Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Il-parabboli li ttina l-liturġija tal-lum – żewġ parabboli – huma mnebbħin mill-ħajja ta’ kuljum u juru kemm il-ħarsa ta’ Ġesù hi attenta fuqna, Hu li josserva r-realtà permezz ta’ xbihat żgħar mill-ħajja ta’ kuljum, jiftaħ it-twieqi fuq il-misteru ta’ Alla u fuq il-ġrajja umana. Ġesù kien jitkellem b’mod li faċli tifhmu, kien jitkellem bit-tixbihat tar-realtà, tal-ħajja ta’ kuljum. B’hekk jgħallimna li wkoll il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum, li ximindaqqiet jidhru kollha l-istess u li aħna ngħixuhom b’distrazzjoni jew inqisuhom piż, huma mgħammrin mill-preżenza moħbija ta’ Alla, jiġifieri għandhom tifsira. Allura aħna wkoll jeħtieġ li jkollna għajnejna miftuħa ħalli nkunu nistgħu “nfittxu u nsibu lil Alla f’kull ħaġa”.
Illum Ġesù jxebbaħ is-Saltna t’Alla,jiġifieri l-preżenza tiegħu li tgħammar fil-qalb ta’ kull ħaġa li hawn fid-dinja, ma’ żerriegħa tal-mustarda, l-iżgħar żerriegħa li teżisti: hi żgħira ħafna. Madankollu, meta tinxteħet fl-art, tikber sa ma ssir l-akbar siġra (cfr Mk 4,31-32). L-istess jagħmel Alla. Kultant, il-ħsejjes li jtarrxu tad-dinja flimkien mal-bosta attivitajiet li jimlewlna l-ġurnata, ma jħallulniex żmien nieqfu ħalli nintebħu kif il-Mulej qed imexxi l-istorja tagħna. Madankollu – jiżgurana l-Evanġelju – Alla jaħdem l-istess bħaż-żerriegħa żgħira tajba, li fis-skiet u ftit ftit tinbet. U naqra naqra ssir siġra folta, li tagħti l-ħajja u taħji lil kulħadd. Iż-żerriegħa tal-opri tajba tagħna tista’ tidher ħaġa żgħira; iżda, kulma hu tajjeb hu ta’ Alla u għalhekk, umilment, bil-ftit il-ftit jagħmel il-frott. It-tajjeb – niftakruha din – dejjem jikber b’mod umli, moħbi, spiss bla ma lanqas jidher.
Għeżież ħuti, b’dil-parabbola Ġesù jrid jimliena bil-fiduċja. F’ħafna sitwazzjonijiet tal-ħajja, infatti, nistgħu naqtgħu qalbna għax inqabblu d-dgħufija tat-tajjeb mal-qawwa fiergħa tal-ħażen li jidher. U nistgħu nintrikbu mill-isfiduċja meta nindunaw li impenjajna ruħna imma r-riżultati ma jaslux u donnu li qatt u xejn ma jinbidel. L-Evanġelju jitlobna nħarsu ħarsa fina nfusna u fuq ir-realtà; jitlob minna li jkollna għajnejn akbar, li jafu jaraw aktar lil hinn minn dak li jidher, biex niskopru l-preżenza t’Alla li bħala mħabba umli dejjem jaħdem fl-art tal-ħajja tagħna bil-paċenzja, jiżra’ t-tajjeb li jagħti l-frott. Kemm hu importanti dan l-atteġġjament anki sabiex noħorġu aħjar minn dil-pandemija! Nikkultivaw il-fiduċja li aħna ninsabu f’idejn Alla u fl-istess hin nimpenjaw ruħna biex nibnu mill-ġdid u nibdew mill-ġdid, bil-paċenzja u l-kostanza.
Fil-Knisja wkoll taf tinbet is-sikrana tal-isfiduċja, speċjalment aħna u naraw il-kriżi li għaddejja minnha l-fidi u l-fallimenti ta’ bosta proġetti u inizjattivi. Iżda qatt m’għandna ninsew li r-riżultati taż-żrigħ ma jiddependux mill-ħiliet tagħna: jiddependu mill-azzjoni ta’ Alla. Aħna għandna niżirgħu,niżirgħu bl-imħabba, b’impenn u bil-paċenzja. Imma l-qawwa taż-żerriegħa hija divina. Dan jispjegah Ġesù bil-parabbola l-oħra tal-lum: il-bidwi jitfa’ ż-żerriegħa u mbagħad anqas jinduna kif din tagħti l-frott, għax tkun iż-żerrigħa stess li tikber b’mod spontanju mall-jum u billejl bla ma hu jkun jaf kif (cfr vv. 26-29). Ma’ Alla anki fl-art l-aktar niexfa dejjem hemm it-tama li jinbet il-ġdid.
Marija Santissma, il-qaddejja umli tal-Mulej, tgħallimna naraw il-kobor t’Alla li jaħdem fil-ħwejjeġ żgħar, u biex negħlbu t-tentazzjoni li naqtgħu qalbna. Ejja jkollna fiduċja fih kuljum!
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Inħossni qrib b’mod partikolari lejn il-popolazzjoni tar-reġjun tat-Tigray, fl-Etjopja, li ntlaqat minn kriżi umanitarja kbira li lill-foqra qed tolqtolhom bil-ġuħ. Illum hemm il-karestija, hemmhekk hemm il-ġuħ. Nitolbu flimkien sabiex minnufih tieqaf il-vjolenza u lil kulħadd tkun garantita l-għajnuna tal-ikel u tas-saħħa, u mil-ġdid terġa’ tinkiseb l-armonija soċjali. Għal dan il-għan, irrodd ħajr lil kulmin jaħdem biex itaffi t-tbatija tan-nies. Nitolbu lill-Madonna għal dawn l-intenzjonijiet. Sliem għalik, Marija ……..
Ilbieraħ kien iċċelebrat il-Jum Dinji kontra l-sfruttament tat-tfal fid-dinja tax-xogħol. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem l-isfruttament tat-tfal li jinsterqilhom id-dritt li jilgħabu, jistudjaw u joħolmu. Skont stimi tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, it-tfal sfruttati fid-dinja tax-xogħol huma 150 miljun: traġedja! 150 miljun: bejn wieħed u ieħor daqs kemm hemm abitanti fi Spanja, fi Franza u fl-Italja kollha f’daqqa. Dan qed isir illum! Tant tfal li qed ibatu minħabba dan: sfruttati bix-xogħol minorili. Ilkoll flimkien inġeddu l-isforzi tagħna biex neliminaw dan il-jasar ta’ żmienna.
illejla f’Augusta, fi Sqallija, se ssir iċ-ċerimonja li se twassal il-fdal tad-dgħajsa li spiċċat f’nawfraġju fit-18 ta’ April, 2015. Dan is-simbolu ta’ tant traġedji fil-Baħar Mediterran jibqa’ jċanfar il-kuxjenza ta’ kulħadd u jalla jkun ta’ fejda biex tissaħħaħ umanità aktar solidali li ġġarraf il-ħitan tal-indifferenza. Naħsbu ftit: il-Mediterran sar l-akbar ċimiterju li hawn fl-Ewropa.
Għada huwa l-Jum tad-Donaturi tad-Demm. Irrodd ħajr minn qalbi lill-volontiera u nħeġġiġhom biex ikomplu l-ħidma tagħhom billi jkunu xhieda tal-valuri tal-ġenerożità u l-gratwità. Grazzi ħafna, grazzi!
U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra; partikolarment lill-pellegrini li ġew minn Sedigliano u Bra bir-roti, lill-fidili minn Forlì u lil dawk minn Cagliari.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos