Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju tal-liturġija (cfr Mk 12,38-44) ikellimna dwar Ġesù li fit-tempju ta’ Ġerusalemm, quddiem il-poplu, jiddenunzja l-atteġġjament ipokrita ta’ xi wħud mill-iskribi (cfr vv. 38-40).

Dawn kellhom f’idejhom rwol importanti fil-komunità ta’ Iżrael: kienu jaqraw, jikkupjaw u jinterpretaw l-Iskrittura.  Għalhekk kienu miġubin ħafna u n-nies kienu jħarsu lejhom b’qima.

Lil hinn mill-apparenzi, però, spiss l-imġieba tagħhom xejn ma kienet taqbel ma’ dak li kienu jgħallmu.  Ma kinux koerenti.  Infatti xi wħud, bis-saħħa tal-prestiġju u l-poter lil kienu jgawdu kienu jħarsu lejn l-oħrajn “minn fuq għal isfel” – ikraħ ħafna li tħares lejn il-persuna l-oħra “minn fuq għal isfel” -kellhom ħafna arja u kienu jinħbew wara faċċata ta’ rispettabbiltà u legaliżmu, kienu jarrogaw għalihom privileġġi, u sa kienu jaslu jwettqu serq għad-dannu ta’ min kien dgħajjef, bħalma huma n-nisa romol (cfr v. 40).  Minflok jużaw ir-rwol li kellhom biex jaqdu lill-oħrajn, lin-nies kienu jirriduċuhom fi strument ta’ prepotenza u manipulazzjoni.  U kien jiġri wkoll li anki t-talb tagħhom, għalihom ma kienx ikun aktar waqt ta’ laqgħa mal-Mulej, iżda okkażjoni biex

iperpru r-rispettabiltà u l-karità finta tagħhom, li kienet isservihom biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies ħalli jiksbu l-approvazzjoni (cfr ivi).  Niftakru dak li jgħid Ġesù dwar it-talba tal-pubblikan u tal-fariżew (cfr Lq 18,9-14).

Huma – mhux kollha – kienu jġibu ruħhom ta’ persuni korrotti, u jagħtu aktar setgħa lil sistema soċjali u reliġjuża li fiha kienet ħaġa normali tieħu vantaġġ b’dannu ta’ ħaddieħor, speċjalment dawk li ftit li xejn kellhom min jiddefendihom, kienu jagħmlu inġustizzji u jaraw li jkollhom garanzija ta’ impunità.

Ġesù jirrikmanda li dawn il-persuni nibqgħu bogħod minnhom u li “nitħarsu” (cfr v. 38) milli nimitawhom.  Anzi, bil-kelma u l-eżempju tiegħu, kif nafu, jgħallem ħwejjeġ ferm differenti dwar l-awtorità.  Hu jaraha f’termini ta’ sagrifiċċju personali u servizz umli (cfr Mk 10,42-45), ta’ tenerezza materna u paterna fil-konfront tal-oħrajn (cfr Lq 11,11-13), speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn (Lq 10,25-37).  Jistieden lil min għandu s-setgħa biex mill-pożizzjoni ta’ poter li jkollu, jindokra lill-oħrajn, mhux jumiljahom, anzi jgħinhom iqumu, itihom it-tama u l-għajnuna.

Allura, ħuti, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien kif inġib ruħi fl-ambjenti fejn għandi responsabiltà?  Nimxi bl-umiltà, jew noqgħod niftaħar bil-pożizzjoni tiegħi?  Jien ġeneruz u nirrispetta lill-persuni jew nittrattahom b’mod goff u awtoritarju?  U jien qrib tal-aktar dgħajfa, naf immil biex ngħinhom iqimu mill-ġdid?

Il-Verġni Marija tgħinna nikkumbattu t-tentazzjoni li hemm ġo fina li nkunu ipokriti – Ġesù jsejħilhom ipokriti, l-ipokrisija hi tentazzjoni kbira – u tgħinna nagħmlu l-ġid bħal daqq ta’ trombi u bis-sempliċità.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f’Sivilja kien proklamat Beatu don Giuseppe Torres Padilla, ko-fundatur tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Kumpanija tas-Salib.  Hu għex fi Spanja fil-seklu 18 u ddistingwa ruħu  bħala saċerdot konfessur u gwida spiritwali, xhud  ta’ karità kbira ma’ min fil-bżonn.  Jalla l-eżempju tiegħu, iwieżen fuq kollox lis-saċerdoti fit-twettiq tal-ministeru tagħhom.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Tlett snin ilu kienet tnediet il-Pjattaforma ta’ Azzjoni dwar il-Laudato si’.  Irrodd ħajr li kull min jaħdem favur din l-inizjattiva.  A propożitu ta’ dan, nawgura li l-Konferenza dwar it-tibdil fil-klima COP29, li se tibda għada f’Baku, tkun ta’ kontribut effikaċi għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna.

Jien qrib tal-popolazzjoni tal-Gżira Flores fl-Indonesja, li ntlaqtet mill-eruzzjoni tal-vulkan; nitlob għall-vittmi, għall-familjari tagħhom u għall-evakwati.  U nġedded ħsiebi għall-abitanti ta’ Valencia u nħawi oħra ta’ Spanja li qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tal-għarar.  Nagħmlilkom mistoqsija: tlabtu  għal Valencia?  Għaddielkom minn moħħkom li tagħtu xi kontribut biex tgħinu llil dawk in-nies?  Din sempliċi mistoqsija.

Jien imħasseb bl-aħbarijiet li qed jaslu mill-Mozambique.  Nistieden lil kulħadd biex ikun hemm id-djalogu, it-tolleranza, it-tiftix bla heda għal soluzzjonijiet ġusti.  Nitolbu għall-popolazzjoni kollha tal-Mozambique, sabiex is-sitwazzjoni li hemm bħalissa ma ttelfilhomx il-fiduċja f’mixja lejn id-demokrazija, il-ġustizzja u l-paċi.

U, jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna, fejn qed jintlaqtu wkoll sptarijiet u binjiet ċivili oħra; u nitlobu għall-Palestina, għal-Iżrael, għal-Libanu, għall-Myanmar, għas-Sudan.  Nitolbu għall-paċi fid-dinja kollha.

Illum il-Knisja tal-Italja qed tiċċelebra l-Ġurnata ta’ Ringrazzjament.  Nesprimi gratitudni għad-dinja tal-agrikoltura u nħeġġeġ biex biex l-art tkun ikkultivata b’mod li tkun imħarsa l-fertilità tagħha anki għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll rumani u pellegrini, u liż-żgħażagħ tal-Immacolata.  Insellem partikolarment lill-fidili mill-Kazakhstan, minn Moska u minn New York, minn Bastia (Corsica), minn Beja u minn Algarve fil-Portugall, minn Varsavja, Lubjana u postijiet pollakki oħra.  Insellem lill-Kumitat promotur tal-Patt Edukattiv Globali flimkien mar-rappreżentanti ta’ bosta Universitajiet Kattoliċi; insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Empoli; lill-volontarji tal-Banco Alimentare u l-Banda Taljana tal-Arma tat-Trasport u Materjali oħra.  Nittamaw li mbagħad il-banda ssemmgħalna xi ħaġa sabiħa!

U nawgura lil kulħadd, lil kulħadd, il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org