Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum hi s-Solennitá tat-Trinità Qaddisa u fl-Evanġelju ta’ diċ-ċelebrazzjoni Ġesù jippreżentalna liż-żewġ persuni divini l-oħra, il-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Dwar l-Ispirtu jgħid: “Ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’ mingħandi u jħabbrilkom il-ġejjieni”. Imbagħad, dwar il-Missier jgħid: “Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi” (Ġw 16: 14-15). Ninnutaw li l-Ispirtu s-Santu jitkellem, imma mhux dwaru nnifsu: iħabbar lil Ġesù u jirrivela lill-Missier. U ninnutaw ukoll li l-Missier, li kollox hu tiegħu, li hu l-bidu ta’ kull ħaġa, lil Ibnu jtih dak kollu lil hu tiegħu: ma jżomm xejn għalih u jingħata kollu kemm hu lill-Iben. Fi kliem ieħor, l-Ispirtu s-Santu ma jitkellimx dwaru nnifsu, jitkellem dwar Ġesù, jitkellem dwar oħrajn. U l-Missier ma jagħtix lilu nnifsu, jagħti lil Ibnu. Hi l-ġenerożità miftuħa, miftuħa għall-ieħor.
U issa nħarsu fina nfusna, dak li nitkellmu dwaru u dak li għandna. Meta nitkellmu, dejjem irridu li jingħad it-tajjeb dwarna u spiss nitkellmu biss dwarna nfusna u dwar dak li nagħmlu. Kemm drabi! “Jien għamilt dan, dak…”, “inqagħletli dil-problema…”. Dejjem hekk nitkellmu. X’differenza mill-Ispirtu s-Santu, li jitkellem biex iħabbar lill-oħrajn, lill-Missier, lill-Iben! U dwar dak li għandna, kemm aħna għajjurin għalih u kemm insibuha bi tqila biex naqsmuh mal-oħrajn, anki ma’ min nieqes mill-meħtieġ! Bil-kliem faċli, imma mbagħad fil-prattika diffiċli ħafna.
Mhux biżżejjed li trid il-ġid u tagħmlu, imma qabel kollox, fl-għerq ta’ kollox, tkun miftuħ għall-oħrajn, iċċedi postok, tagħmlilhom il-wisa’. Dan ifisser li tħobb mill-għeruq
Allura, li tagħmel festa lit-Trinità Qaddisa mhux xi taħriġ teoloġiku, imma rivoluzzjoni tal-mod kif ngħixu. Alla, li fih kull persuna tgħix għall-oħrajn f’relazzjoni ma taqta’ xejn, mhux kull wieħed għal rasu, jipprovokana biex ngħixu mal-oħrajn u għall-oħrajn. Miftuħin. Illum nistgħu insaqsu lilna nfusna jekk ħajjitna hix mera ta’ dak Alla li nemmnu fih: jien, li nistqarr il-fidi f’Alla Missier u Iben u Spirtu s-Santu, nemmen bis-serjetà li biex ngħix għandi bżonn lill-oħrajn, għandi bżonn ningħata lill-oħrajn, għandi bżonn inservi lill-oħrajn? Dan naffermah bil-kliem jew b’ħajti?
Lil Alla, Trinitarju u waħdieni, għeżież ħuti, hekk għandna nuruh, bil-fatti aktar milli bil-kliem. Lil Alla, l-awtur tal-ħajja, ngħadduh lill-oħrajn ferm anqas permezz tal-kotba u ferm aktar bix-xhieda tal-ħajja. Hu, kif jikteb l-evanġelista Ġwanni, “huwa mħabba” (1 Ġw 4:16), jirrivela ruħu permezz tal-imħabba. Naħsbu ftit dwar persuni twajbin, ġenerużi, mansweti li ltqajna magħhom: niftakru l-mod kif jaħsbu u jġibu ruħhom, nistgħu naraw fihom rifless ċkejken ta’ Alla-Mħabba. U xi jfisser li tħobb? Mhux biżżejjed li trid il-ġid u tagħmlu, imma qabel kollox, fl-għerq ta’ kollox, tkun miftuħ għall-oħrajn, iċċedi postok, tagħmlilhom il-wisa’. Dan ifisser li tħobb mill-għeruq.
Biex nifhmuha aħjar, niftakru fl-ismijiet tal-persuni divini, li ntennu kull darba li nagħmlu s-sinjal tas-salib: f’kull isem hemm il-preżenza tal-ieħor. Pereżempju, il-Missier ma jkunx li hu mingħajr l-Iben; l-istess ukoll l-Iben ma nistgħux naħsbu dwaru fl-iżolament, imma dejjem bħala Iben il-Missier. U, min-naħa tiegħu, l-Ispirtu s-Santu hu l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben. Fi ftit kliem, it-Trinità tgħallimna li qatt ma nistgħu ngħaddu mingħajr l-ieħor. M’aħniex gżejjer, qegħdin fid-dinja biex ngħixu fuq ix-xbieha ta’ Alla: miftuħin, neħtieġu wieħed lill-ieħor u bil-ħtieġa li ngħinu lill-oħrajn. U allura, nagħmlu ftit dil-mistoqsija lilna nfusna: fil-ħajja ta’ kuljum jien mera tat-Trinità? Is-sinjal tas-salib li nagħmel kuljum – Missier, Iben u Spirtu s-Santu – dak is-sinjal tas-salib li nagħmlu kuljum, jibqa’ ġest fih innifsu jew hu ispirazzjoni għall-mod kif nitkellmu, niltaqgħu, inwieġbu, niġġudikaw, naħfru?
Il-Madonna, bint il-Missier, omm l-Iben u għarusa tal-Ispirtu, tgħinna nilqgħu u nkunu xhieda b’ħajjitna tal-misteru ta’ Alla-Mħabba
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ fi Breslavia, fil-Polonja, kienu beatifikati Sr Pasqualina Jahn u disa’ ħuta sorijiet martri, tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Eliżabetta, li nqatlu lejn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija f’kuntest ostili għall-fidi Nisranija. Dawn l-għaxar reliġjużi nisa, minkejja li kienu jafu l-periklu li kienu jinsabu fih, baqgħu qrib l-anzjani u l-morda li kienu qed jikkuraw. L-eżempju tal-fedeltà tagħhom lejn Kristu jalla jgħin lilna lkoll, speċjalment lill-Insara persegwitati f’diversi nħawi tad-dinja, biex inkunu xhieda tal-Evanġelju bil-kuraġġ. Applaws lill-beati l-ġodda!
U issa nixtieq nindirizza lill-poplazzjonijiet u l-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Congo u tas-Sudan t’Isfel. Għeżież, b’dispjaċir kbir, minħabba l-problemi f’sieqi, kelli nħassar iż-żjara tiegħi fil-pajjiżi tagħkom, li kellha ssir fl-ewwel jiem ta’ Lulju. Jiddispjaċini bil-kbir li kelli nħalli dal-vjaġġ għal aktar ‘il quddiem, vjaġġ li nixtieq ħafna li nagħmel. Nitlobkom skuża għal dan. Nitolbu flimkien ħalli, bl-għajnuna t’Alla u tal-kura medika, inkun nista’ niġi fostkom mill-aktar fis. Ejjew nimtlew bil-fiduċja!
Illum hu l-Jum Dinji kontra x-xogħol minorili. Nimpenjaw ruħna lkoll kemm aħna biex neliminaw dil-pjaga, għax ebda tifel jew tifla m’għandhom jitteħdulhom id-drittijiet fundamentali tagħhom u jkunu mġagħlin jaħdmu. Din tal-minuri sfruttati fix-xogħol hi realtà drammatika li tolqotna lkoll!
Dejjem għadu ħaj f’qalbi l-ħsieb dwar il-popolazzjoni tal-Ukrajna, mifluġa bil-gwerra. Iż-żmien li jgħaddi m’għandux iberred in-niket tagħna u t-tħassib tagħna dwar dawk in-nies ittorturati. Jekk jogħġobkom, dir-realtà m’għandhiex issir drawwa għalina! Nitolbu u nitqabdu għall-paċi.
Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini mill-Italja u tant pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġew minn Spanja u mill-Polonja; lill-banda San Giorgio minn Castel Condino – li mbagħad nistenna li fl-aħħar nismagħha ddoqq; lill-Fundazzjoni Verona Minor Hierusalem, lill-katekisti minn Grottammare, lil dawk li għamlu l-griżma minn Castelfranco Veneto u lill-fidili minn Mestrino. Insellem imbagħad lill-grupp AVIS minn Codogno u nesprimi l-apprezzament tiegħi għal kull min jagħti d-demm, ġest sempliċi u nobbli ta’ solidarjetà.
Insellem lil kulħadd, anki liż-żgħażagħ tal-Immacolata. Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org