Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jagħti lid-dixxipli xi struzzjonijiet fundamentali għall-ħajja. Il-Mulej qed jirreferi għas-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, dawk li għalina jkunu test, eżami, dawk li jqegħduna wiċċ imb wiċċ ma’ min hu għadu tagħna u ostili, quddiem min dejjem ifittex li jagħmlilna l-ħsara. F’każi bħal dawn id-dixxiplu ta’ Ġesù għandu sejħa biex ma jħallix l-istint tal-mibegħda jirkbu, imma jmur ‘l hinn, ferm aktar ‘l hinn. Imur ‘l hinn mill-istint, imur ‘l hinn mill-mibegħda. Ġesù jgħid: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, għamlu l-ġid lil min jobgħodkom” (Lq 6:27). U jkun aktar konkret: “Lil min itik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek biex itik fuq l-oħra” (v. 29). Meta nisimgħu dan, jidhrilna li l-Mulej qed jitlob l-impossibbli minna. Imbagħad għax għandi nħobb lill-għedewwa? Jekk lill-prepotenti ma tiqfilhomx, kull inġustizzja ssib it-triq imwittija, u dan mhux ġust. Imma hu propju hekk?  Veru li l-Mulej jitlob affarijiet impossibbli, anzi inġusti? Veru?

Ħa neżaminaw ftit, qabel kollox, dak is-sens ta’ inġustizzja li nħossu meta ndawru wiċċna n-naħa l-oħra. Waqt il-passjoni, waqt dak il-proċess inġust quddiem il-qassis il-kbir, f’ħin  minnhom Ġesù jaqla’ daqqa ta’ ħarta mingħand wieħed mis-suldati. U Hu kif iġib ruħu? Ma jinsultahx, le, lis-suldat jgħidlu” “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” (Ġw 18:23). Jitlob kont tal-offiża li saritlu. Li ddawwar wiċċek in-naħa l-oħra ma jfissirx li ċċedi għall-inġustizzja. Bil-mistoqsija tiegħu Ġesù jiddenunzja dak li hu inġust. Imma dan jagħmlu mingħajr rabja, mingħajr vjolenza, anzi, bil-ġentilezza. Ma jridx jaqbad diskussjoni, imma jrid jitfi l-mibegħda, dan hu importanti ħafna: it-tifi tal-mibegħda u l-inġustizzja fl-istess ħin, bit-tama li lil ħija ħati nreġġgħu lura. Mhux ħafifa din, imma Ġesù għamilha, u jgħidilna biex nagħmlu hekk aħna wkoll. Dan ifisser iddawwar wiċċek in-naħa l-oħra: il-manswetudni ta’ Ġesù hi tweġiba aktar qawwija mid-daqqa li rċieva. Li ddawwar wiċċek ma jfissrix li inti tellief, imma hi l-azzjoni ta’ min hu mogħni b’forza interjuri akbar. Li ddawwar wiċċek ifisser li tegħleb il-ħażin bit-tajjeb, ħaġa li tiftaħ selħa fil-qalb tal-għadu, u ċċarrat il-maskra tal-mibegħda tiegħu. U dan l-atteġġjament, li ddawwar wiċċek, mhux frott tal-kalkolu jew tal-mibegħda, imma tal-imħabba. Għeżież ħuti, hi l-imħabba gratwita u li ma tistħoqqilniex li nirċievu mingħand Ġesù, li tiġġenera fi qlubna atteġġjament jixbah lil tiegħu, li jirrifjuta kull vendetta. Aħna mdorrijin inpattu: “Għamiltli dan, jien nagħmillek ħaġ’oħra”, jew li  nżommu fi qlubna din l-istmerrija, mibegħda li tagħmlilna d-deni, li teqred il-persuna.

Niġu għall-oġġezzjoni l-oħra: possibbli li persuna tasal tħobb lill-għedewwa tagħha? Kieku jiddependi minna biss, ikun impossibbli. Imma niftakru li meta l-Mulej jitlob xi ħaġa jagħmel dan għax irid itiha. Il-Mulej qatt ma jitlob xejn mingħandna jekk Hu ma jkunx tahielna minn qabel. Meta jgħidli biex inħobb lill-għedewwa, irid itini wkoll il-ħila li nasal għal dan.  Mingħajr dil-ħila aħna ma naslux, imma Hu jgħidlek “ħobb lill-għadu” u jtik il-ħila li tħobb.  Santu Wistin kien jitlob hekk – isimgħu kemm hi sabiħa dit-talba: “Mulej, tini dak li qed titlob minni u itlobni kulma trid” (Confessioni, X, 29.40), għax tkun tajthieli minn qabel.  X’nitolbuh? X’inhu dak li Alla hu kuntent li jtina? Il-qawwa biex iħobbu, li mhix oġġett imma hi l-Ispirtu s-Santu. Il-qawwa tal-imħabba hu l-Ispirtu s-Santu, u bl-Ispirtu ta’ Ġesù nkunu nistgħu nwieġbu għall-ħażin bit-tajjeb, inkunu nistgħu nħobbu lil min jagħmilna l-ħsara.  Hekk jagħmlu l-Insara. Kemm hu ta’ niket meta persuni u popli kburin li huma nsara jħarsu lejn l-oħrajn bħala għedewwa u jgħaddilhom minn moħħhom li jibdew xi gwerra bejniethom!  Hu ta’ swied il-qalb kbir.

U aħna nippruvaw ngħixu l-istediniet ta’ Ġesù? Niftakru f’xi persuna li għamlitilna l-ħsara. Kulħadd jaħseb f’xi persuna. Hi ħaġa komuni li ġarrabna l-ħsara minn xi ħadd, naħsbu f’dik il-persuna. Forsi hemm xi ftit mibegħda fina. Allura din il-mibegħda nqiegħdu ħdejha l-immaġni ta’ Ġesù, manswet, waqt il-proċess, wara d-daqqa ta’ ħarta. U mbagħad nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jissawwab fi qlubna. Fl-aħħar nitolbu għal dik il-persuna, nitolbu għal min għamlilna l-ħsara (ara Lq 6:28). Meta xi ħadd jagħmilna l-ħsara mill-ewwel immorru nirrakkuntaw kollox lil ħaddieħor u nħossuna vittmi. Nieqfu, u nitolbu lill-Mulej għal dik il-persuna, biex jagħtiha l-għajnuna, u b’hekk jittaffa fina dan is-sentiment ta’ mibegħda. Li nitolbu għal min ittrattana ħażin hi l-ewwel ħaġa meħtieġa biex il-ħażin nibdluh f’tajjeb. It-talb. Il-Verġni Marija tgħinna nkunu operaturi tal-paċi ma’ kulħadd, speċjalment ma’ min hu ostili għalina u ma jogħġobniex.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet li ntlaqtu minn traġedji naturali dawn l-aħħar ġranet. Qed niftakar b’mod partikolari fix-xlokk tal-Madagaskar, ifflaġellat minn serje ta’ ċikluni, u fiż-żona ta’ Petropolis fil-Brażil li nqerdet minħabba għarar u tiġrif ieħor. Il-Mulej jilqa’ lill-mejtin fil-paċi tiegħu, ifarraġ lill-familjari u jwieżen lil kull min qed jagħti l-għajnuna.

Illum hi l-ġurnata nazzjonali tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u rridu nfakkru lil tant tobba, infermieri, volontarji li jkunu qrib il-morda, ifejquhom, iwennsuuhom, jgħinuhom. “Ħadd ma jsalva waħdu”, kien it-titlu tal-programm ‘A Sua Immagine’. Ħadd ma jsalva waħdu. U fil-mard ikollna bżonn li xi ħadd biex isalvana, biex jgħinna. Dalgħodu, tabib kien qed jgħidli li fi żmien il-Covid kien hemm persuna qed tmut u qaltlu: “Tista’ żżommli jdejja għax qed immut u għandi bżonn idek?” Il-ħaddiema tas-saħħa erojċi wrew l-eroiżmu tagħhom fi żmiem il-Covid, imma l-eroiżmu jibqa’ kuljum. Lit-tobba, lill-infermieri, lill-volontarji, intuhom applaws u ngħidulhom grazzi kbira!

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Madrid, Segovia, Burgos u Valladolid, fi Spagna – tant Spanjoli! – kif ukoll lil dawk ġejjin mill-parroċċa Santa Francesca Cabrini f’Ruma u lill-istudenti tal-Istitut tal-Qlub Imqaddsa minn Barletta.

Insellem u nagħmel kuraġġ lill-grupp “Proġett Arka” li dawn l-aħħar ġranet inawguraw l-attivitajiet soċjali tagħhom hawn f’Ruma, biex jgħinu lill-persuni li m’għandhomx dar fissa.  U nsellem lill-adolexxenti tal-Immakulata, kemm huma bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org