Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed nagħmlu l-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Alla għażel familja umli u sempliċi biex jiġi fostna. Nikkuntemplaw is-sbuħija ta’ dal-misteru billi minnu nisiltu żewġ aspetti konkreti għall-familji tagħna.

L-ewwel: il-familja hi l-istorja li sawritna. Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna, ħadd ma twieled bil-maġija, bil-bakketta maġika, kollha kemm aħna għandna storja u l-familja hi l-istorja li ġejjin minnha. L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum ifakkarna li Ġesù wkoll hu iben imnissel minn storja ta’ familja. Narawh jivvjaġġa lejn Ġerusalemm flimkien ma’ Marija u Ġużeppi għall-Għid; imbagħad iġib fixla f’ommu u missieru għax ma setgħux isibuh; meta sabuh mar lura d-dar magħhom (Lq 2:41-52). Sabiħ tara lil Ġesù mwaħħad man-nisġa tal-għożża tal-familja, li jitwieled u jikber bit-tgħanniqa u t-tħassib tal-ġenituri tiegħu. Dan hu importanti għalina wkoll: aħna ġejjin minn storja minsuġa minn rabtiet ta’ mħabba u l-persuna li aħna llum, ma saritx l-aktar bis-saħħa tal-ġid materjali li kellna imma mill-imħabba li rċevejna bi mħabba fi ħdan il-familja. Forsi ma twelidniex f’xi familja eċċezzjonali u bla problemi, imma dik hi l-istorja tagħna – kulħadd għandu jifhem: hi l-istorja tiegħi – huma għeruqna: jekk inqaċċtuhom, il-ħajja tinxef! Alla ma ħalaqniex biex inkunu kaptani iżolati, imma biex nimxu flimkien. Niżżuh ħajr u nitolbuh għall-familji tagħna. Alla jarana u jridna flimkien: grati, magħqudin, bil-ħila li nħarsu l-għeruq. U rridu naħsbu f’dan, fl-istorja personali.

Biex inżommu l-armonija fil-familja hemm bżonn niġġieldu d-dittatura tal-jien

It-tieni aspett: kull jum li jgħaddi nibqgħu nitgħallmu nkunu familja. Fl-Evanġelju naraw li anki fil-Familja Mqaddsa mhux kollox lixx: hemm problemi mhux mistennija, diqa ta’ qalb, tbatijiet. Il-Familja Mqaddsa tas-santi ma teżistix. Marija u Ġużeppi jitilfu lil Ġesù u mnikktin ifittxuh, biex isibuh tliet ijiem wara. U meta, bilqiegħda qalb l-imgħallmin tat-Tempju jweġibhom li kellu jkun f’dak li hu ta’ Missieru, ma jifhmux. Kellhom bżonn aktar żmien biex jitgħallmu jagħrfu min kien binhom. L-istess għalina: kuljum, fil-familja, hemm bżonn nitgħallmu nisimgħu lil xulxin, nifhmu lil xulxin, nimxu flimkien, inħabbtu wiċċna ma’ kunflitti u diffikultajiet. Hi l-isfida tal-ħajja ta’ kuljum, u din negħlbuha bl-atteġġjament xieraq, bl-attenzjoni lejn l-affarijiet iż-żgħar, bil-ġesti sempliċi, billi nieħdu ħsieb id-dettalji tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. U dan ukoll, jgħinna ħafna: li nitkellmu fil-familja, waqt l-ikel, id-djalogu bejn il-ġenituri u l-ulied, id-djalogu bejn l-aħwa, ikun ta’ għajnuna għalina ngħixu b’dak l-għerq familjari li jiġi min-nanniet. Id-djalogu man-nanniet!

Wara kollox, għamlu paċi, dejjem. Qatt tmorru torqdu bla ma tkunu għamiltu paċi, inkella l-għada tibda “gwerra bierda”!

U kif isir dan? Inħarsu lejn Marija li fl-Evanġelju tal-lum lil Ġesù tgħidlu: “Missierek u jien konna qed infittxuk” (v. 48). Missierek u jien, ma tgħidx jien u missierek: qabel il-jiena hemm l-int. Fil-lingwa tiegħi hemm aġġettiv għan-nies li l-ewwel jgħidu jien u mbagħad int: “Jien jien u miegħi u għalija u għall-vantaġġ tiegħi”. Nies magħmulin hekk, l-ewwel jien u mbagħad int. Le, fil-Familja Mqaddsa l-ewwel hemm l-int u mbagħad il-jien. Biex inżommu l-armonija fil-familja hemm bżonn niġġieldu d-dittatura tal-jien, meta l-jien jintefaħ bih innifsu. Hemm periklu meta, minflok nisimgħu lil xulxin, nakkużaw lil xulxin bl-iżbalji; meta, minflok ġesti ta’ kura għall-oħrajn, niffissaw fuq il-ħtiġijiet personali; meta, minflok niddjalogaw, ninqatgħu għalina waħedna bil-mowbajl; meta nakkużaw lil xulxin u nirrepetu dejjem l-istess ħaġa, nibdew kummiedja li nkunu diġà rajnieha, fejn kulħadd irid ir-raġun u fl-aħħar jaqa’ silenzju kiesaħ. Dak is-silenzju li jaqta’, kiesaħ, wara xi diskussjoni fil-familja, hu ikrah, ikrah għall-aħħar! Intenni parir: filgħaxija, wara kollox, għamlu paċi, dejjem. Qatt tmorru torqdu bla ma tkunu għamiltu paċi, inkella l-għada tibda “gwerra bierda”! U din hi perikoluża għax tagħti bidu għal storja ta’ ċanfir, storja ta’ għadab. Kemm drabi, sfortunatament, bejn il-ħitan tad-dar jitwieldu u jikbru l-kunflitti minħabba silenzju fit-tul u rjus iebsa bl-egoiżmu! Kultant dawn iwasslu saħansitra għall-vjolenza fiżika u morali. Dan ifarrak l-armonija u joqtol il-familja. Ejjew nikkonvertu mill­-jien għall-int. U kuljum, jekk jogħġobkom itolbu ftit flimkien, jekk tistgħu tagħmlu l-isforz, biex titolbu ‘l Alla d-don tal-paċi fil-familja. U ejjew nimpenjaw ruħna lkoll – ġenituri, ulied, soċjetà ċivili – biex insostnu, niddefendu u nħarsu l-familja li hi t-teżor tagħna!

Jalla l-Verġni Marija, għarusa ta’ Ġużeppi u omm Ġesù, tħares il-familji tagħna.


Wara l-Angelus

Issa se nindirizza lill-miżżewġin tad-dinja kollha.

Illum, fil-festa tal-Familja Mqaddsa, ħarġet Ittra li ktibt apposta għalikom. Irridha tkun rigal tal-Milied għalikom, miżżewġin: inkoraġġiment, sinjal ta’ qrubija u wkoll okkażjoni ta’ meditazzjoni.  Importanti nirriflettu u nġarrbu t-tjubija u t-tenerezza ta’ Alla li b’id ta’ missier imexxi l-passi tal-miżżewġin fit-triq tas-sewwa. Jalla l-Mulej jagħti lill-miżżewġin kollha l-qawwa biex ikomplu l-mixja li bdew. Irrid infakkarkom ukoll li resqin lejn il-Laqgħa Dinjija tal-Familji: nistedinkom titħejjew għal dil-ġrajja, speċjalment bit-talb, u biex tgħixuha fid-djoċesijiet tagħkom, flimkien mal-familji l-oħra.

U jien u nitkellem dwar il-famlja għandi tħassib, preokkupazzjoni vera, tal-anqas hawn fl-Italja: ix-xitwa demografika. Donnu li ħafna tilfu x-xenqa li jrabbu l-ulied u bosta koppji jippreferu jibqgħu mingħajrhom inkella b’wild wieħed. Aħsbu ftit f’dan, hi traġedja. Ftit minuti ilu, fil-prgramm A Sua immagine rajt kif kienu qed jitkellmu dwar dil-problema tax-xitwa demografika. Ejjew ilkoll nagħmlu ħilitna biex niksbu lura l-kuxjenza, ħalli negħlbu din ix-xitwa demografika li tmur kontra l-istess familji tagħna, kontra l-patrija, u kontra l-ġejjieni tagħna wkoll.

Issa nsellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi differenti: hawn qed nara Pollakki, Brażiljani, u hemmhekk qed nara wkoll lill-Kolombjani – lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet. Inġedded l-awguri li l-kontemplazzjoni tal-Bambin Ġesù, il-qofol u ċ-ċentru tal-festi tal-Milied, tqajjem fina atteġġjamenti ta’ fraternità u kondiviżjoni fil-famliji u fil-komunitajiet. U biex tiċċelebraw xi ftit il-Milied żuru l-presepju li għandna fil-pjazza u l-100 presepju li hemm taħt il-kolonnat, dan ukoll ikunilna ta’ għajnuna.

Dal-ġranet irċevejt bosta messaġġi ta’ awguri minn Ruma u minn bosta nħawi oħra tad-dinja.  Sfortunatament mhux possibbli għalija nwieġeb lil kulħadd, imma nitlob għal kull wieħed u waħda u rrodd ħajr speċjalment għat-talb li wegħedtu għalija. Itolbu għalija, tinsewx. Grazzi ħafna u l-festa tal-Familja Mqaddsa t-tajba. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org