Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 13,1-23), Ġesù jirrakkonta l-parabbola – li lkoll nafuha tajjeb – tal-bidwi li jiżra’, li jitfa’ ż-żerriegħa fuq erba’ tipi ta’ art, lil-folla kbira.  Il-Kelma t’Alla, mxebbħa maż-żerriegħa, mhix kelma astratta iżda hija Kristu stess, il-Verb tal-Missier li sar laħam fil-ġuf ta’ Marija.  Għalhekk, li nilqgħu l-Kelma t’Alla jfisser li nkunu qed nilqgħu l-persuna ta’ Kristu, lil Kristu nnifsu.

Hemm diversi modi kif tintlaqa’ l-Kelma t’Alla.  Nistgħu nilqugħha qiesna triq, fejn minnufih jiġu l-għasafar u jieklu ż-żerriegħa.  Din hi d-distrazzjoni, periklu kbir fi żmienna. Ibbumbardjati minn tant tlablib, tant ideoloġiji, bil-ħafna possibbiltajiet ta’ distrazzjoni kemm fid-dar u barra, nistgħu nitilfu t-togħma tas-silenzju, tal-ġabra, tad-djalogu mal-Mulej, tant li nirriskjaw li ntilifu l-fidi, li ma nilqgħux il-Kelma t’Alla.  Qed naraw kollox, kollox jaljenana minħabba l-ħwejjeġ tad-dinja.

Possibbiltà oħra: nistgħu nilqgħu l-Kelma t’Alla qiesna art imġebbla, bi ftit ħamrija.  Hemmhekk iż-żerriegħa malajr tinbet, imma daqstant ieħor malajr tinxef għax ma jirnexxiliex tniżżel għeruqha fil-fond.  Hi x-xbieha ta’ min jilqa’ l-Kelma bl-entużjażmu tal-mument li jibqa’ fil-qoxra, ma jitwaħħadx mal-Kelma t’Alla.  B’hekk, mal-ewwel diffikultà, tista’ tkun xi tbatija, xi gwaj fil-ħajja, dik il-fidi dgħajfa tinħall, kif tinxef iż-żerriegħa li taqa’ qalb il-blat.

Nistgħu ukoll – it-tielet possibbiltà li jitkellem dwarha Ġesù fil-parabbola – nilqgħu l-Kelma t’Alla qiesna art fejn jikber ix-xewk.  U x-xewk hu l-ingann tal-għana, tas-suċċess, tat-tħassib tad-dinja… Hemmhekk il-Kelma tikber ftit, imma tibqa’ fgata, mhix b’saħħitha, tmut u ma tagħmilx frott.

Fl-aħħar – ir-raba’ possibbiltà – nistgħu nilqgħuha bħal art tajba.  Hawnhekk, u hawnhekk biss, iż-żerriegħa taqbad l-art u tagħti l-frott.  Iż-żerriegħa li waqgħet fuq din l-art għammiela tirrappreżenta li min jisma’ l-Kelma, jilqagħha, iħarisha f’qalbu u jqegħedha fis-seħħ fil-ħajja ta’ kuljum.

Din tal-bidwi li jiżra’, hi ftit jew wisq ‘omm’ il-parabboli kollha, għax titkellem dwar is-smigħ tal-Kelma.  Tfakkarna li hi żerriegħa għammiela u effikaċi; u Alla jferrixha kullimkien bl-abbundanza, bla ma jqis il-ħala.  Hekk hi l-qalb t’Alla!  Kull wieħed u waħda minna hu art li fuqha taqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma, ħadd ma hu mbarri.  Il-Kelma hi mogħtija lil kull wieħed u waħda minna.  Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema tip ta’ art jien?  Nixbaħ it-triq, il-blat, ix-xewk?  Jekk irridu, bil-grazzja t’Alla nistgħu nsiru art tajba, maħruta u kkultivata bil-għaqal, biex iż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla timmatura fina.  Iż-żerriegħa diġà tinsab fi qlubna, imma jekk tagħtix frott jiddependi minna, jiddependi minn kemm nagħmlu wisa lil diż-żerriegħa.  Aħna spiss aljenati minħabba ħafna interessi, minħabba bosta ġibdiet, u diffiċli tagħżel leħen il-Mulej dak li hui biss jagħti l-ħelsien, minn fost tant ilħna u tant tlablib.

Għalhekk hu importanti nidraw nisimgħu l-Kelma t’Alla, naqrawha.  U ndur għal darb’oħra fuq dak il-parir: ġorru magħkom ktejjeb żgħir tal-Evanġelju, edizzjoni li tista’ żżommha fil-but, fil-handbag……  B’hekk taqraw silta qasira kuljum, taqraw silta żgħira kuljum għax tkunu darrejtu lilkom infuskom taqraw il-Kelma t’Alla u tifhmu sewwa liema hi ż-żerriegħa li joffri Alla u timmeditaw dwar b’liema tip ta’ art tkunu tirċevuha.

Il-Verġni Marija, mudell perfett tal-art tajba u għammiela, tgħinna bit-talb tagħha biex insiru art lesta, mingħajr xewk jew ġebel, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu frott tajjeb għalina u għal ħutna.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

F’dat-tieni Ħadd ta’ Lulju jaħbat il-Jum Dinji tal-Baħar.  Insellem minn qalbi lil dawk kollha li jaħdmu fuq il-baħar, speċjalment dawk li huma bogħod mill-għeżież tagħhom u minn pajjiżhom.  Insellem lil kull min dalgħodu nġabar fil-port ta’ Civitavecchia-Tarquinia għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

U l-baħar jeħodni l-bogħod bil-ħsieb: lejn Istanbul.  Qed naħseb f’Santa Sofia u nħossni mnikket ħafna.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti, insellem partikolarment lill-familji tal-Moviment tal-Fokolari.  Insellem bi gratitudni lir-rappreżentanti tal-Pastorali tas-Saħħa tad-Djoċesi ta’ Ruma, filwaqt li niftakar fil-bosta saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel u lajċi li kienu qrib u għadhom qrib il-morda f’daż-żmien ta’ pandemija.  Grazzi!  Grazzi għal dak li għamiltu u li għadkom qed tagħmlu.  Grazzi!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Sors: Laikos.org