Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-fejqan ta’ raġel marid bil-lebbra (cfr Mk 1, 40-45). Lill-marid li talbu bil-ħniena Ġesù jwieġbu: “Irrid, kun imfejjaq!” (v. 41). Jgħid sentenza sempliċi għall-aħħar, u mill-ewwel tidħol fis-seħħ. Infatti l-lebbra “marritlu minnufih u hu fieq” (v. 42). Dan hu l-istil ta’ Ġesù ma min isofri: ftit kliem u fatti konkreti.
Bosta drabi fl-Evanġelju naraw din l-imġieba fih fil-preżenza ta’ min ikun qed ibati: torox u muti (cf Mk 7,31-37), paralitiċi (cfr Mk 2,1-12) u tant oħrajn fil-bżonn (cfr Mk 5). Dejjem hekk iġib ruħu: jitkellem ftit u mal-kelma minnufih iseħħ l-azzjoni: imil, jaqbad l-idejn, ifejjaq. Ma joqgħodx jintilef f’dikorsi jew mistoqsijiet, anqas u anqas fi pjetiżmi u sentimentaliżmi. Pjuttost juri l-pudur delikat ta’ min jisma’ b’attenzjoni u jaġixxi bla telf ta’ ħin, preferibbilment bla ma jagħti fil-għajn.
Hu mod meraviljuż kif iħobb, u kemm jagħmlilna tajjeb nimmaġinawh u nassimilawh! Niftakru wkoll x’jiġrilna meta niltaqgħu ma’ persuni li jġibu ruħhom b’dal-mod: meqjusin fi kliemhom iżda ġenerużi fl-aġir; mhux moħħhom biex jidhru iżda lesti biex ikunu ta’ għajnuna; effikaċi fl-għajnuna għax disposti biex jisimgħu. Ħbieb irġiel u nisa li nistgħu ngħidulhom: “Trid tismagħni?” “Trid tgħinni?”, bil-fiduċja li se nisimgħuhom iwieġbu kważi bl-istess kliem ta’ Ġesù: “Iva, irrid, qiegħed hawn għalik, biex ngħinek!” Dil-konkretezza hija importanti ħafna f’dinja, bħalma hi dik tagħna, li fiha donnu li ftit ftit qed tiżdied id-dominanza vaga tar-relazzjonijiet virtwali.
Nisimgħu għalhekk b’liema mod tipprovokana l-Kelma t’Alla: “Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa ma tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa?” (Ġak 2,15-16). Dan qed jgħidu l-appostlu Ġakbu. L-imħabba teħtieġ il-konkretezza, l-imħabba titlob il-preżenza, il-laqgħa, għandha bżonn l-għotja taż-żmien u tal-ispazju: ma tistax tirriduċi ruħha u ssir biss kliem sabiħ, jew xi xena fuq skrin, xi selfie tal-mument jew xi messaġġ maljar malajr. Huma strumenti utli li jistgħu jkunu ta’ għajnuna, imma għall-imħabba mhumiex biżżejjed, ma jistgħu bl-ebda mod jieħdu post il-preżenza konkreta.
Nistaqsu llum: naf noqgħod nisma’ lil min ikellimni, jien disponibbli għal ġid li jitolbu minni? Jew mimli skużi, inħalli għall-għada, ninħeba wara kliem astratt u inutli? Konkretament meta kienet l-aħħar darba li mort inżur persuna waħedha jew marida – kulħadd iwieġeb f’qalbu -, jew meta kienet l-aħħar darba li bdilt il-programmi biex inkun ta’ servizz għall-ħtiġijiet ta’ min talabni l-għajnuna?
Marija, dejjem attenta biex tkun ta’ għajnuna, tgħinna nkunu dejjem lesti u konkreti fl-imħabba.
Sors: laikos.org