Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dan l-ewwel Ħadd tar-Randan jippreżentalna lil Ġesù fid-deżert ittentat mix-xitan (cfr Mt 4,1-11). Il-kelma “diavolo” tfisser “dak li jifred”. Ix-xitan dejjem lest biex joħloq il-firda, u dak jipprova jagħmel anki meta ttenta lil Ġesù. Ħa naraw, allura minn min irid jifirdu u b’liema mod jittentah.
Minn ma’ min irid jifred lil Ġesù x-xitan? Wara li rċieva l-Magħmudija minn Ġwanni, fil-Ġordan, il-Missier għaraf lil Ġesù bħala “Ibni l-maħbub” (Mt 3,17) u l-Ispirtu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema (cfr v. 16). B’hekk l-Evanġelju jippreżentalna lit-tlett Persuni divini magħqudin fl-imħabba. Wara, Ġesù stess jgħid li kien ġie fid-dinja biex itina sehem mill-għaqda li hemm bejnu u bejn il-Missier (cfr Ġw 17,11). Iżda x-xitan jagħmel il-maqlub; jidħol fix-xena biex jifred lil Ġesù minn mal-Missier u jaljenah mill-missjoni tal-għaqda mħejjija għalina. Jifred dejjem.
Naraw issa b’liema mod jipprova jagħmel dan. Ix-xitan irid japprofitta ruħu mill-kundizzjoni umana ta’ Ġesù, li hi dgħajfa għax kien ilu sajjem erbgħin jum u għandu l-ġuħ (cfr Mt 4,2). Allura l-malinn jipprova jinfdu bi tlett “veleni” qawwija biex jgħattablu l-missjoni li jgħaqqad. Dawn il-veleni huma d-dipendenza, l-isfiduċja u s-setgħa. Qabel kollox il-velenu tad-dipendenza mill-affarijiet, mill-bżonn; ix-xitan jipprova jimpressjona lil Ġesù b’raġunamenti persważivi “Għandek il-ġuħ, għalfejn għandek issum? Agħti widen għal dak li teħtieġ, issodisfah, għandek id-dritt u s-setgħa: ibdel il-ġebel f’ħobż”. Imbagħad it-tieni velenu, l-isfiduċja: “Inti żgur – jinsinwa l-malinn – li l-Missier iridlek il-ġid?”, ittestjah, irrikattah! Intefa’ għal isfel mill-aktar post għoli tat-tempju u ġiegħelu jagħmel dak li trid int”. Fl-aħħar is-setgħa, il-poter: “Lil Missierek m’għandekx bżonnu! Għalfejn toqgħod tistenna d-doni tiegħu? Imxi fuq il-kriterji tad-dinja, aħtaf kollox b’idejk, waħdek, u jkollok is-setgħa!” It-tlett tentazzjonijiet ta’ Ġesù. U aħna wkoll ngħixuhom dawn it-tliet tentazzjonijiet, dejjem. Terribbli, imma hekk hu, l-istess jiġri lilna wkoll: id-dipendenza mill-affarijiet, l-isfiduċja, l-għatx għall-poter huma tliet tentazzjonijiet mifruxin ħafna u perikolużi li x-xitan juża biex jifridna mill-Missier u ma jħalliniex inħossuna aktar aħwa bejnietna, biex iressaqna lejn is-solitudni u lejn id-disperazzjoni. Hekk ried jagħmillu lil Ġesù, hekk irid jagħmel lilna: iressaqna lejn id-disperazzjoni.
Iżda Ġesù jegħleb it-tentazzjonijiet. U kif jegħlibhom? Billi jevita li jiddiskuti max-xitan u jwieġeb bil-Kelma t’Alla. Dan hu l-importanti: max-xitan ma niddiskutux, max-xitan ma niddjalogawx! Ġesù jikkonfrontah bil-Kelma t’Alla. Jikkwotalu tlett sentenzi mill-Iskrittura li jitkellmu dwar il-ħelsien mir-rabta mal-affarijiet (cfr Dewt 8,3), il-fiduċja (cfr Dewt 6,16) u s-servizz lil Alla (Dewt 6,13), tlett sentenzi opposti għat-tentazzjonijiet. Qatt ma jiddjaloga max-xitan, ma jinnegozjax miegħu imma jirribatti l-insinwazzjonijiet tiegħu bil-Kliem ta’ fejda tal-Iskrittura. Hi stedina għalina wkoll: max-xitan ma niddiskutux! Ma ninnegozjawx, ma niddjalogawx; mhux se ngħelbuh jekk ninnegozjaw miegħu, hu aktar b’saħħtu minna. Lix-xitan ngħelbuh billi bil-fidi nopponuh bil-Kelma divina. Hekk Ġesù jgħallimna niddefendu l-għaqda ma’ Alla u bejnietna mill-attakki ta’dak li jifred. Il-Kelma divina, li hi t-tweġiba ta’ Ġesù lix-xitan.
U nistaqsu: x’post għandha l-Kelma t’Alla f’ħajti? Fit-taqbid spiritwali tiegħi nirrikorri għaliha? Jekk għandi vizzju jew tentazzjoni li ttanbar spiss, għaliex ma ngħinx lili nnnifsi billi nfittex vers mill-Kelma t’Alla li jkun tweġiba għal dak il-vizzju? Imbagħad, meta tasal it-tentazzjoni, ngħidu, nitlob bih bil-fiduċja fil-grazzja ta’ Kristu. Nippruvaw, dak ikun għajnuna fit-tentazzjonijiet, jgħinna qatigħ, għax fost il-bosta ilħna li jidwu ġewwa fina, tidwi l-Kelma t’Alla li taħji. Jalla Marija, li laqgħet il-Kelma t’Alla u li bl-umiltà tagħha għelbet is-suppervja ta’ dak li jifred, takkumpanjana fit-taqbida spiritwali fir-Randan.
Sors: laikos.org