Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jeħodna Ġerusalemm, fl-imkien l-aktar qaddis: it-tempju. Hemmhekk, madwar Ġesù, xi wħud bdew ifaħħru l-ġmiel ta’ dik il-binja grandjuża, “imżejna b’ħaġar prezzjuż” (Lq 21,5). Imma l-Mulej jafferma: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx” (v. 6). Imbagħad iżid id-doża, u jispjega kif fl-istorja tagħna kważi kollox jiġġarraf: ikun hemm, jgħid, taqbid u gwerer, terremoti, karestiji, pestilenzi u persekuzzjonijiet (ara vv 9-17). Qisu ried jgħid: m’hemmx għalfejn torbtu wisq il-fiduċja tagħkom mar-realtajiet tad-dinja: dawk jgħaddu. Hu kliem għaref, li forsi jistgħu jħallulna ftit morr: diġà hawn tant affarijiet li sejrin ħażin, allura għaliex il-Mulej ukoll qed jgħid kliem daqstant negattiv? Fil-verità l-intenzjoni tiegħu mhix li jkun negattiv, hi ħaġ’oħra, hi dik li jtina tagħlima prezzuża, jiġifieri t-triq li permezz tagħha noħorġu minn din l-inċertezza. U liema hi “t-triq”? Kif nistgħu noħorġu minn dir-realtà li tgħaddi u tibqa’ għaddejja u li għad tintemm?
It-tweġiba tinsab f’kelma li forsi tissorprendina. Kristu jgħidha fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju meta jgħid: “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom” (v. 19). Il-perseveranza, x’inhi? Il-kelma tfisser li “nkunu ras iebsa ħafna”; imma ras iebsa f’liema sens? Magħna nfusna, għax ngħidu li m’aħniex denji? Le. Mal-oħrajn, u nsiru riġidi u inflessibbli? Lanqas. Ġesù jitlobna nkunu ‘severi’, leali, persistenti f’dak li hu għal qalbu, f’dak li jiswa, li hu ta’ fejda. Għax dak li verament jiswa, ħafna drabi ma jaqbilx ma’ dak li jiġbed l-interess tagħna: spiss, bħal dawk in-nies fit-tempju, nagħtu prijorità lix-xogħol ta’ jdejna, lis-suċċessi tagħna, lit-tradizzjonijiet reliġjużi u ċivili, lis-simboli sagri u soċjali tagħna. Din mhix ħaġa ħażina, imma ntuhom wisq importanza. Huma affarijiet importanti, imma jgħaddu. Iżda Ġesù jgħidilna biex nikkonċentraw fuq dak li jibqa’, biex nevitaw li ħajjitna ngħadduha nibnu xi ħaġa li mbagħad se tiġġarraf, bħal dak it-tempju, u ninsew nibnu dak li ma jiġġarrafx, li nibnu fuq il-kelma, fuq l-imħabba, fuq it-tajjeb. Inkunu perseveranti, inkunu severi u deċiżi biex nibnu dak li ma jgħaddix.
Allura x’inhi l-perseveranza: hi li nibnu t-tajjeb kuljum. Il-perseveranza tfisser li nibqgħu iddedikati għat-tajjeb, għall-ġid, fuq kollox meta r-realtà ta’ madwarna timbuttana biex nagħmlu l-maqlub. Nieħdu xi eżempji: naf li hu importnati li titlob, imma jien ukoll, bħal kulħadd, dejjem għandi x’nagħmel, allura nipposponi: “Le, issa għandi x’nagħmel ħafna, ma nistax, aktar tard”. Inkella nara ħafna stużi li japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjonijiet, li “jduru” mar-regoli, u jien ma nibqax nosservahom aktar, ma nibqax nippersevera fil-ġustizzja u l-legalità: “Ladarba dawn l-istużi qed jagħmlu hekk, jien nagħmel bħalhom”. Oqgħod attent minn dan! Aktar: jiena nagħti servizz fil-Knisja, fil-komunità, mal-foqra, imma nara ħafna nies li fil-ħin liberu tagħhom moħħhom biss biex jiddevertu, u allura jiġini li nitlaq kollox u nagħmel bħalhom. Għax mhux qed nara riżultati jew niddejjaq jew mhux qed ikolli sodisfazzjon.
Iżda li tippersevera jfisser li tibqa’ tagħmel it-tajjeb. Nistaqsu: kif inhi l-perseveranza tiegħi? Jien sod, kostanti jew ngħix il-fidi, il-ġustizzja, il-karità skont il-mument: jekk jiftilli nitlob, jekk jaqbilli nkun korrett, disponibbli, ta’ servizz, u jekk ma nsibx sodisfazzjon, ħadd ma jgħidli grazzi, nitlaq kollox? Insomma, it-talb tiegħi u s-servizz li nagħti jiddependu miċ-ċirkostanzi jew minn qalb marbuta sfiq mal-Mulej? Jekk nipperseveraw – ifakkarna Ġesù – m’għandna għalfejn nibżgħu minn xejn, anki fi-ġrajjiet ta’ niket jew koroh tal-ħajja, lanqas mill-ħażen li naraw madwarna, għax nibqgħu ankrati mat-tajjeb. Dostoevsky kien kiteb: “tibżgħux mid-dnubiet tal-bnedmin, ħobbu lill-bniedem bi dnubu wkoll, għax dar-rifless tal-imħabba divina hu l-quċċata tal-imħabba fuq l-art” (L-aħwa Karamazov, II,6,3g). Il-perseveranza hi r-rifless fid-dinja tal-imħabba t’Alla, għax l-imħabba t’Alla hi fidila, perseveranti, ma tinbidel qatt.
Il-Madonna, qaddejja tal-Mulej perseveranti fit-talb (cfr Atti 1,12), issaħħaħ il-perseveranza tagħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Għada jaħbat l-ewwel anniversarju mindu bdiet il-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato si’, li tippromwovi l-konverżjoni ekoloġika u stili ta’ ħajja konformi magħha. Irrodd ħajr lil kull min issieħeb f’din l-inizjattiva: hemm madwar sitt elef li qed jipparteċipaw, fosthom persuni individwali, familji, assoċjazzjonijiet, ditti, istituzzjonijiet reliġjużi, kulturali u sanitarji. Hu bidu tajjeb ferm għall-mixja ta’ seba’ snin bl-għan li tkun tweġiba għall-karba tal-art u għall-karba tal-foqra. Nagħmel kuraġġ lil dil-missjoni kruċjali għall-ġejjieni tal-umanità, sabiex tnissel f’kulħadd impenn konkret għall-kura tal-ħolqien. F’dil perspettiva, nixtieq infakkar is-Summit COP27 dwar il-klima li qed isir fl-Eġittu. Nawgura li jsiru passi ‘l quddiem bil-kuraġġ u d-determinazzjoni, fir-radda mfassla mill-Ftehim ta’ Pariġi.
Nibqgħu dejjem qrib ħutna tal-martri Ukrajna. Qrib bit-talb u bis-solidarjetà konkreta. Il-paċi hi possibbli! Ma nirrassenjawx ruħna għall-gwerra.
Nixtieq infakkar is-Summit COP27 dwar il-klima li qed isir fl-Eġittu. Nawgura li jsiru passi ‘l quddiem bil-kuraġġ u d-determinazzjoni, fir-radda mfassla mill-Ftehim ta’ Pariġi.
U nsellem lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi oħra, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili singoli. Insellem partikolarment lill-grupp kariżmatiku “El Shaddai” mill-Istati Uniti tal-Amerika, lill-mużiċisti tal-“bandoneón” mill-Urugwaj – qed nara l-bandiera hemmhekk, bravi! – il-Missjoni Greco-Cattolica Rumena minn Pariġi, lir-rappreżentanti tal-pastorali fl-iskejjel minn Limoges u Tulle flimkien mal-isqfijiet tagħhom, lill-membri tal-komunità Eritreana minn Milan u niżgurahom li nitlob għalihom u għal pajjiżhom. Hieni nilqa’ lill-ministranti minn Ovada, lill-koperattiva La Nuova Famiglia: minn Monza, il-Protezzjoni Ċivili minn Lecco, lill-fidili minn Perugia, Pisa, Sassari, Catania u Bisceglie, lill-adolexxenti tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org