Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!
Fl-Italja u f’pajjiżi oħra llum qed issir iċ-ċelebrazzjoni tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Qaddis ta’ Kristu. L-Ewkaristija, imwaqqfa fl-Aħħar Ikla kien il-punt tal-wasla ta’ triq li tulha Ġesù kien ħejja għaliha permezz ta’ xi sinjali, fuq kollox it-tkattir tal-ħobż, li jirrakkuntalna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (ara Lq 9:11b-17). Ġesù jieħu ħsieb il-folla kbira li ġriet warajh biex tisma’ kelmtu u tinħeles minn mard varju. Ibierek ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jaqsamhom, id-dixxipli jqassmuhom, u “kulħadd kiel u xaba’” (Lq 9:17), jgħidilna l-Evanġelju. Fl-Ewkaristija kull wieħed u waħda minna nistgħu nġarrbu esperjenza tal-attenzjoni mimlija mħabba u konkreta tal-Mulej. Min jirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu bil-fidi, ma jkunx jiekol biss, imma jixxabba’: Nieklu u nixbgħu: dawn huma żewġ ħtiġijiet fundamentali li tissodisfahom l-Ewkaristija.
Nieklu. “Ilkoll kielu,” jikteb San Luqa. Xħin qorob il-lejl id-dixxipli jissuġġerixxu lil Ġesù biex jibgħat il-folla, ħalli jkunu jistgħu jfittxu x’jieklu. Iżda l-Imgħallem irid jipprovdi għal dan ukoll: lil min kien semgħu ried itih x’jiekol ukoll. Il-miraklu tal-ħobż u tal-ħut però, ma jsirx b’xi mod spettakolari, imma kważi bis-satra, l-istess bħalma ġara f’Kana: il-ħobż beda joktor kif kien għaddej minn id għal oħra. U waqt li kienu qed jieklu l-folla indunat li Ġesù kien jieħu ħsieb kollox. Dan hu l-Mulej li hemm preżenti fl-Ewkaristija: isejħilna biex inkunu ċittadini tas-Sema, imma fl-istess waqt jagħti kas tal-mixja li rridu naffrontaw hawn f’din l-art. Jekk fil-barżakka ftit għandi ħobż, Hu jafu u jieħu ħsieb.
L-adorazzjoni ewkaristika tagħna tidher ċara meta nieħdu ħsieb il-proxxmu, kif jagħmel Ġesù: madwarna hemm ġuħ għall-ikel, imma wkoll għall-kumpanija, hemm ġuħ għall-faraġ, għall-ħbiberija, għall-ferħ, hemm ġuħ għall-attenzjoni, hemm ġuħ tal-evanġelizzazzjoni
Kultant hemm ir-riskju li l-Ewkaristija nagħlquha f’dimensjoni vaga, imbiegħda, forsi mdawla u tfewwaħ bl-inċens, imma bogħod mid-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Fir-realtà, il-Mulej għandu għal qalbu l-ħtiġijiet tagħna kollha, ibda minn dawk l-aktar elementari. U jrid jagħti eżempju lid-dixxipli u jgħid: “Tuhom intom x’jieklu” (v. 13), lil dawk in-nies li kienu semgħuh tul il-ljum. L-adorazzjoni ewkaristika tagħna tidher ċara meta nieħdu ħsieb il-proxxmu, kif jagħmel Ġesù: madwarna hemm ġuħ għall-ikel, imma wkoll għall-kumpanija, hemm ġuħ għall-faraġ, għall-ħbiberija, għall-ferħ, hemm ġuħ għall-attenzjoni, hemm ġuħ tal-evanġelizzazzjoni. Dan insibuh fil-Ħobż ewkaristiku: l-attenzjoni li Kristu jagħti lill-ħtiġijiet tagħna, u l-istedina biex nagħmlu l-istess ma’ min jinsab ħdejna. Hemm bżonn nieklu u nagħtu l-ikel.
Minbarra l-ikel però, qatt ma jonqos li nkunu mxebbgħin. Il-folla xebgħet, għax l-ikel kien abbundanti, u wkoll minħabba l-ferħ u l-istgħaġib li dan kienet irċevietu mingħand Ġesù! Żgur li għandna bżonn nieklu, imma wkoll li nixbgħu, jiġifieri li nkunu nafu li l-ikel jingħatalna għall-imħabba. Fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nsibu l-preżenza tiegħu, ħajtu mogħtija għal kull wieħed u waħda minna. Mhux biss itina l-għajnuna biex nibqgħu mexjin, imma jtina lilu nnifsu: isir kumpann tagħna tul il-vjaġġ, jidħol fil-ġrajjiet tagħna, iżur is-solitudni tagħna u jroddilna lura s-sens u l-entużjażmu. Dan ixebbgħana, meta l-Mulej jagħti sens lil ħajjitna, lid-dlamijiet tagħna, lid-dubji tagħna, iżda Hu jara s-sens u das-sens li jtina l-Mulej ixebbgħana, dan itina “dik ix-xi ħaġa iżjed” li lkoll qed infittxu: jiġifieri l-preżenza tal-Mulej! Għaliex bis-sħana tal-preżenza tiegħu ħajjitna tinbidel: mingħajru tkun verament monotona. Aħna u naduraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu nitolbuh minn qalbna: “Mulej, tini l-ħobż ta’ kuljum biex nibqa’ miexi, Mulej, xebbagħni bil-preżenza tiegħek!”
Il-Verġni Marija tgħallimna naduraw lil Ġesù ħaj fl-Ewkaristija u biex naqsmuh ma’ ħutna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ f’Siviglia kienu beatifikati xi reliġjużi tal-familja Dumnikana: Angelo Marina Álvarez u d-19 sħabu; Giovanni Aguilar Donis u erba’ sħabu tal-Ordni tal-Predikaturi; Isabella Sánchez Romero, soru anzjana tal-Ordni ta’ San Duminku, u Fruttuoso Pérez Marquez, lajk terzjarju Dumnikan. Ilkoll maqtula b’mibegħda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża li kien hemm fi Spanja fil-qafas tal-gwerra ċivili tas-seklu li għadda. Ix-xhieda tagħhom ta’ rabta sfiqa ma’ Kristu u l-maħfra lil dawk li qatluhom juruna t-triq tal-qdusija u jtuna l-kuraġġ biex ħajjitna nagħmluha offerta ta’ mħabba lil Alla u lil ħutna. Applaws lill-Beati l-ġodda.
Mill-Myanmar għadha tasal il-karba ta’ wġigħ ta’ bosta persuni li huma neqsin mill-għajnuna umanitarja bażika u li huma mġagħalin jitilqu minn djarhom għax ħarquhomlhom u biex jaħarbu mill-vjolenza. Ningħaqad mal-appell tal-Isqfijiet ta’ dik l-art maħbuba, ħalli l-komunità internazzjonali ma tinsiex lill-popolazzjoni Birmana, sabiex ikunu rispettati d-dinjità umana u d-dritt għall-ħajja, kif ukoll l-imkejjen tal-kult, l-isptarijiet u l-iskejjel. U nbierek lill-komunità Birmana li tinsab fl-Italja, li llum tinsab hawn.
Nhar l-Erbgħa li ġej, 22 ta’ Ġunju, tibda’ l-Laqgħa Dinjija tal-Familji, li se ssir f’Ruma u fl-istess ħin, b’mod aktar mifrux, madwar id-dinja. Irrodd ħajr lill-isqfijiet, lill-kappillani u lill-opraturi tal-pastorali tal-familja li laqqgħu lill-familji għal waqt ta’ riflessjoni, ċelebrazzjoni u festa. Irrodd ħajr fuq kollox, lill-miżżewġin friski u lill-familji li se jagħtu testimonjanza tal-imħabba familjari bħala vokazzjoni u ħajja ta’ qdusija. Il-laqgħa t-tajba!
U issa nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lill-istudenti tal-London Oratory School. Insellem lill-parteċipanti tal-ewwel kors pastorali ta’ akkoljenza u kura “tal-Ħajja li se titwieled”; lill-fidili minn Gragnano u l-Assoċjazzjoni tar-roti Pedale Sestese minn Sesto San Giovanni. U f’dal-ħin ma ninsewx lill-poplu martirizzat tal-Ukrajna, poplu li qed ibati. Nixtieq li tieħdu magħkom dil-mistoqsija: x’qed nagħmel jien illum għall-poplu Ukren? Nitlob? Nimpenja ruħi? X’qed nagħmel jien illum għall-poplu Ukren? Kulħadd iwieġeb f’qalbu.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org