Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dat-tielet Ħadd tal-Avvent ikellimna dwar Ġwanni l-Battista, li meta kien jinsab il-ħabs, jibgħat lid-dixxipli tiegħu jistaqsu lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11,4). Infatti, Ġwanni jinħakem mid-dubju meta jisma’ dwar Ġesù u jidħol f’dubju jekk dan kienx verament il-Messija jew le. Infatti hu kien jimmaġina Messija aħrax li meta jiġi kien se jagħmel ħaqq bil-qawwa u jikkastiga lill-midinbin. Iżda Ġesù għandu kliem u ġesti ta’ kompassjoni lejn kulħadd, fil-qalba ta’ għemilu hemm il-ħniena li taħfer, għalih “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jitħabbar lill-foqra” (v. 5). Jagħmlilna tajjeb, però, nieqfu ftit fuq dil-kriżi ta’ Ġwanni l-Battista, għax tista’ tgħid xi ħaġa importanti lilna wkoll.
It-test jisħaq li Ġwanni kien jinsab il-ħabs, u dan, minbarra li hu mkien fiżiku, ifakkarna fis-sitwazzjoni interjuri li kien għaddej minnha: fil-ħabs hemm id-dlam, mhemmx possibbiltà li wieħed jara ċar u ‘l bogħod. Fil-fatt, il-Battista ma jirnexxilux jibqa’ jagħraf lil Ġesù bħala l-Messija mistenni. Jinħakem mid-dubju u jibgħat lid-dixxipli jiċċekkjaw: “Morru u araw jekk hux il-Messija jew le”. Nistagħġbu li dan jiġri propju lil Ġwanni, li kien għammed lil Ġesù fil-Ġordan u kien urieh lid-dixxipli tiegħu u qalilhom li kien il-Ħaruf t’Alla (cfr Ġw 1,29). Imma dan ifisser li anki l-aktar wieħed li jemmen jidħol fil-mina tad-dubju. Dan mhux ta’ ħsara, anzi, xi kultant, hu essenzjali għat-tkabbir spiritwali: jgħinna nifhmu li Alla dejjem hu ferm akbar minn kif nimmaġinawh; l-opri li jwettaq huma sorprendenti fil-konfront tal-kalkoli tagħna; il-mod kif iġib ruħu hu differenti, dejjem hu akbar mill-ħolm tagħna u l-istennija tagħna; u għalhekk qatt m’għandna nehdew infittxuh u nikkonvertu lejn il-wiċċ veru tiegħu. Teologu kbir kien jgħid li lil Alla rridu niskopruh biċċa biċċa… u kultant nemmnu wkoll li tlifnih (H. De Lubac, Sulle vie di Dio, Milan 2008, 29). L-istess jagħmel il-Battista: fid-dubju jerġa’ jfittxu, jistaqsih, jiddiskuti miegħu u fl-aħħar jiskoprih. Ġwanni, li Ġesù iddeskrivih bħala l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara (cfr Mt 11,11), jgħallimna, insomma, biex lil Alla ma nagħlquhx fl-iskemi tagħna. Dan dejjem hu periklu, it-tentazzjoni: li nkejlu lil Alla bil-kejl tagħna, nagħmlu Alla biex nużawh. U Alla hu ħaġ’oħra.
Ħuti, kultant aħna wkoll nistgħu nsibu ruħna fis-sitwazzjoni tiegħu, f’ħabs interjuri, bla ħila li nagħrfu n-novitajiet tal-Mulej, li forsi nżommuh priġunier tal-prużunzjoni li diġà nafu kollox dwaru. Għeżież ħuti, qatt ma nafu kollox dwar Alla, qatt! Forsi f’moħħna għandna xi Alla setgħan li jagħmel li jiftillu, minflok Alla ta’ manswetudni, Alla tal-ħniena u tal-imħabba, li dejjem jidħol fl-azzjoni b’rispett lejn il-libertà tagħna u l-għażliet tagħna. Forsi aħna wkoll jiġina li ngħidulu: “Int verament Int, tant umli, Alla li tiġi biex issalvana?”. U jista’ jiġrilna xi ħaġa l-istess ma’ ħutna: għandna l-ideat tagħna, il-preġudizzji tagħna u lill-oħrajn inwaħħlulhom – speċjalment lil min inħossu differenti minna – tikketti iebsin. Allura l-Avvent hu żmien li l-perspettivi jinqalbu ta’ taħt fuq, żmien li fih inħallu l-kobor tal-ħniena t’Alla jimliena bl-istagħġib. L-istagħġib: Alla jġagħalna nistagħġbu dejjem. (Għadna kif rajna dan waqt il-programm “A Sua immagine”, kienu qed jitkellmu dwar l-istagħġib). Alla dejjem hu dak li jqanqal l-istagħġib fina. Żmien – l-Avvent – li tulu aħna u nħejju l-presepju għall-Bambin Ġesù, nitgħallmu mill-ġdid min hu l-Mulej tagħna; żmien li fih noħorġu minn ċerti skemi, minn preġudizzji lejn Alla u lejn ħutna. L-Avvent hu żmien li fih, minflok naħsbu fir-rigali għalina, nistgħu nagħtu r-rigal ta’ kliem u ġesti ta’ faraġ lil min hu miġrugħ, kif għamel Ġesù mal-għomja, mat-torox u maz-zopop.
Jalla l-Madonna, bħal omm, tmexxina minn idejna f’dal-ġranet ta’ tħejjija għall-Milied u tgħinna biex fiċ-ċokon tal-Bambin Ġesù naraw il-kobor t’Alla li ġej.
Wara l-Angelus
Ilbieraħ, f’Barbacena, fil-Brażil, kienet beatifikata Isabel Cristina Mrad Campos. Din iż-żgħażugħa nqatlet fl-1982 meta kellha 20 sena, b’mibgħeda lejn il-fidi, għax kienet iddefendiet id-dinjità tagħha ta’ mara u l-valur tal-kastità. Jalla l-eżempju erojku tagħha jkun ta’ stimolu, partikolarment għaż-żgħażagħ, biex ikunu xhieda ġenerużi tal-fidi u ta’ rabta mal-Evanġelju. Applaws lill-Beata l-ġdida!
Qed insegwi b’niket l-aħbarijiet li qed jaslu mis-Sudan t’Isfel, dwar il-ġlied vjolenti li seħħ dawn l-aħħar ġranet. Nitolbu lill-Mulej għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, sabiex dawn l-attakki jieqfu u jkun hemm rispett lejn in-nies ċivili.
Illum hu l-Jum Dinji tal-Muntanja, li jistedinna biex nagħrfu l-importanza ta’ dir-riżorsa meraviljuża għall-ħajja tal-pjaneta u tal-umanità. It-tema ta’ dis-sena – “In-nisa jċaqalqu l-muntanji” – hu minnu, in-nisa jċaqalqu l-muntanji! -ifakkarna fl-irwol tan-nisa fil-kura tal-ambjent u l-ħarsien tat-tradizzjonijiet tal-popolazzjonijiet tal-muntanji. Min-nies tal-muntanja nitgħallmu s-sens ta’ komunità u l-mixja flimkien.
Insellem lilkom likoll, li ġejtu minn Ruma, mill-Itaja u minn tant inħawi tad-dinja. Insellem partikolarment lill-fidili minn Barcelona, Valencia, Alicante, Bejrut, il-Kajr, u lil dawk mill-Messiku u l-Polonja. Insellem lill-komunità kattolika tanzanjana li hawn fl-Italja; lill-gruppi parrokkjali minn Terni, Panzano in Chianti, Perugia, Nozza di Vestone; lill-kor tal-Alpini ta’ Ruma; lir-rappreżentanti taċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi l-aktar imniġġsa tal-Italja, u nawgura li tinstab soluzzjoni ġusta għall-problemi gravi tagħhom u tal-mard li jġib miegħu dan l-ambjent imniġġes.
U rrid nibgħat tislija minn qalbi lill-priġunieri tal-ħabs “Due Palazzi” f’Padova: insellmilkom b’għożża kbira!
U issa se nbierek il-Bambini, jiġifieri l-istatwi żgħar ta’ Ġesù Bambin li ġibtu magħkom għeżież tfal u adoloxxenti, u li mbagħad, meta taslu lura d-dar se tpoġġuhom fil-presepju. Nistedinkom titolbu quddiem il-presepju, sabiex il-Milied tal-Mulej iġib raġġ ta’ paċi lit-tfal tad-dinja kollha, speċjalment dawk imġagħlin iġarrbu ġranet terribbli u mudlama tal-gwerra, dil-gwerra fl-Ukrajna li qed teqred tant ħajjiet, tant ħajjiet, u tant tfal. Inbierek il-Bambini… (Barka).
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja t-tajba lejn il-Milied ta’ Ġesù. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org