Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jirrakkonta li xi Fariżej ingħaqdu ma’ xi erodjani biex inassu lil Ġesù. Dejjem kienu jippruvaw jaqbduh f’xi nassa. Imorru għandu u jistaqsuh: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (Mt 22,17). Ingann: jekk Ġesù jilleġittima t-taxxa jkun jidher favur is-setgħa politika li l-poplu ftit li xejn kienet tinżillu, iżda jekk jgħidilhom biex ma jħallsuhiex jista’ jiġi akkużat b’ribelljoni kontra l-imperu. Nassa tabilħaqq. Iżda hu jaħrab minn dal-periklu. Jitlobhom ituh munita li kien fiha x-xbieha ta’ Ċesari u jgħidilhom: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’Alla” (v. 21). Xi jfisser dan?
Dal-kliem ta’ Ġesù daħal fl-espressjoni tal-ħajja ta’ kuljum, imma xi kultant jintuża b’mod żbaljat – jew tal-anqas, riduttiv – fid-diskors li jolqot ir-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, bejn l-insara u l-politika; spiss jinftiehmu qisu li Ġesù ried jifred lil “Ċesari” minn ma’ “Alla:, jiġifieri ir-realtà terrena minn dik spiritwali. Kultant aħna wkoll nirraġunaw hekk: ħaġa hi l-fidi bil-prattiċi tagħha iżda l-ħajja ta’ kuljum hi xi ħaġa oħra. U dan mhux sew. Din hi “skizzofrenija”, qisu li l-fidi m’għandha x’taqsam xejn mal-ħajja konkreta, mal-isfidi tas-soċjetà, mal-ġustizzja soċjali, mal-politika, eċċ.
Fir-realtà Ġesù jrid jgħinna nħarsu lejn “Ċesari” u lejn “Ġesù” skont l-importanza li għandhom. Ta’ Ċesari – jiġifieri l-politika, l-istituzzjonijiet ċivili, il-proċessi soċjali u ekonomiċi – hu l-ħarsien tal-ordni terren; u aħna, li niffurmaw parti sħiħa minn dir-realtà, għandna nagħtu lura lis-soċjetà dak kollu li toffrielna, bil-kontribut tagħna bħala ċittadini responsabbli, billi nindukraw dak li hu fdat f’idejna u nippromwovu d-dritt u l-ġustizzja fid-dinja tax-xogħol, inħallsu t-taxxi bl-onestà, nimpenjaw ruħna għall-ġid komuni, eċċ. Fl-istess ħin, però, Ġesù jafferma r-realtà fundamentali: li l-bniedem hu ta’ Alla, il-bniedem sħiħ u kull bniedem fid-dinja. U dan ifisser li aħna m’aħna ta’ ebda realtà tad-dinja, ta’ ebda “Ċesari” li jkun isaltan. Aħna tal-Mulej u m’għandniex inkunu lsira ta’ ebda seta’ tad-dinja. Fuq il-munita, għalhekk, hemm ix-xbieha tal-imperatur, imma Ġesù jfakkarna li f’ħajjitna hemm ittimbrata x-xbieha ta’ Alla, ħaġa li xejn u ħadd ma jista’ jinnega. L-affarijiet ta’ did-dinja huma ta’ Ċesari imma l-bniedem u l-istess dinja huma ta’ Alla: ma nisewhiex!
Għalhekk nifhmu li Ġesù qed ireġġa’ lil kull wieħed u waħda minna lura lejn l-identità tagħna: fuq il-munita ta’ did-dinja hemm ix-xbieha ta’ Ċesari, imma int – jien, kull wieħed u waħda minna – liema xbieha għandek f’qalbek? Nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna: jien liema xbieha nġorr f’qalbi? F’ħajtek inti ta’ min int xbieha? Niftakru li aħna tal-Mulej, jew inħallu l-loġika tad-dinja tgħaġinna, u x-xogħol u l-politika, il-flus isiru l-idoli li naduraw?
Il-Verġni Mbierka tgħinna nagħrfu u nonoraw id-dinjità tagħna u dik ta’ kull bniedem tad-dinja.
Sors: laikos.org