Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jirrakkuntalna li wara li kien saqsa lid-dixxipli x’jaħsbu n-nies dwaru, Ġesù jsaqsi direttament lilhom: “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mk 8,29). Pietru jwieġeb f’isem il-grupp kollu u jgħid: “Inti l-Messija”. Madankollu, meta Ġesù beda jitkellem dwar it-tbatija u l-mewt li kienu jistennewh, Pietru stess ilumu u Ġesù jċanfru bl-aħrax: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan – xitan, jgħidlu – għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (V. 33).
Aħna u nosservaw l-atteġġjament tal-appostlu Pietru, nistgħu nsaqsu lilna nfusna xi jfisser verament tkun taf lil Ġesù.
Infatti, min-naħa, Pietru jwieġeb b’mod perfett meta jgħid lil Ġesù li hu Kristu. Però, wara dal-kliem korrett għad hemm raġunament “ta’ bniedem”, mentalità li lill-Messija timmaġinah qawwi, Messija rebbieħ, li la jista’ jbati u lanqas imut. Għalhekk it-tweġiba ta’ Pietru hi kliem f’loku iżda l-mod kif jaħseb ma nbidilx. Hu għad irid jibdel il-mentalità, għad irid jikkonverti.
Dan hu messaġġ importanti għalina wkoll. Infatti, aħna, li tgħallimna xi ħaġa dwar Alla, nafu d-duttrina, ngħidu t-talb b’mod korrett u forsi għall-mistoqsija “min hu Ġesù għalik?” inwieġbu b’xi formola li nkunu tgħallimna fil-katekiżmu. Fir-realtà, biex inkunu nafu lill-Mulej mhux biżżejjed inkunu nafu xi ħaġa dwaru, imma hemm bżonn nimxu warajh, nidħlu fis-sekwela tiegħu, inħallu l-Evanġelju jmissna u jibdilna. Ifisser li jkollna relazzjoni miegħu, laqgħa. Nista’ nkun naf ħafna dwar Ġesù, imma jekk ma ltaqjtx miegħu, għandi ma nafx min hu Ġesù. Hemm bżonn dil-laqgħa li tibdel il-ħajja: tibdel il-mod ta’ kif aħna, il-mod kif naħsbu, tibdel ir-relazzjonijiet li jkollna ma’ ħutna, id-disponibbiltà li nilqgħu u naħfru, tibdel l-għażliet li nagħmlu fil-ħajja. Kollox jinbidel jekk lil Ġesù nkunu nafuh verament! Kollox jinbidel.
Ħuti, it-teologu u pastor luteran Bonhoeffer, vittma tan-nażiżmu, kiteb hekk: “Il-problema li ma tħallinix kwiet hi li nkun naf xinhu verament il-kristjaneżmu għalina jew min hu Kristu”: (Resistenza e Resa, Ittri u kitbiet mill-ħabs, Cinisello Balsamo 1996, 348). Sfortunatament hemm ħafna li dil-mistoqsija ma jagħmluhiex u jibqgħu “kalmi” reqdin, u bogħod ukoll minn Alla. Iżda importanti nsaqsu lilna nfusna: inħalli kelmtu tiskomodani, insaqsi lili nnifsi min hu Ġesù għalija u x’post għandu f’ħajti? Dwar dil-mistoqsija tgħinna ommna Marija li lil Ġesù kienet tafu sewwa.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Nistqarr li jien qrib il-popolazzjonijiet tal-Vjetnam u tal-Myanmar li għaddejjin mit-tbatija minħabba l-għarar li ħalla warajh tifun vjolenti. Nitlob għall-mejtin, għall-feruti u għall-evakwati. Alla jħares lil dawk kollha li tilfu lill-għeżież tagħhom u jbierek lil dawk kollha li qed jagħtu l-għajnuna.
Ilbieraħ, fil-belt tal-Messiku kien beatifikat Moisés Lira Serafín, saċerdot, fundatur tal-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tal-Karità ta’ Marija Immakulata, li miet fl-1950, wara ħajja mogħtija biex jgħin lin-nies jimxu ‘l quddiem fil-fidi u fl-imħabba tagħhom lejn il-Mulej. Jalla ż-żelu appostoliku tiegħu jistimola lis-saċerdoti biex jingħataw bla riserva għall-ġid spiritwali tal-poplu qaddis t’Alla. Applaws lill-Beatu l-ġdid! Qed nara l-bnadar messikani hemmhekk….
Illum fl-Italja hu jum dedikat lill-morda bl-iSclerosi Laterale Amiotrofica (SLA). Niżgurakom li huma u l-familjari tagħhom jinsabu f’talbi: ninkoraġġixxi l-ħidma ta’ riċerka dwar dil-patoloġija u dik tal-assoċjazzjonijiet tal-volontarjat.
U ma ninsewx il-gwerer li qed idemmu d-dinja. Niftakar fil-martri Ukrajna, fil-Myanmar, niftakar fil-Lvant Nofsani. Kemm vittmi innoċenti! Niftakar fl-ommijiet li tilfu lil uliedhom fil-gwerra. Kemm ħajjiet żgħażagħ meqruda! Niftakar f’Hersh Goldberg-Polin, li nstab mejjet f’Settembru, flimkien ma’ ħames ostaġġi oħra f’Gaża. F’Novembru tas-sena li għaddiet kont iltqajt ma’ ommu Rachel, li laqtitni bl-umanità tagħha. Jien magħha f’dal-ħin. Nitlob għall-vittmi u kompli nkun qrib il-familji kollha tal-ostaġġi. Waqqfu l-kunfitt fil-Palestina u f’Iżrael! Waqqfu l-vjolenza, neħħu l-mibegħda! Illiberaw lill-ostaġġi, araw li jitkomplew in-negozjati biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ paċi.
Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi. Partikolarment lill-fidili mill-parroċċa Santa Edwige Regina minn Radom (Polonja); lill-grupp ta’ saċerdoti ġeżwiti li ġew Ruma biex jistudjaw; lill-istudenti minn Stade (Ġermanja); u lil dawk li qed jieħdu sehem fir-relay bil-mixi minn Ruma sa Assisi, U nsellem lil grupp tal-Immacolata li dal-ġranet kellhom tliet ordinazzjonijiet, nifirħilkom!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Maqluba għall-Malti minn Joe Huber
Sors: laikos.org