Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-Liturġija tal-lum l-Evanġelju jirrakkonta dwar skriba li jersaq qrib Ġesù u jistaqsih: “Liema hu l-akbar kmandament?” (Mk 12:28). Ġesù jwieġeb bi kwotazzjoni mill-Iskrittura u jafferma li l-akbar kmandament hu li tħobb lil Alla; minn dan imbagħad, bħala konsegwenza naturali, jitnissel it-tieni: ħobb li għajrek bħalek innifsek (cfr vv. 29-31). Meta jisma’ din it-tweġiba l-iskriba mhux biss jagħraf li hi f’lokha imma fl-istess waqt, hu u jagħraf kemm hi minnha, itenni kważi l-istess kliem ta’ Ġesù: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha” (vv. 32-33).

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Għaliex hu u japprova, dak l-iskriba jħoss il-ħtieġa li jtenni mill-ġdid l-istess kliem ta Ġesù? Din ir-ripetizzjoni tidher ferm aktar sorprendenti jekk niftakru li qed naqraw l-Evanġelju ta’ San Mark, li għandu stil konċiż ħafna.  X’sens għandha għalhekk din it-tennija? Din hi tagħlima lilna lkoll li qed nisimgħu. Għax il-Kelma tal-Mulej ma nistgħux nilqugħha qisha xi aħbar li nisimgħu kuljum. Il-Kelma tal-Mulej jeħtieġ intennuha, nagħmluha tagħna, inħarsuha. It-tradizzjoni monastika, tal-monaċi, tuża terminu qawwi imma konkret ħafna. Tgħid hekk: il-Kelma t’Alla għandha tkun “mixtarra”. “Nixtarru” l-Kelma t’Alla. Nistgħu ngħidu li hi tant nutrijenti li għandha tidħol f’kull sitwazzjoni tal-ħajja: tiġbed lejha, kif jgħid Ġesù llum, il-qalb kollha, ir-ruħ kollha, il-moħħ kollu, il-qawwa kollha (cfr v.30). Il-Kelma t’Alla għandha tidwi, issib eku ġewwa fina. Meta jkun hemm dan l-eku interjuri li jibqa’ jidwi jkun ifisser li l-Mulej jgħammar fil-qalb. U jgħidilna, bħalma qal lil dak l-iskriba bravu tal-Evanġelju: “M’intix ‘il bogħod mis-saltna t’Alla” (v. 34).

Għeżie ħuti, il-Mulej ma joqgħodx ifittex lil min jinterpreta l-Iskrittura bil-ħila, ifittex il-qlub doċli, li jilqgħu Kelmtu, iħalluha tibdilhom minn ġewwa. Għalhekk hu importanti li nkunu familjari mal-Evanġelju, li jkun dejjem fil-qabda – anki ktejjeb tal-Evanġelju ċkejken fil-but, fil-basket, biex jinqara u jerġa’ jinqara, biex nimtlew bil-ħeġġa għalih. Meta nagħmlu hekk, Ġesù, il-Verb t’Alla, jidħol fi qlubna, isir intimu magħna u nagħmlu l-frott fih. Nieħdu eżempju mill-Evanġelju tal-lum: mhux biżżejjed naqrawh u nifhmu li hemm bżonn inħobbu ‘l Alla u l-proxxmu. Jeħtieġ li dan il-kmandament li hu “l-kmandament il-kbir”, jidwi fina, nassimilawh, jagħti leħen lill-kuxjenza tagħna. B’hekk ma jibqax fieragħ, fil-kexxun tal-qalb, għax l-Ispirtu s-Santu jwarrad fina ż-żerriegħa ta’ dik il-Kelma. U l-Kelma t’Alla taħdem, dejjem għaddejja, hi ħajja u effikaċi (cfr Lhud 4:12). Hekk, kull wieħed u waħda minna jista’ jsir “traduzzjoni” ħajja, differenti u oriġinali tal-Kelma waħdanija ta’ mħabba li jirregalalna Alla. Dan narawh fil-ħajja tal-qaddisin pereżempju: ebda wieħed, waħda mhuma bħal xulxin, ilkoll differenti, imma lkoll bl-istess Kelma ta’ Alla.

Għalhekk illum, nieħdu eżempju minn dan l-iskriba. Intennu kliem Ġesù, inħalluhom jidwu fina: “Inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa kollha u lil proxxmu bħalna nfusna”. U nistaqsu lilna nfusna: dan il-kmandament imexxi verament ‘il ħajti? Dal-kmandament isib konferma f’jiemi?

Nagħmlu tajjeb jekk illejla, qabel norqdu, nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq dil-Kelma, naraw jekk illum ħabbejniex il-Mulej u tajniex ftit wens lil min iltqajna miegħu. Jalla kull laqgħa tkun għotja ta’ ftit ġid, ftit imħabba li tiġi minn dil-Kelma. Il-Verġni Marija, li fiha l-Kelma saret laħam, tgħallimna nilqgħu l-kliem ħaj tal-Evanġelju fi qlubna.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

F’diversi nħawi tal-Vjetnam ix-xita qawwija u fit-tul ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ġabet għarar kbir u eluf ta’ evakwati. Talbi u ħsiebi jmorru lejn il-familji li qed ibatu, flimkien mal-inkoraġġiment tiegħi lil kull min, awtoritajiet tal-pajjiż u tal-Knisja lokali, hu impenjat biex iwieġeb għal din l-emerġenza. U jien qrib ukoll tal-popolazzjonijiet ta’ Sqallija li ntlaqtu mill-maltemp.

Qed niftakar ukoll fil-popolazzjoni ta’ Haiti li qed tgħix f’kundizzjonijiet estremi. Nitlob lil min hu responsabbli fost in-nazzjonijiet biex jgħin lil dal-pajjiż u jħalluhx waħdu. U intom u meta taslu lura lejn djarkom, fittxu l-aħbarijiet dwar Haiti u itolbu, itolbu ħafna. Fil-programm A Sua Immagine kont qed nara x-xhieda ta’ dak il-missjunarju Kamilljan f’Haiti, Patri Massimiliano Miraglio, dak li kien qed jgħid… kemm tbatija, kemm uġigħ hemm f’dik l-art, u kemm telqa. Ma nħalluhomx waħedhom!

Ilbieraħ f’Tortosa fi Spanja saret il-beatifikazzjoni ta’ Fracesco Sojo López, Millán Garde Serrano, Manuel Galcerá Videllet u Aquilino Pastor Cambero, presbiteri tal-Fraternità tas-Saċerdoti Ħaddiema Djoċesani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ilkoll maqtula minħabba l-mibegħda lejn il-fidi.  Ragħajja mimlijin żelu u ġenerużi fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża tat-tletinijiet, huma baqgħu fidili lejn il-minsteru anki b’periklu għal ħajjithom. Jalla x-xhieda tagħhom tkun mudell speċjalment għas-saċerdoti. Applaws lill-Beati l-ġodda!

Illum, fi Glasgow fl-Iskozja, jibda s-summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-bdil fil-klima, COP26.  Nitolbu sabiex il-karba tal-art u l-għajta tal-foqra jinstemgħu; jalla dil-laqgħa tagħti tweġibiet effikaċi u toffri tama konkreta lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. F’dal-qafas illum fi Pjazza San Pietru qed tkun inawgurata wirja ta’ ritratti bit-tema Laudato si’, xogħol ta’ fotografu żgħażugħ mill-Bangladesh. Morru arawha!

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti, partikolarment lil dawk ġejjin minn Costa Rica. Insellem lill-gruppi minn Reggio Emilia u minn Cosenza; lill-adoloxxenti tal-Professjoni tal-Fidi minn Bareggio, Canegrate u San Giorgio su Legnano; kif ukoll lill-Assoċjazzjoni Serra International Italia, u rroddilhom ħajr għall-impenn favur il-vokazzjonijiet saċerdotali u liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos.org