Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Il-kliem li jgħidilna Ġesù fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd hu kliem iebes u jidher paradossali: Hu jistedinna ndawwru wiċċna n-naħa l-oħra u saħansitra biex inħobbu lill-għedewwa (cfr Mt 5, 38-38). Għalina hi ħaġa normali nħobbu lil min iħobbna u nkunu ħbieb ta’ min hu ħabib tagħna; madankollu. Ġesù jipprovokana u jgħidilna: jekk iġġibu ruħkom hekk, “m’inthom tagħmlu xejn straordinarju” (v. 47). “Xi ħlas jistħoqqilkom?” Dan hu l-punt li dwaru rrid niġbdilkom l-attenzjoni llum, fuq dil-frażi: x’hemm straordinarju f’għemilkom.
“Straordinarju” hu dak li jmur ‘l hinn mil-limiti ordinarji, li jogħla ‘l fuq mid-drawwiet tas-soltu u mill-kalkoli li tiddettalna l-prudenza. Iżda, ġeneralment, aħna nfittxu li jkollna kollox fl-ordni u taħt kontroll, b’mod li kollox jissodisfa l-istennija tagħna, il-qies tagħna; nibżgħu li ma nirċievu xejn lura jew li noħorġu għonqna żżejjed u mbagħad nibqgħu b’xiber imnieħer, nippreferu nħobbu biss lil min iħobbna biex nevitaw id-delużjonijiet, nagħmlu l-ġid ma’ min hu twajjeb magħna, inkunu ġenerużi biss ma’ min jista’ jroddilna lura l-favur; u lil min jitrattana ħażin inweġbuh bl-istess ton biex b’hekk inkunu sibna bilanċ. Imma l-Mulej iwiddibna: dan mhux biżżejjed! Forsi ngħidu: dan mhux Kristjan! Jekk nibqgħu nimirħu f’dak li hu tas-soltu, nibbilanċjaw bejn dak li nagħtu u dak li nirċievu, l-affarijiet ma jinbidlux. Kieku Alla jimxi b’dil-loġika nitilfu kull tama ta’ salvazzjoni! Imma, b’xorti tajba tagħna, l-imħabba t’Alla hi dejjem “straordinarja”, tmur lil hinn, tmur lil hinn mill-kriterji li soltu aħna l-bnedmin ngħixu fir-relazzjonijiet tagħna.
Allura, kliem Ġesù jisfidana. Filwaqt li aħna nippruvaw nibqgħu nirraġunaw skont dak li ordinarjament hu utilitarju, Hu jitolbna ninfetħu għal dak li hu straordinarju, għal imħabba gratwita straordinarja; filwaqt li aħna dejjem moħħna biex nivvendikaw ruħna, Kristu jixprunana biex ngħixu l-iżbilanċ tal-imħabba. Ġesù mhux accountant tal-affari tiegħu: le! Dejjem imexxi lejn l-iżbilanċ tal-imħabba. M’għandniex għalfejn niskantaw b’dan. Kieku Alla ma żbilanċjax ruħu, aħna qatt ma stajna nkunu salvati: kien l-iżbilanċjament tas-salib li salvana! Ġesù ma kienx jiġi jfittixna meta aħna konna mitlufin u mbegħdin, ma kienx se jibqa’ jħobbna sal-aħħar, ma kienx se jħaddan is-salib għalina, li ma kienx jistħoqqilna dan kollu, u ma stajna rrodulu xejn lura. Kif jikteb l-Appostlu Pawlu “bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb; għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruz. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna midinbin” (Rum 5,7-8). Hekk hu, Alla jħobbna waqt li aħna midinbin, mhux għax aħna tajbin jew għax nistgħu ntuh xi ħaġa lura. Ħuti, l-imħabba t’Alla hi imħabba dejjem bla qies, lil hinn mill-kalkoli, dejjem sproporzjonata. U llum qed jitlobna ngħixu bl-istess mod, għax hekk biss inkunu nagħtu xhieda tiegħu verament.
Ħuti, il-Mulej jirrakkomandalna biex noħorġu mil-loġika tal-interessi personali u biex ma nkejlux l-imħabba bil-miżien tal-kalkoli u tal-konvenjenzi. Jistedinna biex għad-deni ma nwiġbux bid-deni, biex nirriskjaw fit-tajjeb, nirriskjaw fl-għotja, anki jekk nirċievu ftit jew xejn lura. Għax hi din l-imħabba li ftit ftit tittrasforma l-kunflitti, tqassar id-distanzi, tegħleb l-ostilità u tfejjaq il-feriti tal-mibgħeda. Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna: jien, f’ħajti nimxi bil-loġika tal-interessi jew b’dik tal-gratwità, kif jagħmel Alla? L-imħabba straordinarja ta’ Kristu mhix faċli, imma hi possibbli; hi possibbli għax Hu stess jgħinna billi jtina d-don tal-Ispirtu, l-imħabba tiegħu bla limiti.
Nitolbu lill-Madonna, li meta tat ‘l-iva’ tagħha lil Alla bla ma qieset xejn, ippremettietlu jagħmel minnha kapulavur tal-grazzja tiegħu.
Sors: laikos.org