Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Il-Liturġija tal-lum ittina l-laqgħa li kellu Ġesù ma raġel li kellu ħafna ġid (Mk 10:22) u li fl-istorja nsibuh bħala “ż-żgħażugħ għani” (cfr Mt 19:20-22). Ma nafux ismu. L-Evanġelju ta’ San Mark, fil-verità, jgħid li hu “wieħed raġel” bla ma jgħid la kemm għandu żmien u lanqas ismu, biex fih aħna naraw lilna nfusna fih, bħal f’mera. Infatti, il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, ttina ċ-ċans li nagħmlu eżami tal-fidi. Jien u naqra dan it-test nagħmel eżami tal-fidi tiegħi.

Dan ir-raġel jibda b’mistoqsija: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 17).  Nosservaw il-verbi li juża: x’għandi nagħmel – biex nikseb. Din hi r-reliġjożità tiegħu: dmir, nagħmel xi ħaġa biex nikseb xi ħaġa; “nagħmel xi ħaġa biex nikseb dak li għandi bżonn”.  Imma din hi relazzjoni ta’ negozju ma’ Alla, tini ħa ntik. Iżda l-fidi mhix rit kiesaħ u mekkaniku “xi ħaġa li għandi nagħmel biex nikseb”. Hi kwistjoni ta’ libertà u mħabba. Il-fidi hi kwistjoni ta’ libertà, hi kwistjoni ta’ mħabba. Dan hu l-ewwel eżami: x’inhi l-fidi għalija?  Jekk primarjament hi dmir jew tisrif tal-flus, ninsabu barra mit-triq, għax is-salvazzjoni hi don mhux dmir, hi gratwita u ma nistgħux nixtruha. L-ewwel ma għandna nagħmlu hu li ninħelsu minn dil-fidi kummerċjali u mekkanika, li tnissel fina xbieha falza ta’ Alla li jikkontrolla kollox u jżomm kont ta’ kollox, mhux ta’ missier. U bosta drabi fil-ħajja nistgħu nkunu qed ngħixu din ir-relazzjoni ta’ fidi ‘kummerċjali’: jien nagħmel dan biex Alla jtini dak.

Ġesù – fit-tieni parti – jgħin lil dak ir-raġel billi joffrilu l-wiċċ veru ta’ Alla. Infatti – tgħid is-silta – “Ġesù tefa’ fuqu ħarsa” u “ħabbu” (v. 21): dan hu Alla! Hu hawn li titwieled u terġa’ titwieled il-fidi: mhux minn xi dmir, mhux minn xi ħaġa li għandha ssir jew li għandha titħallas, imma minn ħarsa ta’ mħabba li għandha tkun milqugħa. B’hekk il-ħajja nisranija ssir sabiħa, ma tinbeniex fuq il-ħiliet tagħna jew fuq il-proġetti tagħna, imma tissejjes fuq il-ħarsa ta’ Alla. Il-fidi tiegħek, il-fidi tiegħi għajjiena? Trid terġa’ ttiha l-ħajja? Fittex il-ħarsa t’Alla: għamel l-adorazzjoni, ħalli l-qrara ttik il-maħfra, oqgħod quddiem il-Kurċifiss. Insomma, ħalli lilu jħobbok. Dan hu l-bidu tal-fidi: li nħallu lilu jħobbna, hu li hu Missier.

Wara l-mistoqsija u l-ħarsa hemm – it-tielet u l-aħħar parti – stedina ta’ Ġesù li jgħid: “Ħaġa waħda jonqsok”. X’kien jonqsu dak ir-raġel għani? Id-don, il-gratwità: “Mur, bigħ li għandek u agħtih lill-fqar” (v. 21).  Forsi dan hu dak li hemm nieqes fina. Spiss nagħmlu l-inqas li nistgħu filwaqt li Ġesù jistedinna biex nagħtu dak kollu li hu possibbli, il-massimu. Kemm drabi nikkuntentaw bid-dmirijiet – il-preċetti, xi talba u ħafna affarijiet bħal dawn – filwaqt li Alla, li jtina l-ħajja, jitlob minna qabża fil-ħajja! Fl-Evanġelju tal-lum naraw ferm tajjeb il-qabża mid-dmir lejn id-don; Ġesù jibda billi jfakkar il-Kmandamenti: “Toqtolx, tagħmilx adulterju, tisraqx….” u l-bqija (v. 19) u jasal għall-proposta pożittiva: “Mur, bigħ, agħti, imxi warajja!” (cfr v. 21). Il-fidi ma tistax trieġi fuq il-‘le’, għax il-fidi nisranija hi ‘iva’, iva ta’ mħabba.

Għeżież ħuti, fidi mingħajr don, fidi nieqsa mil-gratwità mhix fidi sħiħa, hi fidi dgħajfa, fidi marida. Nistgħu nqabbluha ma ikel rikk u nutrijenti imma bla togħma, jew ma’ xi partita milgħuba tajjeb imma li tibqa’ xejn b’xejn: le, mhux hekk, jonqos “il-melħ”. Fidi nieqsa mid-don, mill-gratwità, nieqsa mill-opri ta’ karità, fl-aħħar mill-aħħar timliek bi swied il-qalb: bħal dak ir-raġel li minkejja li Ġesù nnifsu ħares lejh bl-imħabba, reġa’ lura lejn daru “b’qalbu sewda” (v. 22). Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “F’liema stat tinsab il-fidi tiegħi? Jien ngħixha qisha xi ħaġa mekkanika, qisha xi relazzjoni ta’ dmir jew għall-interess ma’ Alla?  Inħallu lil Ġesù jħares lejna u jħobbna; inħallu lil Ġesù jarana, iħobbna. “U miġbud lejh, jien inwieġeb bil-ġenerożità, b’qalbi kollha?”

Il-Verġni Marija, li lil Alla qaltlu iva sħiħa, iva mingħajr immijiet – mhix ħafifa tgħid iva mingħajr immijiet: il-Verġni Marija hekk għamlet, qalet iva bla ‘imma’ – ddewwaqna s-sbuħija li ħajjitna nagħmluha don.


Wara l-Angelus

Għeħieħ ħuti,

Illum ukoll b’ferħ nagħti l-aħbar ta’ beatifikazzjonijiet ġodda. Ilbieraħ f’Napli ġiet beatifikata Maria Lorenza Longo, miżżewġa u omm ta’ familja, li għexet fis-seklu XVI. Romlot u waqqfet f’Napli sptar għall-morda li ma jistgħux jitfejqu u n-nisa Klarissi Kapuċċini. Kienet mara ta’ fidi kbira u ta’ ħajja sfiqa ta’ talb, għamlet kulma setgħet biex taħji lill-foqra u lill-batuti.

Illum ukoll, fi Tropea fir-reġjun tal-Kalabrija, kien beatifikat Don Francesco Mottola, fundatur tal-Oblati nisa u rġiel tal-Qalb Imqaddsa, li miet fl-1969. Kien ragħaj żelanti u ħabbbar bla heda tal-Evanġelju. Kien xhud eżemplari ta’ saċerdozju mgħix bil-karità u l-kontemplazzjoni.  Applaws lil-beati l-ġodda.

Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, nixtieq infakkar lil ħutna li jbatu minn mard mentali u wkoll lill-vittmi, li spiss ikunu żgħażagħ, tas-suwiċidju. Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom, sabiex ma jitħallewx waħedhom u lanqas issir diskriminazzjoni magħhom, imma jkunu milqugħin u megħjuna.

Insellem lilkom ilkoll pellegrini minn pajjiżi differenti: familji, gruppi, assoċjazzjonijiet u fidili singoli. Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Bussolengo u lil dawk minn Novoli; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma mill-parroċċa tar-Riżurrezzjoni f’Ruma u lill-Cooperativa del Sole minn Corbetta. Qed nara li hemm ukoll dawk minn Montella u nsellmilhom…  Bix-xbieha ta’ Swor Bernardetta. Nitolbu biex ma ddumx ma tkun kanonizzata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org