Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-andament tal-gwerra fl-Ukrajna sar tant gravi, qerriedi u ta’ theddid, li jqanqal tħassib kbir. Għalhekk illum irrid niddedika r-riflessjoni kollha ta’ qabel l-Angelus għal dan il-fatt. Infatti, dil-gwerra terribbli u ferita inkonċepibbli għall-umanità, minflok tfiq, għadha tnixxi aktar demm, bir-riskju li tinfirex aktar.
Għandi għali għax-xmajjar ta’ demm u ta’ dmugħ li xxerdu dawn l-aħħar xhur. Inikktuni l-eluf ta’ vittmi, partikolarment fost it-tfal, u t-tant distruzzjoni, li ħalliet bosta persuni u familji bla dar u hi theddida f’bosta territorji minħabba l-kesħa u l-ġuħ. Ċerti azzjonijiet qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati, qatt! Hi diqa ta’ qalb li d-dinja qed titgħallem il-ġeografija tal-Ukrajna permezz ta’ isimijiet bħal Bucha, Irpin, Mariupol, Izium, Zaporizhzhia u lokalitajiet oħra, li saru mkejjen ta’ tbatija u biża’ li ma tiddeskrivihomx. U xi ngħidu għall-fatt li l-umanità qed issib ruħha mill-ġdid quddiem it-theddida atomika? Hi assurdità.
X’jonqos isir? Kemm demm għad irid jixxerred qabel nifhmu li l-gwerra qatt mhi soluzzjoni, imma biss distruzzjoni? F’isem Alla u f’isem is-sens tal-umanità li jgħammar f’kull qalb, inġedded l-appell tiegħi sabiex minnufih jieqaf il-ġlied. Ħa jieqfu l-armi u jinstabu l-kundizzjonijiet biex jinbdew negozjati bil-ħila li jwasslu għal soluzzjonijiet li ma jkunux iddettatti mill-forza, imma maqbulin, ġusti u stabbli. U jkunu hekk jekk mibnijin fuq ir-rispett sagrosant tal-valur tal-ħajja umana, kif ukoll tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ kull pajjiż, kif ukoll tad-drittijiet tal-minoranzi u l-preokkupazzjonijiet leġittmi.
Hi diqa ta’ qalb li d-dinja qed titgħallem il-ġeografija tal-Ukrajna permezz ta’ isimijiet bħal Bucha, Irpin, Mariupol, Izium, Zaporizhzhia u lokalitajiet oħra, li saru mkejjen ta’ tbatija u biża’ li ma tiddeskrivihomx.
Nikkundanna bil-qawwa s-sitwazzjoni gravi li nħolqot dawn l-aħħar jiem, b’azzjonijiet oħra li jmorru kontra l-prinċipji tad-dritt internazzjonali. Infatti, din qed iżżid ir-riskju ta’ escalation nukleari, sal-punt li thedded li jkun hemm konsegwenzi bla kontroll u katastrofiċi fuq livell dinji.
Qabel kollox, l-appell tiegħi imur lejn il-President tal-Federazzjoni Russa, u nitolbu bil-ħniena biex iwaqqaf, anki għall-imħabba lejn il-poplu tiegħu, dawn l-ispirali ta’ vjolenza u mewt. Min-naħa l-oħra, imnikket minħabba t-tbatija bla tarf tal-popolazzjoni Ukrena minħabba l-aggressjoni li ġarrbet, nindirizza wkoll appell mimli fiduċja lill-President tal-Ukrajna biex ikun miftuħ għall-proposti serji ta’ paċi. Lill-protagonisti kollha tal-ħajja internazzjonali u lir-responsabbli politiċi tan-nazzjonijiet nitlobhom b’insistenza li jagħmlu dak kollu li hu possibbli għalihom biex iwaqqfu l-gwerra li għaddejja, bla ma jippermettu li huma stess isiru parti minn din l-escalation perikoluża, u biex jippromwovu u jissapportjaw l-inizjattivi tad-djalogu. Jekk jogħġobkom, ejjew inħallu lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jitfgħu ġol-pulmuni l-arja sana tal-paċi mhux dik imniġġsa tal-gwerra.
Ejjew inħallu lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jitfgħu ġol-pulmuni l-arja sana tal-paċi mhux dik imniġġsa tal-gwerra.
Wara seba’ xhur ta’ ostilità, hemm bżonn jintużaw l-istrumenti diplomatiċi kollha, anki dawk li s’issa għandhom ma ġewx użati, biex titwaqqaf din it-traġedja bla qies. Fiha nfisha l-gwerra hi żball u terrur!
Nafdaw fil-ħniena t’Alla, li jista’ jibdel il-qlub, u fl-interċessjoni materna tar-Reġina tal-Paċi, fil-mument li fih qed togħla s-supplika lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompej, magħqudin spiritwalment mal-fidili miġburin fis-Santwarju tagħha u f’tant inħawi oħra tad-dinja.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Jien qrib tal-popolazzjonijiet ta’ Kuba u ta’ Florida, li ntlaqtu minn uragan vjolenti. Il-Mulej jilqa’ lill-vittmi, jagħti faraġ u tama li kull min qed isofri u jwieżen kull impenn ta’ solidarjetà.
U nitlob ukoll għal dawk kollha li tilfu ħajjithom jew sfaw miġrugħin wara l-ġlied vjolenti fi tmiem il-logħba futbol f’Malang, fl-Indoneżja.
Illejla, fuq il-faċċata tal-Bażilika ta’ San Pietru, se ssir wirja ta’ xogħol awdjoviżiv dwar il-figura tal-appostlu Pietru. Il-wirijiet jibqgħu għaddejjin sas-16 ta’ Ottubru, kull filgħaxija bejn id-9pm u l-11pm.
Irrodd ħajr lil kull min ta sehmu f’din l-inizjattiva, li tinawgura mixja pastorali dedikata lil San Pietru u l-missjoni tiegħu.
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet. Insellem partikolarment lill-grupp mid-djoċesi ta’ Nanterre (Franza) u dak tal-Missjoni Kattolika Taljana f’Karlsruhe (Ġermanja). Insellem lill-fidili minn Cordenons, Corbetta, Arcade Povegliano, Formia, Grumo Appula u Cagliari.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org