Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 10, 35-45) jirrakkonta li żewġ dixxipli, Ġakbu u Ġwanni, jitolbu li Ġesù biex ġurnata waħda jkunu bilqiegħda maġenbu fil-glorja, qieshom xi “prim ministri”, jew xi ħaġa hekk. Iżda d-dixxipli l-oħra jisimgħuhom u jieħdu għalihom. F’dal-punt, bil-paċenzja, Ġesù joffrilhom tagħlima kbira: il-veru glorja ma tinkisibx billi nogħlew fuq l-oħrajn imma billi ngħixu l-istess magħmudija li kellu jirċievi Hu, ftit taż-żmien wara, f’Ġerusalemm, jiġifieri s-salib. Xi jfisser dan? Il-kelma ‘magħmudija” tfisser “immersjoni”: bil-Pasjoni tiegħu Ġesù niżel fl-imwiet billi offra ħajtu biex isalvana. Il-glorja tiegħu, il-glorja t’Alla għalhekk, hi mħabba li ssir qadi, mhux setgħa mxennqa biex tiddomina. Mhux setgħa bix-xenqa li tiddomina, le! Hija mħabba li ssir qadi. Għalhekk Ġesù jtemm jgħid lil tiegħu, u lilna wkoll: “Min irid ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mk 10, 43). Biex tikbru għandkom timxu t-triq tal-qadi, isservu lill-oħrajn.
Għandna quddiemna żewġ loġiki differenti. Id-dixxipli jridu jogħlew u Ġesù jrid jitbaxxa, jogħdos. Nieqfu ftit dwar dawniż-żewġ verbi. L-ewwel wieħed hu l-istatus, il-pożizzjoni. Dan jesprimi l-mentalità tad-dinja li aħna dejjem ittantati biha: li ngħixu l-milja ta’ kollox, saħansitra fir-relazzjonijiet, biex nissodisfaw l-ambizzjonijiet tagħna, biex nitilgħu t-taraġ tas-suċċess, biex nilħqu f’postijiet importanti. It-tfittxija għall-prestiġju personali tista’ ssir marda tal-ispirtu, saħansitra moħbija wara l-maskra tal-intenzjonijiet tajba; per eżempju, meta l-ġid li nagħmlu u nipprietkaw, warajh ikun hemm l-ego tagħna, li naffermaw ruħna, jiġifieri biex intejbu s-sitwazzjoni tagħna nfusna, nixxabtu…. U dan narawh ukoll fil-Knisja. Kemm drabi, aħna l-insara, li suppost inkunu qaddejja, nippruvaw nixxabbtu, nogħlew ‘il fuq. Għalhekk, dejjem hemm bżonn niċċekkjaw il-veru intenzjonijiet ta’ qlubna, nistaqsu: “Għaliex qed nagħmel dax-xogħol, qed nerfa’ dir-responsabbiltà? Biex inkun ta’ servizz jew biex jarawni, ifaħħruni, jagħmluli l-kumplimenti? Għal dil-loġika tad-dinja Ġesù jwieġeb b’dik tiegħu: minflok nilitlgħu fuq ras l-oħrajn, ninżlu minn fuq il-pedistall biex naqduhom; minflok biex nidhru aktar minn ħaddieħor, nidlu fil-ħajja tal-oħrajn. Kont qed nara programm “A Sua Immagine” (Fuq xbieha tiegħu) u fih rajt il-servizz li jagħtu l-Caritas sabiex ħadd ma jibqa’ nieqes mill-ikel: ninkwetaw minħabba l-ġuħ tal-oħrajn, ninkwetaw minħabba l-ħtiġijiet tal-oħrajn. Illum huma bosta w bosta dawk li jinsabu fil-bżonn, aktar u aktar wara l-pandemija. Inħarsu u nitbaxxew biex naqdu mhux nippruvaw nixxabbtu għall-glorja tagħna.
Hawn hu, għalhekk, it-tieni verb: “ngħoddsu” Ġesù jitlob dan minna. U kif nistgħu nagħmlu dan? Bil-ħniena, fil-ħajja ta’ min niltaqgħu miegħu. Hemmhekk (fil-programm dwar il-Caritas) konna qed naraw il-ġuħ: u aħna niftakru bil-ħniena f’kemm nies jinsabu bil-ġuħ? Meta jkollna l-ikel quddiemna, li hu grazzja t’Alla, u li aħna nistgħu nikluh, hemm ħafna nies li jaħdmu u ma jirnexxilhomx ikollhom biżżejjed ikel għal tul ix-xahar kollu. Niftakruh dan? Nitbaxxew bil-ħniena, ikollna ħniena. Din mhux xi nota li nsibu fl-enċikolpedija: hawn tant bil-ġuħ… Le!, huma bnedmin. U jien tiġini ħniena minn dawn il-persuni? Ħniena mill-ħajja ta’ min niltaqgħu miegħu, kif għamel Ġesù miegħi, magħna lkoll, resaq lejna bil-ħniena.
Inħarsu lejn il-Mulej imsallab, imwaħħad sħiħ mal-istoja miġrugħa tagħna, u nindunaw kif jaħdem Alla. Naraw li Hu ma baqax hemm fuq, fis-sema, iħares lejna minn fuq għal isfel, imma tbaxxa biex jaħslilna riġlejna. Alla hu mħabba u l-imħabba hija umli, ma titkabbarx, imma tinżel ‘l isfel bħax-xita li tinżel fl-art u ġġib il-ħajja. Imma kif nagħmlu biex nimxu fl-istess triq ta’ Ġesù, biex minflok nitkabbru, nitbaxxew, biex mill-mentalità tal-prestiġju, dik tad-dinja, ngħaddu għall mentalità li naqdu, għall-mentalità nisranija? Jitlob minna impenn, imma mhux biżżejjed. Waħedna diffiċli, biex ma ngħidux impossibbli, imma fina hemm qawwa li tgħinna. Hi dik tal-Magħmudija, dak l-inżul f’Ġesù li lkoll irċevejna bi grazzja li ttina direzzjoni, tixprunana biex nimxu warajh, biex ma nfittxux l-interessi tagħna u, minflok, naqdu. Hija grazzja, hija nar li l-Ispirtu xegħel fina u li rridu nibqgħu nżommu ħaj. Nitolbu llum lill-Ispirtu s-Santu biex iġedded fina l-grazzja tal-Magħmudija, l-inżul f’Ġesù, fil-mod kien kien jgħix, biex inkunu aktar qaddejja, biex inkunu qaddejja bħalma Hu kien magħna.
U nitolbu lill-Madonna: hi, li minkejja li kienet kbira, qatt ma ppruvat togħla, imma kienet il-qaddejja umli tal-Mulej, u hi mwaħħda sħiħ magħna biex taqdina, biex tgħinna niltaqgħu ma’ Ġesù.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Illum, il-Fundazzjoni “Għajnuna lill-Knisja li qed Tbati” għandha appuntament fil-parroċċi, fl-iskejjel u fil-familji bl-inizjattiva “Għall-għaqda u għall-paċi, miljun tfal jirreċitaw ir-Rużarju”. Nagħmel kuraġġ lil dil-kampanja ta’ talb, li din is-sena, b’mod partikolari, qed titqiegħed taħt l-interċessjoni ta’ San Ġużepp. Ngħid grazzi lit-tfal kollha subjien u bniet li qed jieħdu sehem! Grazzi ħafna.
Ilbieraħ f’Cordoba, fi Spanja, saret il-beatifikazzjoni tas-saċerdot Juan Elias Medina u 126 sħabu martri: saċerdoti, reliġjużi nisa, seminaristi u lajċi, li nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża vjolenti tas-snin tletin, fi Spanja. Jalla l-fedeltà tagħhom tagħti l-qawwa lilna lkoll, speċjalment lill-insara persegwitati f’diversi nħawi tad-dinja, biex inkunu xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju. Applaws lill-Beati l-ġodda!
Matul il-ġimgħa li għaddiet seħħew diversi attentati, per eżempju fin-Norveġja, fl-Afghanistan, fl-Ingilterra, li ħallew għadd ta’ mejtin u feruti. Nesprimi l-qrubija tiegħi lill-familjari tal-vittmi. Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tabbandunaw it-toroq tal-vjolenza li hi dejjem telliefa, li hi telf għal kulħadd. Niftakru li l-vjolenza toħloq aktar vjolenza.
Insellem likom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi. Insellem partikolarment lis-Sorijiet “Medee” li qed jiċċelebraw il-Kaptilu Ġenerali, lill-Konfederazzjoni tal-Poveri Cavalieri di San Bernardo di Chiaravalle, lill-imprendituri afrikani miġburin għal-laqgħa internazzjonali, lill-fidili minn Este, Cavallino u Ca’ Vio (Venezja), u lill-adoloxxenti tal-Ġriżma minn Galzignano.
Insllem u nbierek lill-”Pellegrinaġġ ekumeniku għal-ġustizzja ekoloġika”, magħmul minn insara ta’ konfessjonijiet differenti, li telqu mill-Polonja u sejrin l-Iskozja fl-okkazjoni tas-summit dwar il-klima COP26.
U likom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos