Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 13,1-23), Ġesù jirrakkonta l-parabbola – li lkoll nafuha tajjeb – tal-bidwi li jiżra’, li jitfa’ ż-żerriegħa fuq erba’ tipi ta’ art, lil-folla kbira. Il-Kelma t’Alla, mxebbħa maż-żerriegħa, mhix kelma astratta iżda hija Kristu stess, il-Verb tal-Missier li sar laħam fil-ġuf ta’ Marija. Għalhekk, li nilqgħu l-Kelma t’Alla jfisser li nkunu qed nilqgħu l-persuna ta’ Kristu, lil Kristu nnifsu.
Hemm diversi modi kif tintlaqa’ l-Kelma t’Alla. Nistgħu nilqugħha qiesna triq, fejn minnufih jiġu l-għasafar u jieklu ż-żerriegħa. Din hi d-distrazzjoni, periklu kbir fi żmienna. Ibbumbardjati minn tant tlablib, tant ideoloġiji, bil-ħafna possibbiltajiet ta’ distrazzjoni kemm fid-dar u barra, nistgħu nitilfu t-togħma tas-silenzju, tal-ġabra, tad-djalogu mal-Mulej, tant li nirriskjaw li ntilifu l-fidi, li ma nilqgħux il-Kelma t’Alla. Qed naraw kollox, kollox jaljenana minħabba l-ħwejjeġ tad-dinja.
Possibbiltà oħra: nistgħu nilqgħu l-Kelma t’Alla qiesna art imġebbla, bi ftit ħamrija. Hemmhekk iż-żerriegħa malajr tinbet, imma daqstant ieħor malajr tinxef għax ma jirnexxiliex tniżżel għeruqha fil-fond. Hi x-xbieha ta’ min jilqa’ l-Kelma bl-entużjażmu tal-mument li jibqa’ fil-qoxra, ma jitwaħħadx mal-Kelma t’Alla. B’hekk, mal-ewwel diffikultà, tista’ tkun xi tbatija, xi gwaj fil-ħajja, dik il-fidi dgħajfa tinħall, kif tinxef iż-żerriegħa li taqa’ qalb il-blat.
Nistgħu ukoll – it-tielet possibbiltà li jitkellem dwarha Ġesù fil-parabbola – nilqgħu l-Kelma t’Alla qiesna art fejn jikber ix-xewk. U x-xewk hu l-ingann tal-għana, tas-suċċess, tat-tħassib tad-dinja… Hemmhekk il-Kelma tikber ftit, imma tibqa’ fgata, mhix b’saħħitha, tmut u ma tagħmilx frott.
Fl-aħħar – ir-raba’ possibbiltà – nistgħu nilqgħuha bħal art tajba. Hawnhekk, u hawnhekk biss, iż-żerriegħa taqbad l-art u tagħti l-frott. Iż-żerriegħa li waqgħet fuq din l-art għammiela tirrappreżenta li min jisma’ l-Kelma, jilqagħha, iħarisha f’qalbu u jqegħedha fis-seħħ fil-ħajja ta’ kuljum.
Din tal-bidwi li jiżra’, hi ftit jew wisq ‘omm’ il-parabboli kollha, għax titkellem dwar is-smigħ tal-Kelma. Tfakkarna li hi żerriegħa għammiela u effikaċi; u Alla jferrixha kullimkien bl-abbundanza, bla ma jqis il-ħala. Hekk hi l-qalb t’Alla! Kull wieħed u waħda minna hu art li fuqha taqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma, ħadd ma hu mbarri. Il-Kelma hi mogħtija lil kull wieħed u waħda minna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema tip ta’ art jien? Nixbaħ it-triq, il-blat, ix-xewk? Jekk irridu, bil-grazzja t’Alla nistgħu nsiru art tajba, maħruta u kkultivata bil-għaqal, biex iż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla timmatura fina. Iż-żerriegħa diġà tinsab fi qlubna, imma jekk tagħtix frott jiddependi minna, jiddependi minn kemm nagħmlu wisa lil diż-żerriegħa. Aħna spiss aljenati minħabba ħafna interessi, minħabba bosta ġibdiet, u diffiċli tagħżel leħen il-Mulej dak li hui biss jagħti l-ħelsien, minn fost tant ilħna u tant tlablib.
Għalhekk hu importanti nidraw nisimgħu l-Kelma t’Alla, naqrawha. U ndur għal darb’oħra fuq dak il-parir: ġorru magħkom ktejjeb żgħir tal-Evanġelju, edizzjoni li tista’ żżommha fil-but, fil-handbag…… B’hekk taqraw silta qasira kuljum, taqraw silta żgħira kuljum għax tkunu darrejtu lilkom infuskom taqraw il-Kelma t’Alla u tifhmu sewwa liema hi ż-żerriegħa li joffri Alla u timmeditaw dwar b’liema tip ta’ art tkunu tirċevuha.
Il-Verġni Marija, mudell perfett tal-art tajba u għammiela, tgħinna bit-talb tagħha biex insiru art lesta, mingħajr xewk jew ġebel, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu frott tajjeb għalina u għal ħutna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
F’dat-tieni Ħadd ta’ Lulju jaħbat il-Jum Dinji tal-Baħar. Insellem minn qalbi lil dawk kollha li jaħdmu fuq il-baħar, speċjalment dawk li huma bogħod mill-għeżież tagħhom u minn pajjiżhom. Insellem lil kull min dalgħodu nġabar fil-port ta’ Civitavecchia-Tarquinia għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
U l-baħar jeħodni l-bogħod bil-ħsieb: lejn Istanbul. Qed naħseb f’Santa Sofia u nħossni mnikket ħafna.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti, insellem partikolarment lill-familji tal-Moviment tal-Fokolari. Insellem bi gratitudni lir-rappreżentanti tal-Pastorali tas-Saħħa tad-Djoċesi ta’ Ruma, filwaqt li niftakar fil-bosta saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel u lajċi li kienu qrib u għadhom qrib il-morda f’daż-żmien ta’ pandemija. Grazzi! Grazzi għal dak li għamiltu u li għadkom qed tagħmlu. Grazzi!
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Sors: Laikos.org