Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-qofol tal-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum huma l-Beatitudnijiet (ara Lq 6:20-23). Interessanti ninnutaw li minkejja li kien imdawwar minn folla kbira, idur lejn “id-dixxipli tiegħu” biex iħabbarhom (v. 20). Ikellem lid-dixxipli. Infatti l-Beatitudnijiet ifasslu l-identità tad-dixxiplu ta’ Ġesù. Dawn jistgħu jidhru strambi, kważi tqal biex jifhimhom min mhux dixxiplu; filwaqt li jekk nistaqsu kif għandu jkun id-dixxiplu ta’ Ġesù, it-tweġiba hi propju l-Beatitudnijiet. Naraw l-ewwel waħda, li hi s-sies tal-oħrajn kollha: “Henjin intom il-foqra għax tagħkom hi s-saltna ta’ Alla” (v. 20). Henjin intom il-foqra. Ġesù jgħid żewġ affarijiet dwar dawk li huma tiegħu: li huma henjin u li huma foqra; anzi, huma henjin għax foqra.

F’liema sens? Fis-sens li d-dixxiplu ta’ Ġesù ma jsibx l-hena tiegħu fil-flus, fis-setgħa jew f’xi ġid materjali ieħor, imma fid-doni li ta’ kuljum jirċievi mingħand Alla: il-ħajja, il-maħluq, l-aħwa, eċċ. Huma rigali tal-ħajja. Anki l-ġid li bniedem għandu, ikun kuntent li jaqsmu mal-oħrajn għax ikun jgħix fil-loġika ta’ Alla. U liema hi l-loġika ta’ Alla? Il-gratwità. Id-dixxiplu tgħallem jgħix bil-gratwità. Dan il-faqar hu wkoll atteġġjament lejn is-sens tal-ħajja, għax id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jidhirlux li hu xi ħaġa, li diġà jaf kollox, imma hu konxju li kuljum għandu xi ħaġa x’jitgħallem. U dan hu faqar: l-għarfien li ta’ kuljum hemm xi ħaġa x’titgħallem. Billi għandu dan l-atteġġjament, id-dixxiplu ta’ Ġesù hu persuna umli, miftuħa, imbiegħed mill-preġudizzji u mill-ebusija.

Id-dixxiplu hu dak li jħalli lil Ġesù jmexxih, li jiftaħ qalbu għal Ġesù, jisimgħu u jimxi fit-triq tiegħu.

Kien hemm eżempju sabiħ fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda: Xmun Pietru, sajjied espert, jilqa’ l-istedina ta’ Ġesù u jkala x-xbiek f’ħin mhux soltu; imbagħad, mimli stagħġib minħabba l-qabda mirakoluża, jitlaq id-dagħjsa u l-ġid kollu li kellu biex jimxi wara l-Mulej. Pietru juri li hu doċli, jitlaq kollox u b’hekk isir dixxiplu  Iżda, min hu marbut iżżejjed mal-ideat tiegħu, maċ-ċertezzi tiegħu, diffiċli li jimxi wara Ġesù verament. Jimxi xi ftit warajh, f’dak biss fejn “Jien inkun naqbel miegħu u Hu jkun jaqbel miegħi”, imma mill-bqija, xejn iżjed. U dan mhux dixxiplu. B’hekk, dak li jkun jispiċċa bil-geddum. Isir buruż għax il-kontijiet ma jkunux favurih, għax ir-realtà tkun imbiegħda minn dak li għandu mfassal f’moħħu u jispiċċa biex ma jkun sodisfatt qatt. Iżda d-dixxiplu jaf jagħrbel lilu nnifsu, ta’ kuljum, jaf kif ifittex lil Alla bl-umiltà, u dan jgħinu jidħol aktar fil-fond tar-realtà u minnha jislet l-għana u l-kumplessità tagħha.

Fi kliem ieħor, id-dixxiplu jaċċetta l-paradoss tal-Beatitudnijiet: huma jiddikjaraw li hu beatu, jiġifieri hieni, min hu fqir, min hu konxju li nieqes minn bosta affarijiet. Umanament aħna naħsbu mod ieħor: hieni min hu għani, min jiffanga fil-ġid, min iċapċpulu u ħafna jgħiru għalih, min hu żgur minn kollox  Imma dan hu ħsieb mondan, mhux il-ħsieb tal-Beatitudnijiet! Bil-maqlub, Ġesù jiddikjara li s-suċċess tad-dinja hu falliment għax imsejjes fuq egoiżmu li bih bniedem jintefaħ bih innifsu, imma li jħalli vojt fil-qalb. Quddiem il-paradoss tal-Beatitudnijiet, id-dixxiplu jħalli l-kriżijiet jisfidawh għax konvint li mhux Alla għandu jidħol fil-loġika tagħna imma aħna għandna nidħlu fil-loġika tiegħu. Dan jitlob mixja, kultant tqila, imma dejjem akkumpanjata mill-ferħ. Għax id-dixxiplu ta’ Ġesù hu ferrieħ bil-ferħ li jiġi minn Ġesù. Għax, niftakru, l-ewwel kelma li jgħid Ġesù hi: henjin, minn din titnissel il-kelma Beatitudnijiet. U dan hu sinonimu mad-dixxipulat ta’ Ġesù. Meta ħelisna mill-jasar tal-egoċentriżmu, Ġesù heżżeż l-għeluq tagħna, ħall l-ebusija tagħna u fetaħna għall-hena veru, li spiss ikun jinsab fejn l-anqas nistennewh.  Hu jmexxilna ħajjitna, mhux aħna, bil-preġudizzji u l-esiġenzi tagħna. Fl-aħħar, id-dixxiplu hu dak li jħalli lil Ġesù jmexxih, li jiftaħ qalbu għal Ġesù, jisimgħu u jimxi fit-triq tiegħu.

Id-dixxiplu ta’ Ġesù hu persuna umli, miftuħa, imbiegħed mill-preġudizzji u mill-ebusija.

Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien – kull wieħed u waħda minna – għandi d-dispożizzjoni ta’ dixxiplu? Jew imġibti hi iebsa bħal ta’ min iħossu f’postu, min jidhirlu li hu komdu, min jidhirlu li laħaq kollox? Inħalli l-paradoss tal-Beatitudnijiet “jheżżiżni minn ġewwa?”, jew nibqa’ mwaħħal mar-roqgħa tal-ideat tiegħi? Imbagħad, bil-loġika tal-Beatitudnijiet, lil hinn mill-għeja u d-diffikultajiet, inħoss hena fil-mixja tiegħi wara Ġesù? Din hi l-karatteristika ewlenija tad-dixxiplu: l-hena tal-qalb. Ma ninsewx: l-hena tal-qalb. Dan hu l-kriterju biex bniedem ikun jaf hux dixxiplu: għandu hena f’qalbu?  Jien inħoss qalbi hienja?  Dan hu l-punt.

Il-Madonna, l-ewwel dixxiplu tal-Mulej, tgħinna ngħixu bħala veri dixxipli miftuħin u henjin.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Ukrajna huma ta’ tħassib kbir. Jien inqiegħed kull sforz għall-paċi taħt l-interċessjoni ta’ Marija Verġni u l-kuxjena u r-responsabbiltà tal-politiċi.  Nitolbu fis-skiet.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem, b’mod partikolari lill-fidili minn Funchal u Estreito de Câmara de Lobos, mill-gżira ta’ Madeira, fil-Protugall; kif ukoll lil dawk ġejjin minn Perugia u Catanzaro.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org