal-Istitut Pedro Mercedes di Cuenca (Spanja), lill-universitarji Amerikani li qed jistudjaw f’Firenze, lill-grupp Quinceañeras de Panamà, lis-saċerdoti u l-migranti mill-Ekwador, u lil dawn niżgurahom li qed nitlob għall-paċi f’pajjiżhom. Insellem lill-fidili minn Massafra u minn Perugia; lill-Unjoni Taljana tal-Għalliema Kattoliċi, lid-diriġenti u lil dawk li jagħtu l-formazzjoni; u lill-grupp tal-Iscouts Agesci minn Palmi.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org