Għeżież tfal, ninsabu hawn biex nitolbu, nitolbu flimkien, nitolbu lil Alla. Tajjeb? Taqblu ma’ dan? Iva? U nitolbu lil Alla, Alla l-Missier, Alla l-Iben, u Alla l-Ispirtu s-Santu. Kemm “allat” huma? Wieħed fi tliet persuni: il-Missier li ħalaqna lkoll, Alla li tant iħobbna u meta aħna nitolbu lil Alla l-Missier, liema hi t-talba, liema hi t-talba li lkoll nitolbu? [iwieġbu: il-Missierna]
Ejjew lil Alla nitolbuh dejjem il-Missierna, li takkumpanjana fil-ħajja u tgħinna nikbru. U x’jismu l-Iben? Liema hu l-isem tal-Iben? [iwieġbu: Ġesù] M’iniex nisma’ sew! Ġesù! U Ġesù, nitolbu lil Ġesù biex jgħinna, biex ikun qrib tagħna, u anki meta nitqarbnu aħna nirċievu lil Ġesù u Ġesù jaħfrilna d-dnubiet kollha. Huwa veru dan li Ġesù jaħfer kollox? [iwieġbu: iva] M’iniex nisma’, x’inhu jiġri… Veru? Iva! Imma dejjem jaħfer kollox? [iwieġbu: iva] Dejjem, dejjem, dejjem? [iwieġbu: iva] U jekk hemm raġel jew mara, midneb, midneb, midneb b’ħafna dnubiet, Ġesù jaħfrilhom? [iwieġbu: iva] Jaħfer anki lill-ikbar fost il-midinbin? [iwieġbu: iva] Iva! Tinsewhx dan: Ġesù jaħfer kollox u jaħfer dejjem, u aħna jrid ikollna l-umiltà li nitolbu maħfra. “Aħfirli, Mulej, żbaljajt. Jiena dgħajjef. Il-ħajja rekknitni, imma int kollox taħfer. Jiena rrid nibdel ħajti u int għinni”. Imma ma smajtx sewwa, veru li jaħfer kollox? [iwieġbu: iva] Eh bravi, tinsewhiex din!
Il-problema hi: min hu l-Ispirtu s-Santu? Eh, mhux faċli, għax l-Ispirtu s-Santu hu Alla, jinsab fina. Aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija, nirċevuh fis-Sagramenti. L-Ispirtu s-Santu hu dak li jakkumpanjana fil-ħajja. Ejjew naħsbu f’dan u ngħiduha flimkien: “L-Ispirtu s-Santu jakkumpanjana fil-ħajja”. Hu dak li jgħidilna fil-qalb tagħna x’inhma l-ħwejjeġ tajba li għandna nagħmlu. Mill-ġdid: “L-Ispirtu s-Santu jakkumpanjana fil-ħajja”. Hu dak li meta nagħmlu xi ħaġa ħażin jċanfarna minn ġewwa. “L-Ispirtu s-Santu…”. Insejtu, m’iniex nisma’… Darb’oħra! L-Ispirtu s-Santu hu dak li jagħtina l-qawwa, ifarraġna fid-diffikultajiet. Flimkien: “L-Ispirtu s-Santu jakkumpanjana fil-ħajja”.
Hekk, għeżież ħuti, tfal, aħna lkoll ferħanin għax nemmnu. Il-fidi tferraħna. U nemmnu f’Alla li hu “Misiser, Iben u Spirtu s-Santu”. Ilkoll flimkien: “Missier, Iben u Spirtu s-Santu”. Il-Missier li ħalaqna, Ġesù li salvana, u l-Ispirtu s-Santu x’jagħmel?
Grazzi ħafna lilkom, imma biex inkun ċert, l-Insara, għandna wkoll omm, x’jisimha ommna? X’jisimha Ommna tas-Sema? [iwieġbu: Marija] Intom tafu titolbu lill-Madonna? [iwieġbu: iva] Żgur? Ejjew nagħmlu dan issa, irrid nismagħkom… [jgħidu s-Sliema] Bravi, tfal, intom tassew bravi. Il-Missier ħalaqna, l-Iben salvana, u x’għamel l-Ispirtu s-Santu? Bravi! Alla jberikkom, itolbu għalina, biex nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem, ilkoll kemm aħna, itolbu għall-ġenituri, itolbu għan-nanniet, itolbu għat-tfal morda. Hawnhekk hawn ħafna tfal morda warajja. Itolbu dejjem u fuq kollox itolbu għall-paċi, biex ma jkunx hemm gwerer. Issa nkomplu bil-quddiesa, imma ma ninsewx, x’għamel l-Ispirtu s-Santu? Bravi! Ibqgħu sejrin hekk!
Tislima tal-Papa fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika
Għeżież tfal, il-quddiesa spiċċat, imma llum tkellimna fuq Alla, fuq Alla l-Missier li ħalaq id-dinja, fuq Alla l-Iben li fdiena, u fuq Alla l-Ispirtu s-Santu, imma x’għamel l-Ispirtu s-Santu? Ma niftakarx… [iwieġbu: jakkumpanjana fil-ħajja] M’iniex nisma’ sew… [iwieġbu: jakkumpanja fil-ħajja] Jakkumpanjana fil-ħajja. Issa lkoll flimkien nitolbu lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu: “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien fil-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen!”. Issa mmorru, sellmu lill-ġenituri tagħkom, ħbiebkom, imma fuq kollox rajtu li meta tellgħu l-ħobż u l-inbid, kien hemm it-tfal, kien hemm ukoll nannu: sellmu lin-nanniet! Ftehimna? Ċapċipa lin-nanniet. Grazzi ħafna! U rrid nirringrazzja lil dawk li organizzaw dan, lil Patri Enzo Fortunato li għamel ħafna, il-Kmandant Cagnoli li ħadem ħafna, u dawk kollha li għenuhom. Għeżież tfal, narakom!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard