Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
F’dawn il-katekeżijiet aħna qed inkomplu nitkellmu fuq iż-żelu appostoliku, jiġifieri dak li jħoss in-Nisrani biex imexxi ’l quddiem it-tħabbira ta’ Ġesù Kristu. U llum nixtieq nippreżenta eżempju ieħor kbir ta’ żelu appostoliku: tkellimna dwar San Franġisk Saverju, dwar San Pawl, iż-żelu appostoliku ta’ nies kbar żelanti; illum se nitkellmu fuq wieħed – Taljan – imma li mar ukoll iċ-Ċina: Matteo Ricci.
Oriġinarjament minn Macerata, fil-Marche, wara li studja fl-iskejjel tal-Ġiżwiti u daħal fl-istess Kumpanija ta’ Ġesù, imħeġġeġ mir-rakkonti tal-missjunarji li kien jisma’, bħal ħafna żgħażagħ oħra li kienu jisimgħu dan, talab li jiġi mibgħut fil-missjonijiet tal-Lvant Imbiegħed. Wara t-tentattiv ta’ Franġisku Saverju, 25 Ġiżwita ieħor kienu ppruvaw għalxejn li jidħlu fiċ-Ċina. Imma Ricci u konfratell ieħor ħejjew ruħhom tajjeb ħafna, studjaw bir-reqqa l-lingwa u d-drawwiet Ċiniżi, u fl-aħħar irnexxielhom jiksbu l-permess li jidħlu fin-nofsinhar tal-pajjiż. Kellhom jgħaddu 19-il sena, b’erba’ tappi f’erbat ibliet differenti, qabel setgħu jaslu f’Beijing, li kienet iċ-ċentru. B’perseveranza u sabar, imqanqal minn fidi soda, Matteo Ricci seħħlu jegħleb diffikultajiet, perikli, suspetti u oppożizzjonijiet. Immaġinaw f’dak iż-żmien, li timxi jew tmur fuq iż-żiemel, tant distanzi… u hu baqa’ miexi. Imma x’kien is-sigriet ta’ Matteo Ricci? Minn liema toroq għaddieh iż-żelu li kellu?
Hu dejjem mexa t-triq tad-djalogu u tal-ħbiberija mal-persuni kollha li magħhom kien jiltaqa’, u dan fetaħlu ħafna toroq għat-tħabbira tal-fidi Nisranija. L-ewwel opra tiegħu bl-ilsien Ċiniż kienet proprju trattat Fuq il-ħbiberija, li ħalla eku qawwi. Biex jidħol fil-kultura u fil-ħajja Ċiniża għall-ewwel kien jilbes il-‘bonzi’ Buddisti, skont id-drawwa tal-pajjiż, imma mbagħad fehem li l-aħjar triq kienet dik li jaqbad l-istil ta’ ħajja u l-ilbies tal-letterati, bħalma kienu jilbsu l-professuri universitarji: u hu kien jilbes hekk. Studja bir-reqqa t-testi klassiċi tagħhom, biex hekk seta’ jippreżenta l-Kristjaneżmu fi djalogu pożittiv mal-għerf Konfuċjan tagħhom u mad-drawwiet tas-soċjetà Ċiniża. U dan jissejjaħ atteġġjament ta’ inkulturazzjoni. Dan il-missjunarju għaraf “jinkultura” l-fidi Nisranija fi djalogu, bħalma għamlu l-Missirijiet tal-qedem mal-kultura Griega.
Il-preparazzjoni xjentifika mill-aqwa li kellu qanqlet interess u ammirazzjoni min-naħa tan-nies ta’ kultura, ibda mill-famuża mappa tiegħu tad-dinja, il-karta tad-dinja kollha magħrufa sa dak iż-żmien, bid-diversi kontinenti, li wriet liċ-Ċiniżi għall-ewwel darba realtà esterna għaċ-Ċina pjuttost usa’ minn dik li qatt kienu ħasbu. Uriehom li d-dinja hi wisq ikbar miċ-Ċina, u huma fehmu – għax kienu intelliġenti. Imma anki l-għarfien matematiku u astronomiku ta’ Ricci u tal-missjunarji segwaċi tiegħu wassal għal laqgħa għammiela bejn il-kultura u x-xjenza tal-Punent u tal-Lvant, li hawn sabet wieħed mill-aktar żminijiet hienja tagħha, f’isem id-djalogu u l-ħbiberija. Fil-fatt, l-opra ta’ Matteo Ricci qatt ma kienet se tkun possibbli mingħajr il-kollaborazzjoni tal-ħbieb kbar Ċiniżi tiegħu, bħall-famużi “Dottor Pawlu” (Xu Guangqi) u “Dottor Ljun” (Li Zhizao).
Madankollu, il-fama ta’ Ricci bħala bniedem ta’ xjenza ma għandhiex iddallam il-motivazzjoni l-aktar profonda tal-isforzi kollha tiegħu: jiġifieri, it-tħabbira tal-Vanġelu. Hu, bid-djalogu xjentifiku, max-xjenzati, mexa ’l quddiem, imma kien jagħti xhieda tal-fidi tiegħu, tal-Vanġelu. Il-kredibbiltà li kiseb bid-djalogu xjentifiku kienet tagħtih awtorevolezza biex jipproponi l-verità tal-fidi u tal-morali Nisranija, li dwarha hu jitkellem b’mod profond fl-opri Ċiniżi prinċipali tiegħu, bħal It-tifsira vera tal-Mulej tas-Sema – hekk jismu dak il-ktieb. Barra d-duttrina, hemm ix-xhieda tiegħu ta’ ħajja reliġjuża, ta’ virtù u ta’ talb: dawn il-missjunarji kienu jitolbu. Kienu jmorru jipprietkaw, kienu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, kienu jagħmlu mossi politiċi, kollox: imma kienu jitolbu. Huwa t-talb li jseddaq il-ħajja missjunarja, ħajja ta’ karità, kienu jgħinu lill-oħrajn, umli, b’diżinteress totali fl-unuri u l-għana, u dan wassal lil ħafna mid-dixxipli u ħbieb Ċiniżi tiegħu biex jilqgħu l-fidi Kattolika. Għax kienu jaraw raġel hekk intelliġenti, hekk għaref, hekk moħħu jilħaqlu – fis-sens tajjeb tal-kelma – biex imexxi l-affarijiet, u tant jemmen, li mbagħad kienu jgħidu: “Imma dak li jipprietka huwa minnu għax qalitu personalità li tagħti xhieda: tixhed b’ħajjitha stess għal dak li tħabbar”. Din hi l-koerenza tal-evanġelizzaturi. U dan imiss lilna l-Insara kollha li aħna evanġelizzaturi. Jiena nista’ ngħid il-“Kredu” bl-amment, nistgħu ngħidu dak kollu li aħna nemmnu, imma jekk il-ħajja tiegħek ma hix koerenti ma’ dak li tistqarr, ma tiswa għal xejn. Dak li jiġbed il-persuni hu x-xhieda ta’ koerenza: aħna l-Insara aħna msejħin ngħixu dak li ngħidu, biex ma nagħmlux tabirruħna li qed ngħixu ta’ Nsara imma nkunu ngħixu b’mod mondan. Ħarsu lejn dawn il-missjunarji kbar – bħal Matteo Ricci li hu Taljan – meta tħarsu lejn dawn il-missjunarji kbar, taraw li l-akbar qawwa tagħhom hi l-koerenza: huma koerenti.
Fl-aħħar jiem tal-ħajja tiegħu, lil min kien l-aktar qrib tiegħu u staqsieh kif kien qed iħossu, Matteo Ricci “wieġbu li f’dak il-mument kien qed jaħseb jekk kinux ikbar il-ferħ u l-allegrija li kien qed iħoss ġo fih għall-ħsieb li kien qrib lejn il-vjaġġ tiegħu biex imur jiggosta lil Alla, jew id-diqa li seta’ jħoss għax se jħalli lil sħabu tal-missjoni kollha li kien iħobb bil-kbir, u s-servizz li seta’ jibqa’ jagħti lill-Mulej Alla tagħna f’din il-missjoni” (S. De Ursis, Relazione su M. Ricci, Archivio Storico Romano S.I.). Huwa l-istess atteġġjament tal-Appostlu Pawlu (ara Fil 1:22-24) li ried jitlaq għal għand il-Mulej, imur jiltaqa’ mal-Mulej, imma “nibqa’ biex naqdi lilkom”.
Matteo Ricci miet f’Beijing fl-1610, fl-età ta’ 57 sena, bniedem li ta ħajtu kollha għall-missjoni. L-ispirtu missjunarju ta’ Matteo Ricci hu mudell ħaj attwali. Imħabbtu għall-poplu Ċiniż hija xempju; imma dik li tirrappreżenta triq attwali hi l-koerenza ta’ ħajtu, ix-xhieda tal-ħajja tiegħu bħala Nisrani. Hu wassal il-Kristjaneżmu fiċ-Ċina; huwa kbir, iva, għax hu xjenzat kbir, hu kbir għax hu kuraġġjuż, hu kbir għax kiteb tant kotba, imma fuq kollox hu kbir għax kien koerenti mal-vokazzjoni tiegħu, koerenti ma’ dik ir-rieda li jimxi wara Ġesù Kristu. Ħuti, illum aħna, kull wieħed u waħda minna, ejjew nistaqsu lilna nfusna: “Jiena koerenti, jew xi ftit hekk?”.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard